Skip to main content

Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Is-Slovenja

Din it-taqsima tipprovdilek ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru kummerċjali tas-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Is-Slovenja
Flag of Slovenia

L-istorja tar-reġistru nazzjonali

Meta ġie stabbilit?

Fl-1976, wara inventarju tal-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet, l-Uffiċċju tal-Istatistika tar-Repubblika tas-Slovenja (Statistični urad Republike Slovenije – SURS) stabbilixxa Reġistru tal-Organizzazzjonijiet u l-Komunitajiet (Register organizacij in skupnosti), li kien il-prekursur tar-Reġistru Kummerċjali tas-Slovenja (Poslovni register Slovenije – PRS). Biex jimmaniġġja data relatata ma’ negozji tas-snajja’, fl-1985 is-SURS stabbilixxa reġistru uniku kompjuterizzat ta’ workshops (ERO), li ngħaqad flimkien mar-Reġistru tal-Organizzazzjonijiet u Komunitajiet biex jifforma l-PRS (sors: https://www.stat.si/statweb/AboutUs/History).

L-aġenzija Slovena għal rekords legali pubbliċi u servizzi relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve - AJPES) ħadet f’idejha l-operat u l-ġestjoni tal-PRS mis-SURS fl-2002. Fl-2005, il-PRS sar il-punt ewlieni ta’ reġistrazzjoni għal kummerċjanti waħdiena. Fl-2008, il-bażi tad-data tar-reġistru tal-qorti sar parti integrali mill-PRS.

Meta ġie ddiġitalizzat?

Il-PRS ġie kompjuterizzat fl-1997 (sors: https://www.stat.si/statweb/AboutUs/History)

X’inhi l-leġiżlazzjoni applikabbli bħalissa?

L-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali Sloven (Zakon o Poslovnem registru Slovenije – ZPRS-1) https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=ZAKO3726

Digriet dwar l-operat u ż-żamma tar-Reġistru Kummerċjali Sloven (Uredba o vodenju in vzdrževanju Poslovnega registra Slovenije) https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=URED7599

Istruzzjonijiet dwar it-tipi u l-ambitu tad-data għal kull forma ġuridika fir-Reġistru Kummerċjali tas-Slovenja (Navodilo o vrstah in obsegu podatkov za posamezno pravnoorganizacijsko obliko enote Poslovnega registra Slovenije ) https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=NAVO838

L-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti (Zakon o sodnem registru – ZSReg) https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=ZAKO320

Digriet dwar ir-Reġistru tal-Qorti (Uredba o sodnem registru) https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=URED4497

Digriet dwar ir-reġistru ta’ kumpaniji u entitajiet ġuridiċi oħrajn fir-Reġistru tal-Qorti (Uredba o vpisu družb in drugih pravnih oseb v sodni registerhttps://pisrs.si/pregledPredpisa?id=URED4484

X’informazzjoni joffri r-reġistru kummerċjali?

Min għandu d-dritt li jaċċessa r-reġistru

Id-data pubblika fid-data tal-PRS tista’ tiġi aċċessata minn kulħadd fuq il-portal tal-AJPES https://www.ajpes.si/Registri/Poslovni_register/Splosno. L-utenti jeħtieġ li jilloggjaw fil-portal.

X’informazzjoni fih ir-reġistru?

Liema tipi ta’ data huma maħżuna (entitajiet imdaħħla fir-reġistru pubbliku, informazzjoni dwar l-insolvenza, rapporti finanzjarji, eċċ.)?

