Skip to main content

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Iva, fl-Iżvezja tista’ tapplika mal-Awtorità tal-Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten) għal ordni għal ħlas (betalningsföreläggande). Għandek tibgħat l-applikazzjoni tiegħek lil:

Kronofogdens inläsningscentral [Ċentru ta’ Input tal-Awtorità tal-Eżekuzzjoni], FE 7600, 839 86 Östersund (ordni għal ħlas Żvediża), jew

Kronofogden [Awtorità tal-Eżekuzzjoni], Europeiskt betalningsföreläggande, Kaxxa 50, 971 03 Luleå (Ordni għal ħlas Ewropea).

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Awtorità tal-Eżekuzzjoni bl-Iżvediż, l-Ingliż, il-Finlandiż, is-Sami tat-Tramuntana, ir-Roman, il-Finlandiż Tornedal (Meänkieli) u l-Yiddish.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Rikors għal ordni għal ħlas irid ikun marbut mal-obbligu tal-intimat li jħallas dejn finanzjarju. Id-dejn irid ikun wara d-data tal-għeluq u l-medjazzjoni trid tkun permissibbli fil-każ ikkonċernat.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le, it-talbiet jistgħu jinstemgħu irrispettivament mill-ammont involut.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Le, mhuwiex obbligatorju li wieħed japplika għal ordni għal ħlas. Minflok, tista’ tintalab ċitazzjoni quddiem il-qorti distrettwali (tingsrätt).

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

L-għażla tal-proċedura għal ordni għal ħlas tassumi li l-intimat ikun residenti l-Isvezja, iżda jista' jsir ukoll rikors għal ordni għal ħlas kontra intimat li huwa residenti barra l-Isvezja. Skont ir-Regolament Brussell-I (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali), deċiżjoni fuq rikors għal ordni għal ħlas tista’ tiġi eżegwita fi Stati Membri oħra.

1.2 Il-qorti kompetenti

Ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati lill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Rikors għal ordni għal ħlas irid isir bil-miktub u jkun iffirmat. Fir-rikors, ir-rikorrent għandu jiddikjara t-talba tiegħu u r-raġunijiet għaliha. Iridu jiġu ddikjarati wkoll l-ammont tat-talba, id-data ta' skadenza u l-interessi mitluba, kif ukoll l-ispejjeż li għalihom qed jintalab kumpens. Ir-rikors irid jispeċifika wkoll min huma l-partijiet.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Xejn. Iżda għal kull min jixtieq, hemm formola ta’ rikors disponibbli bl-Ingliż, bl-Iżvediżbl-Ingliż kif ukoll struzzjonijiet dwar kif għandha timtela, fuq is-sit web tal-Awtorità tal-Eżekuzzjoni (http://www.kronofogden.se).

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, ma hemmx għalfejn tiġi rappreżentat minn avukat meta tippreżenta r-rikors għal ordni għal ħlas. Għandek dritt tidher u tmexxi l-kawża għalik innifsek, mingħajr avukat jew rappreżentant.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġunijiet iridu jkun dettaljati biżżejjed sabiex l-intimat ikun jaf dwar xiex inhi t-talba u biex jiddeċiedi jikkontestahiex jew le. Irid ikun ċar ħafna x’inhu l-għan tat-talba, sabiex kif id-deċiżjoni ssir eżegwibbli wieħed ikun jaf eżattament xi tkopri.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

M’hemmx rekwiżiti li jridu jingħataw provi bil-miktub.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Ir-regola ġenerali hija li l-korrettezza tat-talba ma tiġix eżaminata sakemm ma jinħariġx ordni. Jekk, madankollu, jista' jiġi preżunt li t-talba tar-rikorrent mhix fondata jew mhux ġustifikata, ir-rikors irid jiġi trattat daqslikieku l-intimat ikkontestah..

Rikors jista' jiġi miċħud jekk ikun difettuż.

1.5 Appell

Is-sistema Żvediża hija bbażata fuq il-prinċipju li l-każ m’hemmx għalfejn jiġi eżaminat. Jekk it-talba tiġi kontestata, ir-rikors ma jiġix miċħud, iżda jiġi sottomess lil qorti għal aktar kunsiderazzjoni. Ara l-mistoqsija nru 1.6 hawn taħt. Għalhekk m’hemmx deċiżjoni ta' ċaħda li jista' jkun hemm bżonn ta' appell kontriha.

Meta r-rikors tabilħaqq jiġi miċħud kif deskritt f’1.4, id-deċiżjoni li tiċħdu tista’ tiġi appellata.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-preskrizzjoni għal appell minn ordni huwa indikat fl-ordni. It-terminu normalment jiġi stabbilit għal 10 ijiem mid-data li fiha tkun inħarġet l-ordni. Kull dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni trid tiġi ppreżentata bil-miktub.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jikkontesta r-rikors, ir-rikorrent jiġi infurmat dwar dan minnufih. Jekk ir-rikorrent jixtieq jippersisti fit-talba tiegħu, huwa jista’ jitlob li l-kawża tiġi ppreżentata lill-qorti distrettwali.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat ma jikkontestax ir-rikors fiż-żmien mogħti għal dan il-għan, l-Awtorità tal-Eżekuzzjoni tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors mill-aktar fis possibbli.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Deċiżjoni mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni hija eżegwibbli, u ladarba tkun inħarġet tiġi eżegwita fl-Iżvezja mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni ex officio, sakemm ir-rikorrent, meta japplika għall-ordni għal ħlas, ma jitlobx espressament li d-deċiżjoni ma għandhiex tiġi eżegwita.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-intimat jista’ jitlob li l-kawża terġa’ tinfetaħ fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni. F’dan il-każ, il-każ jiġi mgħoddi lil qorti distrettwali għal aktar konsiderazzjoni.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna