Skip to main content

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Flag of Luxembourg
Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Minbarra l-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tat-12 ta’ Diċembru 2006, id-dritt Lussemburgiż jippermetti wkoll li jiġu rkuprati malajr djun ta’ aktar minn EUR 15,000 permezz ta’ rikors quddiem il-qorti distrettwali għal proċedura ta’ ordni provviżorja (ordonnance sur requête). Għal djun sa EUR 15,000, jistgħu jitressqu proċedimenti għal talbiet żgħar quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix): ara “Talbiet żgħar - Il-Lussemburgu”.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-persuna kkonċernata tista’ jew tressaq azzjoni sommarja għal miżura provviżorja (azzjoni en référé) jew tapplika għal proċedura ta’ ordni ta’ ħlas (ordonnance de paiement).

Il-proċeduri sommarji għal miżura provviżorja jridu jiġu segwiti minn proċeduri bis-sħiħ dwar il-mertu tat-talba, bir-riżultat illi, b'mod ġenerali, il-proċeduri li jridu jsiru għandhom tendenza jqumu l-flus.

L-ordni ta’ ħlas provviżorja huwa l-aktar metodu mgħaġġel u bi ffrankar ta’ flus għall-irkupru tad-dejn.

Il-proċedura tvarja skont l-ammont tat-talba li trid tiġi rkuprata.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Ordni ta’ ħlas provviżorja tista’ ssir għal talbiet ta’ flus fejn is-somma prinċipali (esklużi l-imgħax u l-ispejjeż) tkun ta’ aktar minn EUR 15,000.

Ordni ta’ ħlas provviżorja tista’ ssir biss kontra debitur li għandu d-domiċilju tiegħu fil-Lussemburgu.

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas provviżorja tista’ tintuża biss għal talbiet finanzjarji b’dokumenti mehmuża. Il-proċedura ma tistax tintuża, pereżempju, sabiex jingħata ordni ta' malajr għad-danni.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Mhux obbligatorja.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.

1.2 Il-qorti kompetenti

Kreditur li jixtieq jikseb ordni provviżorja għal ammont ta’ aktar minn EUR 15,000 għandu japplika għand il-president tal-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni għall-post fejn id-debitur ikollu l-indirizz tiegħu (domiċilju), sakemm il-kreditur ma jkunx jista’ jinvoka klawżola valida dwar l-għażla tal-ġuriżdizzjoni. Hemm żewġ Qrati Distrettwali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, waħda fil-Lussemburgu u l-oħra f'Diekirch.

Japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Ir-rikors għal ordni ta’ ħlas provviżorja għandu jintbagħat lir-reġistru (greffe) tal-qorti distrettwali. Biex ikun validu, irid ikun fih il-kunjomijiet, l-ismijiet, id-dettalji dwar l-impjieg, id-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrent u l-konvenut, il-kwistjoni li dwarha qed isir ir-rikors, dikjarazzjoni tar-raġunijiet u d-dokumenti ta' sostenn.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemmx formola obbligatorja.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Il-kreditur ma għandux għalfejn jidher għalih avukat biex jippreżenta r-rikors għal ordni ta' ħlas.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-kreditur għandu jindika l-kwistjoni li għaliha qed jirreferi r-rikors (jiġifieri l-ammont li qed jintalab) u jipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet (jiġifieri r-raġunijiet għalfejn huma dovuti l-flus). Filwaqt li din id-dikjarazzjoni tista' ssir fil-qosor, għandha tindika r-raġunijiet rilevanti. Il-portata tal-ispjegazzjonijiet li għandhom jingħataw se tvarja fil-prattika skont il-kumplessità tal-każ: jekk id-dokumenti jkunu awto-spjegattivi, tkun trid tingħata biss spjegazzjoni fil-qosor.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Il-kredituri iridu jipprovdu dokumenti ta' sostenn mar-rikors tagħhom. L-imħallef jiddeċiedi dwar l-ammissibiltà tar-rikors essenzjalment fuq il-bażi ta' dawn id-dokumenti.

Huma biss “dokumenti” li jistgħu jiġu prodotti: il-kreditur ma jistax – f’dan l-istadju tal-proċedimenti – jipproponi li jagħti prova li t-talba tiegħu hija fondata b’mezzi oħra, pereżempju billi jsejjaħ ix-xhieda.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

L-imħallef jiċħad it-talba jekk hu jqis li r-raġunijiet mogħtija mhumiex prova biżżejjed li t-talba hija ġġustifikata.

