Skip to main content

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Flag of Italy
L-Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 149 tal-10 ta’ Ottubru 2022 introduċa l-possibbiltà fil-liġi Taljana li, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-seduti jsiru permezz ta’ konnessjonijiet awdjoviżivi remoti (l-Artikolu 127-a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fi proċedimenti ċivili Taljani, l-imħallef jista’ jordna seduta permezz ta’ vidjokonferenza fejn il-partijiet, l-avukati tagħhom, il-prosekutur pubbliku u l-membri awżiljarji tal-qorti biss ikunu preżenti. Madankollu, jekk ikollhom jinstemgħu ix-xhieda, huwa obbligatorju għalihom li jidhru personalment quddiem il-qorti. Għaldaqstant il-vidjokonferenzi mhumiex permessi għall-eżami tax-xhieda quddiem il-qrati Taljani.

Dan ifisser li meta qorti Taljana tirċievi talba għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda skont it-tifsira tal-Artikolu 12 et seq. tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, ix-xhud dejjem irid jidher personalment quddiem il-qorti.

Madankollu, jekk il-qorti Taljana tiddeċiedi li teżamina xhud biex teżegwixxi talba magħmula fit-tifsira tal-Artikolu 12 et seq. tar-Regolament, huwa possibbli li l-imħallef rikjedenti jattendi s-seduta permezz ta’ vidjokonferenza, anke jekk dan ma jkunx previst fil-każ ta’ kawżi ċivili domestiċi, peress li dawn huma arranġamenti li ma jiksrux il-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Taljan, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-għażla libera taċ-ċittadini li jinstemgħu b’dawn il-mezzi (l-ebda koerċizzjoni ma tista’ ssir fl-Italja).

Fir-rigward tal-każ differenti tal-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor, il-vidjokonferenza tista’ tintuża skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament, peress li l-projbizzjoni fuq l-eżami tax-xhieda permezz ta’ vidjokonferenza mhijiex regola tal-ordni pubbliku proċedurali.

F’dan ir-rigward, il-proċedura li tiġi applikata normalment hija dik li x-xhud jiġi eżaminat mill-qorti barranija permezz ta’ vidjokonferenza ladarba t-talba tkun intlaqgħet mill-Awtorità Ċentrali stabbilita fid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Ladarba t-talba tkun intlaqgħet, il-qorti barranija tista’ tipproċedi bl-eżami tax-xhud billi tuża s-sistema ta’ konnessjoni awdjoviżiva li tippreferi, mingħajr ebda involviment min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja Taljana. Fi kwalunkwe każ, il-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna msejħa biex tixhed li l-kumpilazzjoni tax-xhieda qed issir fuq bażi volontarja u toqgħod lura milli tuża miżuri ta’ koerċizzjoni, f’konformità mal-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament.

Il-vidjokonferenza tista’ ssir fil-bini tal-qorti, jekk l-awtorità rikjedenti jew il-persuna msejħa biex tixhed titlob hekk espressament, permezz ta’ tagħmir ipprovdut mid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Ħabsijiet (DAP).

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1. Ix-xhieda ma jistgħux jiġu eżaminati bil-vidjokonferenza minn qorti Taljana, għalkemm jistgħu jiġu interrogati permezz ta’ vidjokonferenza minn qorti barranija li tkun talbet il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda.

Il-partijiet u l-konsulenti tekniċi jistgħu jiġu eżaminati wkoll permezz ta’ vidjokonferenza, inkluż mill-qrati Taljani, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 127-a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 196-k tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar it-tip ta’ xhieda li tista’ tiġi kkumpilata b’vidjokonferenza.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1. B’mod partikolari, minħabba li, kif intqal aktar ’il fuq, l-użu tal-vidjokonferenza huwa permess biss fil-każ ta’ xhieda diretta, l-għażla ta’ arranġamenti speċifiċi titħalla f’idejn il-qorti rikjedenti. Ma hemm l-ebda restrizzjoni, u l-persuna tista’ tinstema’ wkoll minn darha; madankollu, l-Istat Taljan jista’ jipprovdi kamra fil-binja tal-qorti u tagħmir tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Ħabsijiet (DAP) meta jkun hemm talba speċifika għal dan.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Ir-reġistrazzjoni tas-seduti b’vidjokonferenza ġeneralment mhijiex permessa (l-Artikolu 196-k tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, jekk ir-reġistrazzjoni tkun meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat fejn ikun għaddej il-proċess, il-qorti rikjedenti tista’ tkun awtorizzata tirreġistra s-seduta bil-mezzi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha. Ir-reġistrazzjoni bl-awdjo tas-seduti f’materji ta’ impjieg u sigurtà soċjali dejjem hija permessa (l-Artikolu 422 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’każijiet fejn il-qorti barranija tikkumpila x-xhieda direttament, ir-reġistrazzjoni tista’ ssir jekk tkun permessa mis-sistema legali tal-awtorità rikjedenti.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Il-qrati Taljani jagħmlu s-seduti bit-Taljan u jikkumpilaw ix-xhieda b’dik il-lingwa; jekk ikun meħtieġ interpretu, dan huwa possibbli, iżda l-ispejjeż iridu jitħallsu mill-partijiet fil-kawża fl-Istat rikjedenti;

(b) Il-qorti tal-Istat rikjedenti tuża l-lingwa prevista fis-sistema legali tagħha stess, bl-involviment ta’ interpretu jekk ikun meħtieġ.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Ara l-punt 6.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

(a) Fil-każijiet koperti mill-Artikolu 12 et seq. tar-Regolament, il-qorti torganizza s-seduta, iżda l-avukat tal-parti li tkun talbet ix-xhieda jrid jorganizza t-taħrika tax-xhud;

(b) Fil-każijiet fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 19 et seq. tar-Regolament, il-partijiet iridu jħarrku lill-persuna li tkun se tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza, filwaqt li jindikaw il-post, id-data u l-ħin li jridu jiġu ddeterminati mill-qorti, il-metodu ta’ konnessjoni u l-pjattaforma li għandha tintuża. Fil-każijiet fejn ix-xhud ikun se jinstema’ permezz ta’ tagħmir tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Ħabsijiet fil-binja tal-qorti, ikunu meħtieġa madwar 30 jum biex tiġi organizzata l-konnessjoni. Id-data trid tiġi miftiehma mal-uffiċċju tal-Awtorità Ċentrali Taljana peress li tiddependi mid-disponibbiltà tal-binja.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-Italja ma titlobx rimborż għall-ispejjeż tal-użu tal-faċilitajiet ta’ vidjokonferenza. Dawn jitħallsu mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

L-obbligu li tiġi pprovduta din l-informazzjoni huwa tal-Istat rikjedenti.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Jekk il-vidjokonferenza ssir f’uffiċċju ġudizzjarju, l-identità tal-persuna tiġi vverifikata mill-iskrivan tal-qorti.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Il-qorti tal-Istat rikjedenti u l-liġi tagħha jirregolaw ukoll kif għandhom jittieħdu l-ġuramenti; il-verżjoni Taljana mhijiex imposta. Skont il-Qorti Kostituzzjonali Taljana, xhud jista’ jirrifjuta li jieħu ġurament reliġjuż iżda ma jistax jirrifjuta li jagħti impenn solenni li jgħid il-verità.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Jekk il-persuna tiġi intervistata permezz ta’ tagħmir ipprovdut mid-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-Ħabsijiet, id-dipartiment li jipprovdi l-faċilitajiet iwettaq testijiet biex jivverifika l-kompatibbiltà tas-software u tat-tagħmir u jikkoordina mal-uffiċċju tal-qorti rikjedenti biex jivverifika li l-konnessjonijiet qegħdin jaħdmu.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Ġeneralment, jekk il-formoli jkunu mimlija kif suppost, ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni (inkluża l-formola N u kwalunkwe dettall tekniku). Inkella, l-uffiċċji jikkoordinaw flimkien biex isolvu kwalunkwe problema jew jiksbu aktar informazzjoni.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna