1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas
Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi deskritta fl-Artikoli 1014-1025 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2013.
1.1 L-ambitu tal-proċedura
1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?
Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas tapplika għal talbiet li huma ċerti, ta’ ammont fiss u dovuti, li jirrappreżentaw obbligi ta’ ħlas skont ftehim ċivili, inklużi kuntratti bejn professjonist u awtorità kontraenti, aċċertati f’dokument jew stabbiliti skont statut, regolament jew xi dokument ieħor, rikonoxxuti mill-partijiet b’firma jew b’mezzi oħra legalment ammissibbli. Dan ma jinkludix talbiet kontra l-patrimonju fi proċedimenti ta’ insolvenza.
1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?
Le.
1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?
Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi fakultattiva u l-parti interessata tista’ tressaq talba quddiem il-qorti f’konformità mad-dritt komuni.
Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi proċedura speċjali, li hi ferm aktar sempliċi mill-proċedura prevista mid-dritt komuni u li tippermetti lill-kreditur jikseb titolu eżekuttiv skont kundizzjonijiet li jvarjaw minn dawk stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Barra minn hekk, meta l-oġġezzjoni tad-debitur għat-talba għall-ordni ta’ ħlas tkun iġġustifikata, il-qorti tista’ tiċħad it-talba tal-kreditur f’deċiżjoni finali.
Il-kreditur jista’ jressaq azzjoni legali skont id-dritt komuni jekk: il-qorti tiċħad it-talba tal-ordni ta’ ħlas, il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas għal parti mit-talbiet, f’liema każ tista’ titressaq azzjoni legali skont id-dritt komuni biex tobbliga lid-debitur iħallas id-dejn li jifdal, jew jekk l-ordni ta’ ħlas ġiet annullata.
1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?
Iva. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid ma jagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-post tar-residenza tal-intimat, peress li l-proċedura tal-ordni ta’ ħlas tapplika irrispettivament minn jekk l-intimat jgħixx fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.
1.2 Il-qorti kompetenti
It-talbiet għal ordni ta’ ħlas jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Fil-każ tal-ordnijiet ta’ ħlas, l-imħallef jivverifika l-kompetenza tal-qorti fuq l-inizjattiva tiegħu stess.
Il-kompetenza għas-soluzzjoni ta’ talbiet għal ordnijiet ta’ ħlas hija stabbilita f’konformità mar-regoli ġenerali dwar il-kompetenza tal-qrati.
It-talbiet b’valur monetarju valutabbli sa RON 200 000 jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati distrettwali. It-talbiet b’valur monetarju valutabbli ta’ mill-inqas RON 200 000 jaqgħu taħt il-kompetenza tat-tribunali.
Ir-regola tal-kompetenza fil-proċedura speċjali għall-ordnijiet ta’ ħlas hi ssupplimentata bir-regoli ġenerali tal-kompetenza skont il-valur.
1.3 Ir-rekwiżiti formali
1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)
Ma hemm l-ebda mudell/formola standardizzata, madankollu l-kreditur jeħtieġlu jikkonforma mar-regoli formali minimi meta jippreżenta t-talba tiegħu, li trid tinkludi ċertu numru ta’ dettalji, jiġifieri: l-isem u l-indirizz tiegħu jew, fejn applikabbli, isem il-kumpanija u l-uffiċċju reġistrat tiegħu; l-isem u l-indirizz tad-debitur bħala persuna fiżika u, jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, l-isem tal-kumpanija u l-uffiċċju reġistrat tiegħu, u, fejn applikabbli, in-numru taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mir-reġistru kummerċjali jew mir-reġistru tal-entitajiet ġuridiċi, il-kodiċi fiskali u l-kont tal-bank; l-ammonti dovuti; il-fatti u l-motivi legali għall-obbligazzjonijiet ta’ ħlas, il-perjodu ta’ żmien tagħhom, id-data dovuta għall-ħlas u kwalunkwe element ieħor meħtieġ biex tiġi stabbilita t-talba.
It-talba trid tinkludi wkoll il-kuntratt jew kwalunkwe dokument ieħor li juri l-ammonti dovuti, kif ukoll prova li l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata lid-debitur. Il-kreditur irid jinnotifika l-ordni lid-debitur permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju tal-qorti jew b’ittra rreġistrata, b’kontenut iddikjarat u konferma tar-riċevuta, fejn id-debitur ikun meħtieġ iħallas l-ammont dovut fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi dik in-notifika. Din l-ordni tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni.
Kopja waħda tat-talba u d-dokumenti annessi magħha għandhom jintbagħtu lil kull waħda mill-partijiet, flimkien ma’ waħda għall-qorti.
1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?
Le, ir-rappreżentazzjoni minn avukat mhix meħtieġa, iżda hi rakkomandata.
1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?
Il-kontenut minimu tat-talba huwa stipulat mil-liġi. Il-kreditur irid jindika: l-ammont mitlub, il-fatti u r-raġunijiet legali għall-obbligi ta’ ħlas, il-perjodu ta’ żmien tagħhom, id-data dovuta għall-ħlas, u kwalunkwe element ieħor meħtieġ sabiex tiġi stabbilita t-talba.
Rigward l-imgħax, jekk il-partijiet ma speċifikawx ir-rata tal-imgħax għall-ħlas tardiv, tiġi applikata r-rata tal-imgħax referenzjarja stabbilita mill-Bank Nazzjonali tar-Rumanija. Ir-rata ta’ referenza fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena tapplika għan-nofs sena kollu. It-talba tiġġenera l-imgħax skont kif ġej:
- għal kuntratti konklużi bejn professjonisti, mid-data li fiha t-talba ssir pagabbli,
- għal kuntratti konklużi bejn professjonisti u awtorità kontraenti, mingħajr il-ħtieġa li d-debitur jiġi informat li l-ħlas qabeż l-iskadenza: jekk data ta’ maturità ġiet stipulata fil-kuntratt, mill-jum ta’ wara; jekk ma tkunx ġiet stabbilita data ta’ skadenza fil-kuntratt, 30 jum wara li d-debitur ikun irċieva l-fattura jew, jekk din tkun kontestabbli, 30 jum wara l-aċċettazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi jew, jekk l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet innotifikata qabel ir-riċevuta tal-oġġetti / tas-servizzi, malli jiskadi perjodu ta’ 30 jum wara r-riċevuta tal-oġġetti / il-provvista ta’ servizzi; jekk il-liġi jew il-kuntratt jeħtieġu proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ kontroll, li tippermetti ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, u d-debitur ikun irċieva l-fattura jew l-ordni ta’ ħlas f’dik id-data jew qabel, mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ 30 jum minn dik id-data;
- f’każijiet oħra, mid-data li fiha l-ħlas tad-debitur kien jew ġie ddikjarat legalment li qabeż l-iskadenza.
Il-kreditur jista’ jitlob danni addizzjonali għall-ispejjeż kollha mġarrba għall-irkupru tal-ammonti minħabba n-nuqqas tad-debitur li jwettaq l-obbligi tiegħu fil-ħin.
1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?
Iva, it-talba trid tinkludi l-kuntratt jew kwalunkwe dokument ieħor li juri l-ammonti dovuti (fattura, riċevuta tal-cash register, riċevuta miktuba bl-idejn, eċċ.). Prova tan-notifika tal-ordni lid-debitur trid tiġi annessa mat-talba, inkella din titqies inammissibbli.
Bil-ħsieb li jiddeċiedi dwar it-talba, l-imħallef għandu jsejjaħ lill-partijiet, skont id-dispożizzjonijiet dwar proċedimenti urġenti, sabiex jikseb spjegazzjonijiet u kjarifiki, u biex jinsisti li d-debitur iħallas l-ammont dovut jew li l-partijiet jilħqu ftehim dwar il-metodi ta’ ħlas. Iċ-ċitazzjoni trid tiġi nnotifikata lill-partijiet ikkonċernati 10 ijiem qabel id-data tas-seduta. Kopji tat-talba tal-kreditur u d-dokumenti ppreżentati magħha jridu jiġu annessi maċ-ċitazzjoni nnotifikata lid-debitur bħala prova tat-talba. Iċ-ċitazzjoni trid jindika li d-debitur għandu jressaq kwalunkwe oġġezzjoni mill-inqas 3 ijiem qabel id-data tas-seduta, u tispeċifika li jekk ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet, il-qorti tista’ tikkunsidra, minħabba ċ-ċirkostanzi tal-kawża, li d-debitur jirrikonoxxi t-talbiet tal-kreditur. L-oġġezzjoni ma tintbagħatx lir-rikorrent, li jiġi infurmat bil-kontenut tagħha fl-atti tal-kawża.
