Skip to main content

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Flag of Estonia
Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Iva, il-provi jistgħu jinġabru bil-vidjokonferenza. L-Artikolu 20(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (riformulazzjoni) jistipula li l-qorti rikjedenti tikkumpila x-xhieda bl-użu ta’ vidjokonferenzi jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni, dment li tali teknoloġija tkun disponibbli għall-qorti u l-qorti tqis l-użu ta’ tali teknoloġija bħala xieraq minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawża. Il-qrati fl-Estonja għandhom il-faċilitajiet meħtieġa għall-vidjokonferenzi. Skont l-Artikolu 15(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Tsiviilkohtumenetluse seadustik, disponibbli online hawnhekk), id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi japplikaw għall-għajnuna fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fl-Estonja abbażi tat-talbiet mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, safejn ma jkunx previst mod ieħor mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (riformulazzjoni). Skont l-Artikolu 15(5) tal-Kodiċi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi jew minn trattat, qorti Estonjana tipprovdi għajnuna ġudizzjarja għat-twettiq ta’ operazzjoni proċedurali fuq talba minn qorti barranija jekk, skont il-liġi Estonjana, l-operazzjoni mitluba tkun taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni speċifika tal-qorti Estonjana u ma tkunx ipprojbita mil-liġi. Operazzjoni proċedurali tista’ titwettaq ukoll skont il-liġi barranija, dment li dan ikun meħtieġ għal proċedimenti fl-Istat barrani u ma jagħmilx ħsara lill-interessi tal-partijiet fil-proċedimenti. Il-proċessi jew is-seduti b’parteċipazzjoni mill-bogħod huma rregolati mill-Artikolu 350 tal-Kodiċi. L-ebda dispożizzjoni jew restrizzjoni speċifika ma tapplika għall-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza skont ir-Regolament 2020/1783, inkluż, fil-każ ta’ proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod, l-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza direttament mill-qorti rikjedenti ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 20 tar-Regolament.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

F’konformità mal-Artikolu 350(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, parti fi proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod għandha l-opportunità li twettaq l-operazzjonijiet proċedurali f’ħin reali, jiġifieri tista’ tagħmel dikjarazzjoni ġuramentata jew, waqt proċediment b’rikors, dikjarazzjoni mhux ġuramentata; skont l-Artikolu 350(2), xhud jew espert jistgħu jinstemgħu wkoll fi proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod.

Għalhekk, parteċipant fi proċediment jista’ jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata jew, fi proċediment b’rikors, dikjarazzjoni mingħajr ġurament permezz ta’ proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod, u x-xhud jew l-espert jistgħu jinstemgħu permezz ta’ proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Skont l-Artikolu 350(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’ torganizza proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod sabiex il-parti fil-proċediment jew ir-rappreżentant jew il-konsulent tagħha jkunu jistgħu jinsabu f’post ieħor dakinhar tas-seduta u jkunu jistgħu jwettqu l-operazzjonijiet proċedurali fil-ħin reali f’dak il-post.

Għalhekk, il-qorti tista’ torganizza proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod b’mod li dik il-persuna ma jkollhiex għalfejn tkun preżenti l-qorti għall-eżami.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Iva, is-seduti tal-qorti jistgħu jiġu rekordjati. Ir-rekordings għandhom isiru skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 52 jew l-Artikolu 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. It-teknoloġija għas-seduti mill-bogħod użata fil-qrati tippermetti r-rekordjar tas-seduti skont l-Artikolu 52 tal-Kodiċi.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Skont l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-lingwa tal-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċedura tal-qorti hija l-Estonjan. Skont l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-verbal tas-seduti tal-qorti u l-operazzjonijiet proċedurali l-oħrajn jiġu abbozzati bl-Estonjan. Qorti tista’ tirreġistra kull testimonjanza jew dikjarazzjoni mogħtija waqt seduta l-qorti b’lingwa barranija fil-verbal bil-lingwa li fiha tkun ingħatat flimkien ma’ traduzzjoni bl-Estonjan jekk ikun meħtieġ għal preżentazzjoni preċiża tat-testimonjanza jew dikjarazzjoni. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Estonja ma għandu l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-arranġamenti lingwistiċi għat-testimonjanzi jew dikjarazzjonijiet fuq talba ta’ qorti minn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (riformulazzjoni).