Bħal kull deċiżjoni ġudizzjarja oħra, l-ordni ta' ċaħda jrid jinkludi r-raġunijiet.

1.5 Appell

Ma jistax isir appell minn ordni ta' ċaħda. Madankollu l-kreditur jista' jibda proċedimenti ġenerali l-Qorti dwar il-mertu tal-kawża, jew proċedimenti sommarji għal miżura provviżorja.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Debitur li jiġi nnotifikat b'ordni provviżorju għal ħlas għandu 30-il ġurnata biex jappella l-ordni.

L-appell isir permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata fir-reġistru mill-appellant jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha. Id-dikjarazzjoni trid tispjega fil-qasir ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata, u jkollha mehmuż magħha kull dokument li jista' jgħin biex jiġġustifika l-appell.

Ir-reġistratur iniżżel id-dikjarazzjoni tal-appell fir-reġistru tal-qorti, joħroġ irċevuta, u jinnotifika l-appell lill-konvenut.

Għalkemm il-limitu ta’ żmien biex issir oġġezzjoni huwa ta’ 15-il jum, fir-realtà huwa possibbli li ssir oġġezzjoni sakemm il-kreditur ma jkunx applika għal ordni eżekuttiv (titre exécutoire de l’ordonnance). Peress li l-kredituri rari jitolbu li jinħareġ immedjatament ordni eżekuttiv wara l-perjodu ta' 30-il ġurnata, id-debituri ta' spiss ikollhom aktar ħin minn dak provdut mil-liġi, iżda ma jgawdux mill-istess ċertezza li jkollhom fl-ewwel 30-il ġurnata.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-appell tad-debitur iwaqqaf il-proċedura, li jfisser li ma jistax jinħareġ mal-ewwel ordni eżekuttiv. Madankollu, ċerti effetti tan-notifika jkomplu; l-imgħax ikompli jakkumula, pereżempju, mid-data li fiha l-ordni tkun ġiet innotifikata lid-debitur.

L-imħallef jeżamina l-appell. Jekk l-imħallef ikun tal-fehma li l-appell jista' jiġi milqugħ, il-fehma tiegħu/tagħha titniżżel f'ordni li jagħti r-raġunijiet u jiddeċiedi/tiddeċiedi li l-ordni maħruġ qabel huwa null u bla effett. Jekk l-appell huwa ġġustifikat parzjalment, l-imħallef jordna l-ħlas tal-parti tat-talba li huwa jkun laqgħa. Jekk l-appell jiġi miċħud, l-imħallef joħroġ ordni kontra d-debitur.

Skont din il-proċedura, l-imħallef jista' jagħti sentenza mingħajr ma jisma' lill-partijiet. L-imħallef jista' jsejjaħ lill-partijiet biex jidhru waqt seduta, iżda ma hemmx obbligu biex it-talbiet jinstemgħu f'seduta miftuħa.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk id-debitur ma jippreżentax oġġezzjoni fi żmien 30 jum min-notifika, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti toħroġ ordni eżekuttiv (titre exécutoire).

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-kreditur jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha jippreżentaw rikors fir-reġistru tal-qorti li jiddaħħal fir-reġistru tal-qorti.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Jekk l-ordni provviżorja tkun ġiet innotifikata personalment lid-debitur, l-ordni eżekuttiv jkollha l-effett ta’ ordni mogħtija fi proċedimenti li fihom iż-żewġ naħat ikunu nstemgħu, u tista’ tiġi appellata biss sa 15-il jum wara li tiġi nnotifikata. Jekk l-ordni provviżorja ma tkunx ġiet innotifikata personalment lid-debitur, l-ordni eżekuttiv jkollha l-effett ta’ ordni magħmula b’kontumaċja, u rikors għall-annullament tagħha jista’ jitressaq sa tmint ijiem mid-data li fiha tiġi nnotifikata; dan il-perjodu jimxi b’mod prarallel ma’ dak għal appell.

- Ħoloq relatati

http://www.legilux.lu/;

https://justice.public.lu/fr.html

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna