1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?
Iż-żewġ proċeduri huma possibbli. Kull talba għandha tindika b’mod ċar għal liema proċedura qed tirreferi l-qorti rikjedenti.
Meta ssir talba skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Proċedurali Ġudizzjarju relatati mal-kumpilazzjoni ta’ xhieda japplikaw għas-seduta.
2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?
Ma hemmx restrizzjonijiet bħal dawn fil-materji ċivili u kummerċjali. Ix-xhieda, l-esperti u l-partijiet kollha jistgħu jiġu eżaminati permezz ta’ vidjokonferenza.
3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?
Ma hemm l-ebda restrizzjoni.
4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?
Le.
5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?
Filwaqt li r-reġistrazzjoni ta’ seduta ta’ smigħ permezz ta’ vidjokonferenza mhijiex ipprojbita, it-tagħmir meħtieġ mhuwiex disponibbli fil-qrati kollha. Għandha ssir mistoqsija speċifikament dwar dan meta ssir it-talba.
6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Meta ssir talba f’konformità mal-Artikoli 12 sa 14, is-seduta ta’ smigħ issir bil-Finlandiż jew bl-Iżvediż. Fil-każ ta’ kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 19 sa 21, il-qorti rikjedenti tagħżel il-lingwa li għandha tintuża.
7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Meta ssir talba skont l-Artikoli 12 sa 14, l-organizzazzjoni u l-iskjerament tal-interpreti jistgħu jiġu miftiehma bejn il-qrati rikjedenti u dawk rikjesti. Meta ssir talba skont l-Artikoli 19 sa 21, il-qorti rikjedenti nnifisha tkun responsabbli għar-reklutaġġ u l-iskjerament tal-interpreti.
8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?
Meta jsiru talbiet skont l-Artikoli 12 sa 14, il-qorti rikjesta trid tibgħat ċitazzjoni bil-miktub għas-seduta. Preferibbilment jitħalla jgħaddi perjodu minimu ta’ bejn ġimagħtejn u tliet ġimgħat min-notifika sad-data tas-seduta ta’ smigħ. Meta ssir talba skont l-Artikoli 19 sa 21, il-qorti rikjedenti tkun responsabbli għas-servizz u l-arranġamenti.
9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?
Meta persuna jkollha seduta ta’ smigħ f’qorti b’tagħmir tal-vidjo f’konformità mal-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament, l-użu ta’ vidjokonferenza normalment ma jkunx jinvolvi spejjeż separati. Meta persuna jkollha seduta ta’ smigħ barra l-qorti f’konformità mal-Artikoli 19 sa 21, l-ispejjeż tal-vidjokonferenza jridu jiġġarrbu mill-qorti rikjedenti.
10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?
Skont l-Artikolu 19(2), il-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna konċernata illi s-seduta ta’ smigħ mhix obbligatorja.
11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?
Meta ssir talba skont l-Artikoli 12 sa 14, il-qorti rikjesta trid tistabbilixxi l-identità tal-persuna li jkollha s-seduta ta’ smigħ u tivverifikaha, fejn ikun xieraq, abbażi tad-dokument tal-identità jew tal-passaport tagħha. Meta ssir talba skont l-Artikoli 19 sa 21, il-qorti rikjedenti trid tivverifika hi stess l-identità tal-persuna li jkollha s-seduta ta’ smigħ.
12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
L-ebda rekwiżit speċifiku relatat mat-teħid tal-ġurament ma japplika għall-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda taħt l-Artikoli 19 sa 21. Ġurament jitteħed f’konformità mal-liġi tal-qorti li tkun qed tisma’ lix-xhud.
13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?
Il-qorti rikjesta trid tindika persuna ta’ kuntatt għal dan il-għan.
14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?
- Il-qorti rikjedenti għandha tindika l-persuna ta’ kuntatt kemm għall-arranġamenti tekniċi kif ukoll għal mistoqsijiet speċifiċi (legali).
- It-talba għandha tindika d-dettalji ta’ kuntatt (indirizz tal-posta elettronika u/jew numru tat-telefown) tal-persuna ta’ kuntatt li permezz tagħha jsir il-kuntatt ukoll waqt is-seduta ta’ smigħ, pereżempju fil-każ ta’ problemi bil-link tal-vidjo.
- Jekk ikun hemm differenza fiż-żona tal-ħin bejn il-pajjiżi, it-talba għandha tindika jekk il-ħin indikat għas-seduta ta’ smigħ huwiex il-ħin fl-Istat rikjedenti jew fl-Istat rikjest.