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Skont l-Artikolu 34(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk parti fi proċediment ma tkunx tifhem bl-Estonjan u jekk ma jkollhiex rappreżentant waqt il-proċediment, il-qorti, meta jkun possibbli, tqabbad interpretu fil-proċediment, jew fuq talba ta’ dik il-parti jew fuq l-inizjattiva tal-qorti. Ma għandux għalfejn jitqabbad interpretu jekk id-dikjarazzjonijiet tal-parti fil-proċedimenti jinftiehmu mill-qorti u mill-partijiet l-oħra. Jekk il-qorti ma tkunx tista’ tqabbad interpretu mill-ewwel, hija tagħti deċiżjoni fejn il-parti fil-proċediment li jkollha bżonn l-għajnuna ta’ interpretu jkollha ssib interpretu jew rappreżentant li jaf bl-Estonjan għaliha nnifisha f’perjodu ta’ żmien li tistabbilixxi l-qorti (l-Artikolu 34(2) tal-Kodiċi). Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Estonja ma għandux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar fejn ikun jinsab l-interpretu għall-finijiet tal-kumpilazzjoni tax-xhieda skont ir-Regolament.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Skont l-Artikolu 343(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, sabiex tinnotifika l-ħin u l-post fejn tkun se ssir is-seduta tal-qorti, il-qorti tinnotifika lill-partijiet fil-proċedimenti u lill-persuni l-oħra mistiedna għas-seduta tal-qorti. Skont l-Artikolu 343(2) tal-Kodiċi, l-intervall bejn id-data tan-notifika u d-data tas-seduta tal-qorti għandu jkun mill-inqas ta’ 10 ijiem. L-intervall jista’ jkun iqsar jekk il-partijiet jaqblu dwaru.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż involuti għall-kumpilazzjoni tax-xhieda skont ir-Regolament Nru 2020/1783 huma speċifikati fl-Artikolu 22 tar-Regolament. Skont l-Artikolu 15(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti rikjedenti ma tkoprix l-ispejjeż tal-operazzjoni proċedurali. Il-qorti li tkun qed twettaq l-operazzjoni proċedurali tinforma lill-qorti rikjedenti bl-ispejjeż, u dawn l-ispejjeż jitqiesu bħala spejjeż marbuta mal-kwistjoni li qed tinstema’. Bħala spejjeż meqjusa essenzjali għall-proċediment, l-ispejjeż għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jridu jitħallsu f’konformità mal-Artikolu 148(1) tal-Kodiċi, li jgħid illi sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-proċedimenti jitħallsu bil-quddiem, safejn jiġi ordnat mill-qorti, mill-parti fil-proċedimenti li ppreżentat ir-rikors li miegħu jkunu marbuta l-ispejjeż. Jekk iż-żewġ partijiet ikunu daħħlu rikors jew jekk xhud jew espert jiġu msejħa jew spezzjoni ssir ex officio mill-qorti, l-ispejjeż jinqasmu bejn il-partijiet b'mod indaqs. Peress illi l-qrati għandhom faċilitajiet għall-vidjokonferenzi, ma għandux ikun hemm spejjeż għall-użu tagħhom.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

L-Artikolu 19(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi illi l-persuni jiġu infurmati illi l-eżami dirett mill-qorti rikjedenti huwa volontarju.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Skont l-Artikolu 347(2)(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-bidu ta’ seduta tal-qorti, il-qorti tivverifika liema mill-persuni mħarrka huma preżenti għas-seduta u l-identitajiet tagħhom. Il-Kodiċi ma jipprovdix proċedura speċifika għall-verifika tal-identità waqt seduta tal-qorti. Il-qorti trid tivverifika l-identità tal-persuni msejħa. Għal dan il-għan, hija tivverifika, pereżempju, dokument ta' identifikazzjoni b'ritratt ta' dik il-persuna. L-identità tal-persuna li qiegħda tieħu sehem permezz tal-vidjokonferenza tista’, pereżempju, tiġi determinata minn fuq kopja ta’ dokument ippreżentat lill-qorti bil-quddiem.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Skont l-Artikolu 269(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, parti fil-proċedimenti trid tieħu l-ġurament li ġej qabel tagħti x-xhieda tagħha:

“Jien (isem) naħlef fuq l-unur u l-kuxjenza tiegħi illi ngħid il-verità kollha dwar il-kwistjoni mingħajr ma naħbi, inżid jew nibdel xi ħaġa.” Il-parteċipant fi proċediment jieħu l-ġurament verbalment u jiffirma t-test tal-ġurament.

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Kodiċi, persuna li ma jkollhiex ħakma tajba tal-Estonjan trid tieħu l-ġurament b’lingwa li jkollha ħakma tajba tagħħa; skont l-Artikolu 36(2), il-firma ssir fuq it-test bl-Estonjan tal-ġurament, li jiġi tradott direttament lill-persuna qabel ma tiffirmah.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 262(1) tal-Kodiċi jistipula illi qabel ma jagħti x-xhieda tiegħu, il-qorti trid tispjega lix-xhud l-obbligu tiegħu li jgħid il-verità kif ukoll il-kontenut tal-Artikoli 256-259 tal-Kodiċi. Skont l-Artikolu 303(5) tal-Kodiċi, id-dispożizzjonijiet dwar is-smigħ tax-xhieda japplika wkoll għall-esperti. Espert li mhuwiex espert forensiku jew espert privat reġistrat jiġi mwissi, qabel ma jippreżenta l-opinjoni tal-espert tiegħu, illi ma jistax jipprovdi intenzjonalment opinjoni tal-espert skorretta, u l-espert jiffirma dan billi jiffirma l-verbal tal-qorti jew it-test tat-twissija. It-twissija ffirmata tiġi ppreżentata lill-qorti flimkien mal-opinjoni tal-espert.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Skont l-Artikolu 350(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, matul seduta l-qorti organizzata bħala proċess jew seduta b’parteċipazzjoni mill-bogħod, id-dritt ta’ kull parti li tippreżenta rikorsi u talbiet u biex tifformula pożizzjoni dwar it-talbiet u r-rikorsi tal-partijiet l-oħra fil-proċedimenti jrid jiġi ggarantit u l-kundizzjonijiet l-oħra tas-seduta tal-qorti ssodisfati b’mod teknikament sigur matul it-trażmissjoni f’ħin reali lill-qorti tal-awdjo u l-vidjo mill-parti fil-proċediment li ma tkunx preżenti fil-bini tal-qorti u viċe versa.

Kull qorti għandha ħaddiem miċ-Ċentru tar-Reġistri u s-Sistemi ta’ Informazzjoni li jaħdem bħala speċjalist intern tal-IT, li jassigura illi l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi jkunu qed jaħdmu u jsolvi kull problema teknika.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

L-informazzjoni rikjesta tkun fil-formola ta' applikazzjoni. Kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa tiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull kawża.

Skont l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-lingwa tal-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċedura tal-qorti hija l-Estonjan. Skont l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-verbal tas-seduti tal-qorti u l-operazzjonijiet proċedurali l-oħrajn jiġu abbozzati bl-Estonjan. Qorti tista’ tirreġistra kull testimonjanza jew dikjarazzjoni mogħtija waqt seduta l-qorti b’lingwa barranija fil-verbal bil-lingwa li fiha tkun ingħatat flimkien ma’ traduzzjoni bl-Estonjan jekk ikun meħtieġ għal preżentazzjoni preċiża tat-testimonjanza jew dikjarazzjoni. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Estonja ma għandu l-ebda dispożizzjoni speċifika, skont ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (riformulazzjoni), dwar l-arranġamenti lingwistiċi għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jew tad-dikjarazzjonijiet.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna