1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
Iva, l-imgħax statutorju huwa previst fil-Latvja. F’konformità mal-Artikolu 1756 tad-Dritt Ċivili (Civillikums), l-obbligu li jitħallas l-imgħax għandu jkun ibbażat fuq tranżazzjoni legali jew inkella fuq il-liġi. L-imgħax huwa pagabbli, abbażi tal-liġi, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1759 tad-Dritt Ċivili (pereżempju, għal kull dewmien fil-pagament ta’ dejn, anki meta d-dejn innifsu jkun mingħajr imgħax), b’xi kjarifiki stipulati f’dispożizzjonijiet oħra tad-Dritt Ċivili jew ta’ atti legali oħra.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1765 tad-Dritt Ċivili jistipula li r-rata tal-imgħax għandha tkun stipulata b’mod preċiż fl-att jew fit-tranżazzjoni. Jekk dan ma jkunx sar, kif ukoll f’każijiet li fihom il-liġi tirrikjedi kalkolu ta’ imgħax leġittimu, dan ikun ta’ 6 % fis-sena.
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1765, l-ammont tal-imgħax statutorju għall-pagament tardiv ta’ dejn monetarju miftiehem bħala remunerazzjoni f’kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew għax-xiri jew il-forniment ta’ servizzi għandu jkun ta’ 8 punti perċentwali ogħla mir-rata tal-imgħax bażika (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1765) fis-sena u, għar-relazzjonijiet kuntrattwali li jinvolvu konsumatur, 6 punti perċentwali fis-sena. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1765 jistabbilixxi li r-rata tal-imgħax bażika hija r-rata tal-imgħax marġinali applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin l-aktar reċenti tiegħu li jkunu saru qabel l-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena inkwistjoni. Ir-rata tal-imgħax bażika fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena inkwistjoni għandha tiġi applikata għas-6 xhur ta’ wara.
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Le, ma hemm l-ebda informazzjoni oħra disponibbli dwar kif għandhom jiġu kkalkulati r-rati tal-imgħax statutorji.
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Iva, id-Dritt Ċivili huwa disponibbli hawnhekk: https://likumi.lv/ta/id/225418-civillikums.
Id-Dritt Ċivili huwa disponibbli wkoll bl-Ingliż: https://likumi.lv/ta/en/en/id/225418-civil-law.