Ir-Reġistru Kummerċjali Sloven (PRS) huwa bażi tad-data kompjuterizzata ta’ entitajiet kummerċjali stabbilit fir-Repubblika tas-Slovenja, u l-fergħat tagħhom, u l-fergħat ta’ kumpaniji barranin, kif stabbilit fl-att li jirregola l-kumpaniji u partijiet oħra tal-entitajiet kummerċjali. Il-PRS huwa r-reġistru ewlieni għall-entitajiet kummerċjali li, bil-liġi jridu jiġu rreġistrati biss fil-PRS, u għal dawk stabbiliti direttament minn, jew fuq il-bażi ta’, att leġiżlattiv u li ma huma mdaħħla fl-ebda reġistru ieħor. Għall-entitajiet kummerċjali l-oħrajn kollha (assoċjazzjonijiet, fundazzjonijiet, partiti politiċi u persuni fiżiċi li jwettqu attività reġistrata) il-PRS huwa r-reġistru sekondarju, peress li dawk l-entitajiet jiddaħħlu fir-reġistru primarju jew fir-rekord uffiċjali ma’ awtorità tar-reġistrazzjoni oħra qabel ma jiżdiedu mill-AJPES fil-PRS. Ir-reġistru jkopri l-kategoriji li ġejjin:

  • kumpaniji (soċjetajiet u korporazzjonijiet)
  • kummerċjanti waħdiena
  • entitajiet ġuridiċi rregolati mil-liġi pubblika
  • entitajiet ġuridiċi rregolati mil-liġi privata
  • soċjetajiet
  • persuni fiżiċi li jwettqu attivitajiet reġistrati jew regolati
  • sussidjarji u diviżjonijiet oħra ta’ negozji
  • uffiċji prinċipali ta’ negozji barranin
  • unitajiet oħrajn.

Persuni ġuridiċi barranin li jeħtieġu numru tar-reġistrazzjoni biex jirreġistraw l-intitolament għal proprjetà immobbli fir-reġistru tal-artijiet jiddaħħlu wkoll fil-PRS.

Id-data tad-diversi tipi ta’ entitajiet kummerċjali meħtieġa għall-PRS hija stabbilita fl-Istruzzjonijiet dwar it-tipi u l-ambitu tad-data għal kull forma ġuridika tar-Reġistru Kummerċjali tas-Slovenja https://pisrs.si/pregledPredpisa?id=NAVO838.

Id-data dwar is-solvenza, id-data dwar il-kontabilità u tali informazzjoni finanzjarja oħra ma jiġux inklużi fil-PRS.

Liema dokumenti jiġu ppreżentati/maħżuna (fajls, ġabriet ta’ dokumenti, statuti, minuti ta’ laqgħat ġenerali, eċċ.)?

L-entitajiet kummerċjali jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni fil-PRS flimkien ma’ dokumenti oħrajn f’konformità mal-leġiżlazzjoni settorjali li tirregola r-reġistrazzjoni tagħhom fil-PRS (l-Att dwar il-Kumpaniji (Zakon o gospodarskih družbah), l-Att dwar l-Industrija tal-Ospitalità u l-Catering (Zakon o gostinstvu – ZGos), etc.) jew ir-reġistru tal-qorti. Entitajiet kummerċjali oħrajn imdaħħla f’reġistru primarju ieħor, li għalihom il-PRS huwa r-reġistru sekondarju, huma rreġistrati fuq il-bażi ta’ att amministrattiv tal-awtorità ta’ reġistrazzjoni. L-AJPES iżżomm id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom hija daħħlet id-data fil-PRS f’konformità mal-Artikolu 23 ta’ ZPRS-1.

Kif nista’ nagħmel tfittxija (u x’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli)?

Personalment

Id-data tista’ tiġi aċċessata permezz tal-portal tal-web tal-AJPES (applikazzjoni ePRS) jew wara talba bil-miktub.

Fuq is-sit web tar-reġistru

Id-data hija aċċessibbli permezz tal-applikazzjoni ePRS billi jiddaħħlu t-termini tat-tiftix f’kaxxa waħda jew aktar jew billi jintgħażel parametru tat-tiftix minn drop down menu. Il-parametru tat-tiftix jista’ jkun kwalunkwe wieħed minn dawn: entrata tad-data, parti minn entrata tad-data (kelma), jew il-bidu ta’ kelma. Il-portal tal-AJPES jipprovdi magna tat-tiftix bażika biex tfittex entitajiet/unitajiet kummerċjali mdaħħla fil-PRS u mezz kif tfittex skont il-persuna.

X’inhuma l-kriterji tat-tiftix disponibbli?

Fil-magna tat-tiftix bażika, id-data tista’ tiġi aċċessata billi ddaħħal it-termini tat-tiftix f’kaxxa waħda jew aktar jew billi tagħżel parametru tat-tiftix minn drop down menu (isem sħiħ jew verżjoni qasira tiegħu, numru tar-reġistrazzjoni, numru tat-taxxa, indirizz, unità attiva/inattiva, bil-kodiċi tal-attività ewlenija (skont il-Klassifikazzjoni Standard tal-Attivitajiet Ekonomiċi – SKD), bil-kodiċi tal-Klassifikazzjoni Standard tas-Settur Istituzzjonali (SKIS) jew bil-forma ġuridika. Il-parametru tat-tiftix jista’ jkun kwalunkwe wieħed minn dawn: entrata tad-data, parti minn entrata tad-data (kelma), jew il-bidu ta’ kelma.

Il-magna tat-tiftix tal-persuni tippermetti, wara li jiddaħħlu l-parametri tat-tiftix rilevanti, aċċess għal data dwar individwi li huma fundaturi, sħab, rappreżentanti jew membri tal-korp superviżorju fi kwalunkwe unità mdaħħla fir-reġistru kummerċjali. Id-data dwar l-individwi tista’ tiġi aċċessata billi tiddaħħal kombinazzjoni tal-isem tal-persuna u n-numru tal-ID personali, l-isem u n-numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa jew l-isem u l-indirizz tad-dar. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, dan isir bl-użu tal-isem kummerċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija jew in-numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa.

Kif nista’ nikseb id-dokumenti?

Mingħajr ħlas?

Skont l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Pubblika (Zakon o dostopu do informacij javnega značaja – ZDIJZ), applikant jista’ jitlob dokumenti, traskrizzjonijiet ta’ dokumenti, fotokopji jew rekords elettroniċi. Il-korp jeħtieġlu, meta jkun possibbli, jipprovdi informazzjoni pubblika f’forma elettronika. Madankollu, għall-finijiet tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika, ma huwiex meħtieġ li a) joffri konverżjoni minn format għal ieħor, b) jipprovdi estratti minn dokumenti meta dan ikun jinvolvi sforz mhux proporzjonat lil hinn minn proċedura sempliċi jew c) jiġġenera b’mod kontinwu ċerta informazzjoni biss għall-finijiet tal-użu mill-ġdid minn awtoritajiet jew persuni oħrajn.

Tariffa li għandha titħallas?

Biex jipprovdi traskrizzjoni, fotokopja jew rekord elettroniku tal-informazzjoni mitluba, il-korp jista’ jitlob tariffa lill-applikant biex ikopri l-kostijiet operatorji tiegħu. Għal raġunijiet ekonomiċi, il-korp ma jitlobx tariffa biex jipprovdi informazzjoni jekk l-ispiża ma taqbiżx l-EUR 20 inkluża l-VAT.

Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja attestata jew traskrizzjoni tad-dokumenti?

Estratti elettroniċi mir-Reġistru Kummerċjali Sloven (iktar ’il quddiem: estratti elettroniċi) huma disponibbli mingħajr ħlas permezz tal-applikazzjoni tal-web ePRS, li attwalment tippermetti lill-persuni li jaħdmu għal rashom u n-negozji mdaħħla fir-reġistru kummerċjali biex jiksbu estratti elettroniċi.

Id-Digriet dwar ir-Reġistri tal-Qorti jipprevedi, inter alia, li l-AJPES huwa intitolat għal tariffa għall-ħruġ ta’ estratt, skont l-Artikoli 48 u 48a tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti. L-ammont tat-tariffa huwa stabbilit fl-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Zakon o sodnih taksah).

Il-prezz mitlub għal estratt standard mir-reġistru tal-qorti jew minn dokument jiddependi min-numru ta’ paġni fl-estratt. It-tariffa applikabbli għal karta stampata ta’ kopja sussegwenti ta’ estratt standard mir-reġistru tal-qorti trid titħallas minn kwalunkwe rikorrent li jkun irid jikseb diversi kopji tal-istess estratt fl-istess ħin. It-tariffa tintalab għat-tieni kopja, u kull kopja sussegwenti, tal-estratt. It-tariffa mitluba għal kopji stampati sussegwenti tiddependi fuq in-numru ta’ paġni involuti.

Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni

Kif nista’ nibda l-proċedura ta’ reġistrazzjoni (kif nippreżenta rikorsi lir-reġistru, iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti, it-tip ta’ dokumenti li jridu jkunu mehmuża)?

Personalment

Applikazzjonijiet għal status ta’ kummerċjant waħdieni jistgħu jiġu ppreżentati fil-punti ta’ reġistrazzjoni SPOT. Proposti biex tiġi stabbilita impriża ekonomika jistgħu jiġu ppreżentati lil nutar. Lista ta’ nutara u punti SPOT hija disponibbli fuq il-portal SPOT https://spot.gov.si/sl/portal-in-tocke-spot/tocke-spot-in-notarji/.

Il-proċessi ta’ hawn fuq u d-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-parti fil-ħin tar-reġistrazzjoni huma spjegati fil-portal SPOT https://spot.gov.si/sl/poslovanje/ustanovitev-podjetja/.

Entitajiet kummerċjali oħrajn imdaħħla f’reġistru ieħor qabel id-dħul tagħhom fil-PRS jeħtiġilhom jiddaħħlu fir-reġistru ewlieni mal-awtorità tar-reġistrazzjoni. Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ entitajiet kummerċjali oħrajn, u l-kundizzjonijiet li jeħtiġilhom jissoddisfaw qabel ma jibdew ċerti attivitajiet ta’ ħidma, huma spjegati wkoll fuq il-portal SPOT https://spot.gov.si/sl/poslovanje/pravnoorganizacijske-oblike-in-nacini-opravljanja-dejavnosti/

Online

Applikazzjonijiet għal status ta’ kummerċjant waħdieni (reġistrazzjoni, bidliet, tneħħija) u għar-reġistrazzjoni sempliċi ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata b’membru uniku jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-portal SPOT https://spot.gov.si/sl/e-postopki-in-storitve/seznam-e-postopkov-in-storitev-na-portalu-spot/.

Kif jiġu rrieżaminati l-applikazzjonijiet?

Ladarba l-uffiċjali responsabbli tal-punt SPOT u n-nutara jkunu rċevew l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa mill-applikant dawn imbagħad idaħħlu l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-applikant fil-PRS jew proposta għad-dħul fir-reġistru tal-qorti fis-sistema SPOT. Bħala parti mill-proċedura amministrattiva, l-uffiċjali tal-AJPES jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni ta’ status ta’ kummerċjant waħdieni fil-PRS f’konformità mal-Att dwar ir-Reġistru Kummerċjali Sloven. L-AJPES imbagħad toħroġ deċiżjoni uffiċjali.

Il-qorti tar-reġistri tagħmel deċiżjoni fuq l-entitajiet li jirrikjedu dħul fir-reġistru tal-kumpaniji abbażi tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Qorti; imbagħad toħroġ deċiżjoni fuq dik ir-reġistrazzjoni. Abbażi tad-deċiżjoni ta’ hawn fuq, l-AJPES tassenja numru tar-reġistrazzjoni, kodiċi tal-attività prinċipali u kodiċi SKIS lill-entità kummerċjali.

Fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ entità kummerċjali oħra rreġistrata f’reġistru primarju ieħor qabel, l-AJPES tirreġistra l-entità fil-PRS abbażi ta’ att maħruġ mill-korp tar-reġistrazzjoni u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fil-PRS, u tipprovdi lill-entità b’ċertifikat tar-reġistrazzjoni.

L-effetti legali tar-reġistrazzjoni

L-effett tal-entrati fuq terzi persuni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Att dwar ir-Reġistri tal-Qorti, id-dħul ta’ data individwali fir-reġistru tal-qorti għandu effett legali fir-rigward ta’ partijiet terzi mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dħul ta’ dik l-informazzjoni fir-reġistru tal-qorti. Kull dħul fir-reġistru tal-qorti u l-preżentazzjoni tad-dokumenti jridu jiġu ppubblikati fuq il-paġni tas-sit web tal-AJPES maħsuba għall-pubblikazzjoni tad-dħul fir-reġistru tal-qorti.

Entità li tapplika għar-reġistrazzjoni tista’, fi proċedimenti kontra terza persuna, tiddependi fuq l-informazzjoni rreġistrata u fuq il-kontenut tad-dokumenti li fuqhom ikunu bbażati l-entrati fir-reġistru tal-qorti jew li jridu jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qorti għall-finijiet tal-pubblikazzjoni biss wara li l-entrata ta’ dik l-informazzjoni jew il-preżentata ta’ dokumenti fir-reġistru tal-qorti tkun ġiet ippubblikata fuq il-paġni tas-sit web tal-AJPES maħsuba għall-pubblikazzjoni tal-entrati fir-reġistru tal-qorti, ħlief meta jkun hemm prova li terza persuna kienet konxja ta’ dik l-informazzjoni jew tal-kontenut ta’ dawk id-dokumenti.

L-ebda entità ma tista’ tiddikjara li, mid-data li fiha d-dħul ta’ entrata ta’ informazzjoni fir-reġistru tal-qorti jew il-preżentata ta’ dokument fir-reġistru tal-qorti ġiet ippubblikata fuq il-paġni tas-sit web tal-AJPES maħsuba għall-pubblikazzjoni tal-entrati fir-reġistru tal-qorti, ma kinitx konxja ta’ dik l-informazzjoni jew tal-kontenut tad-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata l-entrata ta’ dik l-informazzjoni jew tal-kontenut tad-dokumenti ppreżentati fir-reġistru tal-qorti.

Madankollu, fil-każ ta’ passi legali mwettqa mis-suġġett tar-reġistrazzjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-entrata fir-reġistru tal-qorti fuq il-paġni tas-sit web tal-AJPES maħsuba għall-pubblikazzjoni tal-entrati fir-reġistru tal-qorti, terza persuna tista’ tiddikjara li ma kinitx konxja mill-informazzjoni mdaħħla u ppubblikata jew mill-kontenut tad-dokumenti jekk tkun tista’ ġġib prova li ma kinitx konxja u ma setgħetx tkun taf dwar l-informazzjoni jew id-dokumenti inkwistjoni.

Fi tranżazzjonijiet legali, kwalunkwe parti li tiddependi fuq l-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru tal-qorti, ma tiġix affettwata minn konsegwenzi legali avversi.

Abbażi tal-Artikolu 49b tal-Att dwar ir-Reġistri tal-Qorti, is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tipprovdi aċċess għad-data u l-emendi tagħha dwar:

  • soċjetajiet ġenerali (družba z neomejeno odgovornostjo)
  • soċjetajiet limitati (komanditna družba)
  • kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (družba z omejeno odgovornostjo)
  • kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (delniška družba)
  • soċjetajiet limitati b’ishma (komanditna delniška družba)
  • Kumpaniji Ewropej pubbliċi b’responsabbiltà limitata,
  • gruppi b’interess ekonomiku
  • gruppi Ewropej b’interess ekonomiku
  • kooperattivi,
  • kooperattivi Ewropej
  • istituzzjonijiet
  • gruppi ta’ istituzzjonijiet
  • persuni ġuridiċi oħrajn li għalihom il-liġi tipprevedi li għandhom jiddaħħlu fir-reġistru tal-qorti;
  • fergħat ta’ kumpanija kummerċjali,
  • fergħat ta’ kumpanija barranija,
  • partijiet mill-entitajiet legali l-oħrajn imsemmija hawn fuq; u
  • fergħat ta’ impriża barranija minn Stat Membru,

li jkunu rreġistrati fir-reġistru tal-qorti.

L-aċċess jingħata wkoll għal:

  • l-istatuti ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet limitati, kumpaniji pubbliċi Ewropej b’responsabbiltà limitata jew ftehimiet ta’ sħubija ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata, inkluż it-test konsolidat tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni emendati jew statuti ta’ assoċjazzjoni b’ċertifikat ta’ nutar,
  • deċiżjonijiet finali tal-qorti li jiddikkjaraw kumpanija ta’ kapital nulla u bla effett;
  • abbozz ta’ termini ta’ fużjoni transfruntiera (l-Artikolu 622e ZGD-1), diviżjonijiet transfruntieri (l-Artikolu 638e ZGD01) u konverżjoni transfruntiera (l-Artikolu 61e ZGD-1), flimkien mad-dokumenti mehmuża ppreżentati fir-reġistru tal-qorti għal finijiet ta’ pubblikazzjoni;
  • ċertifikati tal-qorti għall-finijiet li għal fużjoni transfruntiera (l-Artikolu 622k(7) ZGD-1), diviżjoni transfruntiera (l-Artikolu 638k(7) ZGD-1), jew konverżjoni transfruntiera (l-Artikolu 661j(7) ZGD-1), il-kundizzjonijiet kollha ġew issoddisfati u li l-kompiti legali u r-rapporti annwali kollha twettqu b’mod korrett.

Jista’ jingħata wkoll aċċess għal dokumenti li fuqhom huma bbażati l-entrati tad-data, li huma meħtieġa bil-liġi li jiġu ppubblikati fuq il-paġni tas-sit web tal-Aġenzija maħsuba għal pubblikazzjonijiet uffiċjali. L-aċċess għad-data u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu ta’ hawn fuq irid ikun disponibbli fuq il-bażi ta’ talba ta’ tiftix ippreżentata f’konformità mar-regoli u r-rekwiżiti tekniċi tal-portal permezz tal-punt ta’ aċċess elettroniku tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, bħala parti mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Diskrepanzi bejn l-entrata fir-reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha

Ma hemmx diskrepanzi bħal dawn.

Min hu responsabbli għall-akkuratezza tar-rekords?

L-operaturi kummerċjali u l-korpi tar-reġistrazzjoni f’każijiet fejn l-AJPES ma tkunx il-korp tar-reġistrazzjoni huma responsabbli għall-komunikazzjoni f’waqtha ta’ informazzjoni dwar bidliet fid-data mdaħħla fil-PRS. Bħala operatur tal-PRS, l-AJPES hija responsabbli għall-akkuratezza tad-data li tispeċifika hija stess, għall-ġestjoni u l-operat tal-PRS, u għat-trażmissjoni tad-data pubblika tal-PRS u l-pubblikazzjoni ta’ din id-data fuq il-portal tal-web.

Proċeduri għall-protezzjoni tad-data

Il-proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward il-pubblikazzjoni u l-ħżin tad-data personali tiegħu

Il-bażi legali għad-dħul u l-pubblikazzjoni ta’ data personali fir-Reġistru Kummerċjali Sloven hija l-liġi relatata mal-forom legali tal-entitajiet li tirrelata magħhom ir-reġistrazzjoni (ZPRS-1, ZGD-1, ZSReg, ZGos u oħrajn). Il-perjodi ta’ żamma huma stabbiliti fl-Iskema tal-Klassifikazzjoni (Načrt klasifikacijskih znakov), f’konformità mad-Digriet dwar l-operazzjonijiet amministrattivi (Uredba o upravnem poslovanju) u l-iskadenzi applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali.

Kwalunkwe persuna tista’ titlob li tiġi infurmata dwar id-data personali tagħha, permezz ta’ formola disponibbli fuq il-portal tal-web tal-AJPES, li tista’ tintbagħat lil gdpr@ajpes.si. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-individwi jistgħu jitolbu li d-data personali tagħhom tiġi emendata. Kwalunkwe persuna li tqis li d-data personali tagħha qed tiġi pproċessata illegalment tista’ tressaq ilment quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni (Informacijski pooblaščenec).

Informazzjoni ta’ kuntatt

gp@ajpes.si

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna