1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
Iva. L-imgħax ta’ inadempjenza statutorju huwa l-imgħax li għandu jħallas debitur ta’ obbligu pekunjarju fuq pretensjonijiet pendenti. Għalhekk, debitur li jonqos li jħallas obbligu pekunjarju fil-ħin ikollu jħallas ukoll imgħax ta’ inadempjenza, minbarra l-ammont tal-kapital.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
L-imgħax ta’ inadempjenza huwa rregolat mill-Artikoli 29-31 tal-Att dwar l-Obbligi Ċivili (Zakon o obveznim odnosima minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “iz-ZOO”) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 35/05, 41/08, 125/11, 78/15, 29/18, 126/21, 114/22, 156/22 u 155/23). Id-dispożizzjonijiet taz-ZOO li jirregolaw l-imgħax ta’ inadempjenza japplikaw sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni separata li tipprovdi mod ieħor għal persuni u obbligi speċifiċi. Skont iz-ZOO, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju fuq obbligi li jirriżultaw minn kuntratti kummerċjali u kuntratti bejn operatur tas-suq u persuna rregolata mid-dritt pubbliku għandha tiġi ddeterminata fuq bażi semiannwali billi r-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tiegħu mwettqa qabel l-ewwel jum tan-nofs kurrenti tas-sena kalendarja tiżdied bi tmien punti perċentwali, u bi tliet punti perċentwali f’każ ta’ obbligi oħrajn. Ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza tapplika għal perjodu ta’ sena.
Wara d-dħul fis-seħħ tal-Att li jemenda l-Att dwar l-Obbligi Ċivili (NN Nru 114/22), mill-1 ta’ Jannar 2023 il-linja bażi għall-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza kienet ir-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tiegħu mwettqa qabel l-ewwel jum tan-nofs kurrenti tas-sena kalendarja.
Il-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka) obbligat jippubblika r-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju.
Skont avviż mill-Bank Nazzjonali Kroat (NN Nru 77/24), ir-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tiegħu, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2024, hija ta’ 4.25 % fis-sena.
Il-liġi speċifika li tippreskrivi r-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza għal ċerti obbligi hija l-Att dwar in-Negozju Finanzjarju u s-Soluzzjoni ta’ Qabel Falliment (Zakon o financijskom poslovanju i predstečajnoj nagodbi minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “iz-ZFPPN”) (NN; Nri. 108/12, 144/12, 81/13, 112/13, 71/15, 78/15 u 114/22). Iz-ZFPPN ittraspona fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali. Iz-ZFPPN japplika għal dewmien fil-ħlas fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn intrapriżi u bejn intrapriżi u persuni rregolati mid-dritt pubbliku għal provvista ta’ merkanzija jew forniment ta’ servizzi bi ħlas meta l-persuna rregolata mid-dritt pubbliku tkun id-debitur. Skont iz-ZFPPN, l-imgħax statutorju għal ħlasijiet tardivi huwa r-rata normattiva tal-imgħax miżjuda bi tmien punti perċentwali. Ir-rata normattiva tal-imgħax hija stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rata normattiva tal-imgħax għall-ewwel nofs ta’ sena partikolari hija r-rata fl-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena, filwaqt li r-rata normattiva tal-imgħax għat-tieni nofs ta’ sena partikolari hija r-rata fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena.
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Il-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka) obbligat jippubblika r-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew u fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju. Jista’ jinkiseb aċċess għan-Narodne Novine mil-link segwenti: https://narodne-novine.nn.hr/
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Jista’ jinkiseb aċċess għan-Narodne Novine bla ħlas mil-link segwenti: https://narodne-novine.nn.hr/