Jekk il-kreditur jiddikjara li jkun irċieva l-pagament dovut, il-qorti tirrikonoxxi dan fid-deċiżjoni finali tagħha, filwaqt li tiddikjara li l-kawża ngħalqet. Meta l-kreditur u d-debitur ikunu laħqu ftehim dwar il-ħlas, il-qorti għandha tieħu nota ta’ dan il-fatt u toħroġ digriet ta’ kunsens. Dan id-digriet huwa finali u jirrappreżenta ordni ta’ eżekuzzjoni.
Meta l-qorti, wara li tkun ivverifikat it-talba abbażi tas-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, tkun sabet li t-talbiet tal-kreditur huma fondati, hija toħroġ ordni ta’ ħlas li tindika l-ammont u l-iskadenza għall-ħlas. Meta l-qorti, wara li tkun eżaminat il-provi fil-kawża, issib li parti biss mit-talbiet tal-kreditur ikunu fondati, hija toħroġ ordni ta’ ħlas biss għal dik il-parti u tindika wkoll l-iskadenza għall-ħlas. F’każijiet bħal dawn, il-kreditur jista’ jressaq rikors għal proċedimenti legali skont id-dritt komuni bil-għan li l-qorti tobbliga lid-debitur biex iħallas il-bqija tad-dejn. L-iskadenza għall-ħlas tkun ta’ mill-inqas 10 ijiem u mhux iktar minn 30 jum mid-data tan-notifika tal-ordni. L-imħallef ma jistabbilix skadenza oħra għall-ħlas, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu dwar dan. L-ordni tingħadda lill-partijiet preżenti jew tiġi nnotifikata lil kull parti mill-aktar fis possibbli, f’konformità mal-liġi.
Jekk id-debitur ma jikkontestax it-talba billi jippreżenta oġġezzjonijiet, l-ordni ta’ ħlas tinħareġ mhux aktar tard minn 45 jum mill-preżentata tat-talba. Din l-iskadenza ma tinkludix il-perjodu meħtieġ biex jiġu nnotifikati d-dokumenti proċedurali jew id-dewmien ikkawżat mill-kreditur, inklużi dawk li jirriżultaw mill-emendar jew it-tlestija tat-talba.
1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors
Meta debitur jikkontesta t-talba, il-qorti tivverifika jekk il-kontestazzjoni hijiex fondata, fuq il-bażi tad-dokumenti fl-atti tal-kawża u tal-ispjegazzjonijiet u tal-kjarifiki pprovduti mill-partijiet. Jekk id-difiża tad-debitur tkun fondata, il-qorti tiċħad it-talba tal-kreditur billi toħroġ deċiżjoni. Meta d-difiża sostantiva ppreżentata mid-debitur tinvolvi l-ipproċessar ta’ provi apparti dawk li ssir referenza għalihom u dawk il-provi jkunu ammissibbli fi proċedimenti ċivili ordinarji, f’konformità mal-liġi, il-qorti tiċħad ir-rikors tal-kreditur għal ordni ta’ ħlas billi tagħti deċiżjoni. Alternattivament, il-kreditur jista’ jressaq azzjoni legali skont id-dritt komuni.
1.5 Appell
Id-debitur jista’ jressaq rikors għall-annullament ta’ ordni ta’ ħlas fi żmien 10 ijiem minn meta din tkun ġiet innotifikata. Il-kreditur jista’ jressaq ukoll rikors għal annullament kontra sentenza li tiċħad l-ordni u kontra ordni ta’ ħlas parzjali matul l-istess limitu ta’ żmien. Ir-rikors għal annullament jista’ jinvoka biss nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas u, fejn applikabbli, ir-raġunijiet sottostanti għaliex spiċċa l-obbligu wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas. Il-qorti li toħroġ l-ordni ta’ ħlas tiddeċiedi dwar ir-rikors għal annullament, ikkostitwita b’mod sħiħ minn żewġ imħallfin. Ir-rikors ma jissospendix l-eżekuzzjoni. Madankollu, tista’ tingħata sospensjoni fuq talba tad-debitur, iżda biss jekk tkun ġiet iddepożitata garanzija finanzjarja, li l-ammont tagħha jiġi stabbilit mill-qorti. Meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa’ r-rikors għal annullament kompletament jew parzjalment, hija tannulla l-ordni kompletament jew parzjalment, kif applikabbli, u tagħti deċiżjoni finali.
Meta l-kreditur ikun ressaq rikors għal annullament u dan ikun intlaqa’ mill-qorti kompetenti, din tagħti deċiżjoni finali li permezz tagħha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas.
Id-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors għal annullament hi finali.
Ir-rikorsi għall-ordni ta’ ħlas Ewropea, imressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006, kif emendat, jiġu ttrattati mill-qorti li għandha ġuriżdizzjoni biex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. It-talbiet għal stħarriġ ġudizzjarju, ifformulati skont il-kundizzjonijiet u l-perjodu ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 20 tar-Regolament, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti li d-deċiżjoni tagħha qed tiġi appellata, li tisma’ t-talba ppreseduta b’mod sħiħ minn żewġ imħallfin. (L-Artikolu I^9 tal-Ordni ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar ċerti miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, approvati permezz tal-emendi tal-Liġi Nru 191/20007, kif emendata).
1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni
Skont l-Artikolu 1025(2) tal-Kodiċi l-ġdid tal-Proċedura Ċivili, il-parti interessata tista’ tressaq appell skont id-dritt komuni kontra l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas.
Skont l-Artikolu 637(1) tal-Kodiċi l-ġdid, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi ordni ta’ eżekuzzjoni tista’ ssir biss għar-riskju tal-kreditur jekk id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell ordinarju jew appell lill-Qorti Suprema; jekk l-ordni tiġi emendata jew terminata sussegwentement, il-kreditur ikun legalment meħtieġ li jrodd lura d-drittijiet tad-debitur, totalment jew parzjalment, skont il-każ.
1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni
Skont l-Artikolu 720 tal-Kodiċi l-ġdid, il-qorti, jekk tilqa’ l-appell kontra l-eżekuzzjoni, filwaqt li tqis is-suġġett tiegħu, skont il-każ, tikkoreġi jew tannulla l-att ta’ eżekuzzjoni kkontestat, tordna l-annullament jew it-terminazzjoni tal-eżekuzzjoni nnifisha, jew tannulla jew tiċċara l-ordni ta’ eżekuzzjoni. Jekk il-qorti tiċħad l-appell, l-appellant jista’ jkun meħtieġ iħallas kumpens għad-danni kkawżati mid-dewmien fl-eżekuzzjoni, kif ukoll multa jekk l-appell ikun sar in mala fede.
Id-deċiżjoni finali dwar jekk l-appell jiġix milqugħ jew miċħud tintbagħat ukoll, ex officio u immedjatament, lill-uffiċjal ġudizzjarju..
Jekk l-appell jintlaqa’, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa obbligat li jikkonforma mal-miżuri meħuda jew ordnati mill-qorti.
1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni
Skont l-Artikolu 1025(2) tal-Kodiċi l-ġdid, l-ordni ta’ ħlas hija eżegwibbli, anke jekk tiġi kkontestata b’appell għal annullament, u għandha l-awtorità ta’ res judicata proviżorja sakemm jinqata’ l-appell. L-ordni ta’ ħlas issir finali jekk ma jiġix ippreżentat appell għal annullament jew jekk jiġi miċħud.
1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?
L-ordni ta’ ħlas hija eżegwibbli, anke jekk tiġi kkontestata b’appell għal annullament, u għandha l-awtorità ta’ res judicata proviżorja sakemm jinqata’ l-appell. Ir-rikors ma jissospendix l-eżekuzzjoni. Madankollu, tista’ tingħata sospensjoni fuq talba tad-debitur, iżda biss jekk tkun ġiet iddepożitata garanzija finanzjarja, li l-ammont tagħha jiġi stabbilit mill-qorti. L-ordni ta’ ħlas issir finali jekk ma jiġix ippreżentat appell għal annullament mid-debitur jew jekk l-appell jiġi miċħud. Meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa’ r-rikors għal annullament, hija tagħti deċiżjoni finali li timponi l-ordni ta’ ħlas.
Biex tiġi eżegwita d-deċiżjoni skont l-Artikolu 666 tal-Kodiċi l-ġdid, wara li jiġi rreġistrat ir-rikors għall-eżekuzzjoni, l-uffiċċjal ġudizzjarju jitlob lill-qorti li ħarġet id-deċiżjoni biex tapprova l-eżekuzzjoni. It-talba għall-approvazzjoni tal-eżekuzzjoni tiġi ttrattata mill-qorti, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija in camera, mingħajr ma jitħarrku l-partijiet.
L-approvazzjoni tal-eżekuzzjoni tippermetti lill-kreditur jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju li talab l-approvazzjoni biex juża l-metodi legali kollha ta’ eżekuzzjoni sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu.
Il-qorti tista’ tiċħad ir-rikors għall-approvazzjoni tal-eżekuzzjoni biss jekk: ir-rikors għall-eżekuzzjoni jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ korp ta’ eżekuzzjoni ieħor għajr dak innotifikat; id-deċiżjoni jew, skont il-każ, id-dokument, ma jkunx jikkostitwixxi ordni eżegwibbli skont il-liġi; id-dokument, għall-kuntrarju ta’ deċiżjoni tal-qorti, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet formali kollha meħtieġa mil-liġi jew rekwiżiti oħra f’każijiet speċifiċi previsti mil-liġi; it-talba ma tkunx ċerta, likwida u dovuta; id-debitur igawdi immunità mill-eżekuzzjoni; l-ordni tinkludi dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssodisfati permezz ta’ eżekuzzjoni; ikun hemm impedimenti legali oħra.
Id-deċiżjoni li biha l-qorti tilqa’ t-talba għall-approvazzjoni tal-eżekuzzjoni ma tkunx soġġetta għal appell, iżda tista’ tiġi mistħarrġa fil-kuntest tal-appell kontra l-eżekuzzjoni. Id-deċiżjoni li tiċħad it-talba tkun appellabbli biss mill-kreditur, fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha.
Skont l-Artikoli 712, 718, 719 u 720 tal-Kodiċi l-ġdid tal-Proċedura Ċivili, jistgħu jiġu ppreżentati appelli kontra l-eżekuzzjoni, kontra deċiżjonijiet maħruġa mill-uffiċjal ġudizzjarju, kif ukoll kontra kwalunkwe att ta’ eżekuzzjoni, minn dawk ikkonċernati jew li jkunu leżi mill-eżekuzzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni dwar l-appell tista’ tiġi kkontestata biss b’appell lill-Qorti Suprema.
Il-qorti kompetenti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni sakemm jinqata’ l-appell kontra l-eżekuzzjoni jew talba oħra għal eżekuzzjoni, fuq talba tal-parti interessata u biss għal raġunijiet validi.
Il-qorti, jekk tilqa’ l-appell kontra l-eżekuzzjoni, tikkoreġi jew tannulla l-att ta’ eżekuzzjoni kkontestat, tordna l-annullament jew it-terminazzjoni tal-eżekuzzjoni nnifisha, jew tannulla jew tiċċara l-ordni ta’ eżekuzzjoni.
Jekk il-qorti tiċħad l-appell, l-appellant jista’ jkun meħtieġ iħallas kumpens għad-danni kkawżati mid-dewmien fl-eżekuzzjoni, kif ukoll multa jekk l-appell ikun sar in mala fede.
Id-deċiżjoni finali dwar jekk l-appell jiġix milqugħ jew miċħud tintbagħat ukoll, ex officio u immedjatament, lill-uffiċjal ġudizzjarju.
Jekk l-appell jintlaqa’, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa obbligat li jikkonforma mal-miżuri meħuda jew ordnati mill-qorti.
1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.8.1.