Skip to main content

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Flag of Sweden
L-Iżvezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Iva, is-smigħ tax-xhieda jista’ jsir b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru.

L-Artikolu 5 tal-Att (2003: 493) dwar ir-Regolament tal-UE dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (“ir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda”) jistipula li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titwettaq mill-qrati distrettwali u li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda barra s-seduta prinċipali għandhom japplikaw (il-Kapitolu 35, l-Artikoli 8–11 tal-Kodiċi) sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament.

Ta’ min jinnota li f’każijiet fejn ir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda ma jkunx applikabbli, id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu f’atti oħra, pereżempju l-Att (1946: 816) dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għal qorti barranija.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Kull parti li tkun trid tiġi eżaminata f’kawża tista’ tiġi eżaminata b’vidjokonferenza.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni partikolari.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir mill-qrati distrettwali. Minbarra dan, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni partikolari.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Iva, huwa permess u hemm il-faċilitajiet għalih.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Is-seduta ta’ smigħ trid issir bl-Iżvediż iżda l-qorti tista’ timpjega interpretu.

(b) Dan jiddependi mir-regoli tal-istat rikjedenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Għall-eżamijiet fl-Iżvezja, hija l-qorti Żvediża li tiddeċiedi jekk għandux jattendi interpretu u, jekk iva, kif.

(b) Il-qorti rikjedenti tista’, jekk ikun meħtieġ, titlob assistenza biex issib interpretu mill-Uffiċċji tal-Gvern, li huwa l-korp ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda. L-Uffiċċji tal-Gvern u l-qorti rikjedenti jistgħu jaqblu dwar kif l-interpretu għandu jattendi għall-eżami (l-Artikolu 20(2) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda).

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

(a) Il-qorti eżekutorja toħroġ taħrika lill-persuna li għandha tiġi eżaminata. It-taħrika tispeċifika l-ħin u l-post. Għalkemm ma hemm l-ebda rekwiżit statutorju dwar kemm irid jingħata żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-seduta, il-persuna mħarrka trid tingħata biżżejjed żmien (“avviż raġonevoli”) biex tikkonforma mat-taħrika.

(b) Dan jiddependi mir-regoli tal-istat rikjedenti.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

Il-qorti rikjedenti trid, jekk il-qorti Żvediża titlob dan, tħallas l-ispejjeż tal-esperti u l-interpreti, l-ispejjeż li jirriżultaw mit-talba għall-eżekuzzjoni skont proċedura speċjali, u l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni bħall-vidjokonferenzi u t-telekonferenzi (ara l-Artikolu 22(2) u l-Artikolu 12(3) u (4) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda).

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Hija l-qorti rikjedenti li għandha tinforma lill-persuna kkonċernata li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda għandha titwettaq fuq bażi volontarja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Ma hemm l-ebda proċedura regolata speċifikament biex tiġi vverifikata l-identità waqt din il-konnessjoni.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Bħala regola ġenerali, japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar il-ġuramenti, u ma ġiet stipulata l-ebda kundizzjoni jew informazzjoni speċifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

F’kull qorti hemm persunal li jkun jista’ jopera faċilitajiet tal-vidjokonferenzi.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Normalment ma tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna