1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
In-Netherlands għandhom rata tal-imgħax statutorja. L-imgħax statutorju huwa l-imgħax li, bil-liġi, kreditur jista’ jitlob mingħand debitur li għandu jtih il-flus.
Issir distinzjoni bejn l-imgħax statutorju għal tranżazzjonijiet mhux kummerċjali (l-Artikolu 6: 119 tal-Kodiċi Ċivili) u l-imgħax statutorju għat-tranżazzjonijiet kummerċjali (l-Artikoli 6: 119a u 6: 119b tal-Kodiċi Ċivili).
Imgħax statutorju għal tranżazzjonijiet mhux kummerċjali jfisser imgħax relatat ma’ kuntratti ma’ individwi privati u konsumaturi.
Imgħax statutorju għal tranżazzjonijiet kummerċjali jfisser imgħax relatat ma’ kuntratti bejn negozji, u bejn negozji u organizzazzjonijiet tal-gvern.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
L-imgħax statutorju għal tranżazzjonijiet mhux kummerċjali, mill-1 ta’ Jannar 2024, kien ta’ 7 %. Il-bażi legali għal dan hija l-Artikolu 6:119 tal-Kodiċi Ċivili. L-imgħax statutorju għal tranżazzjonijiet kummerċjali, mill-1 ta’ Jannar 2024, kien ta’ 12,50 %. Il-bażi legali għal dan hija l-Artikolu 6:119a għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn in-negozji. Il-bażi legali għal tranżazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet tal-gvern tinsab fl-Artikolu 6:119b tal-Kodiċi Ċivili.
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Ir-rata tal-imgħax statutorja għal tranżazzjonijiet mhux kummerċjali hija stabbilita abbażi ta’ kull sitt xhur fil-Besluit vaststelling wettelijke rente (id-Digriet li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax statutorja), skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6:120 tal-Kodiċi Ċivili. Ir-rata hija kkalkulata abbażi tar-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament (ir-rata ta’ referenza) miżjuda bi 2,25 punti perċentwali, imqarrba għall-eqreb nofs fil-mija. Ir-rata tal-imgħax statutorja tiġi aġġustata, jekk ikun meħtieġ, darbtejn fis-sena fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju, fejn id-data meqjusa għar-rata ta’ referenza hija l-31 ta’ Ottubru preċedenti jew it-30 ta’ April rispettivament.
Ir-rata tal-imgħax statutorja għat-tranżazzjonijiet kummerċjali hija stabbilita skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6:120 tal-Kodiċi Ċivili. Tista’ tiġi aġġustata fl-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rata tal-imgħax statutorja għat-tranżazzjonijiet kummerċjali hija l-istess bħar-rata tal-imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena inkwistjoni, miżjuda bi tmien punti perċentwali.
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Iva. Il-Ktieb 6 tal-Kodiċi Ċivili jista’ jiġi kkonsultat hawnhekk. Id-Digriet li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax statutorja jista’ jiġi kkonsultat ukoll online. L-aġġustament ta’ kull sitt xhur tar-rata tal-imgħax statutorja għal tranżazzjonijiet mhux kummerċjali huwa ppubblikat fil-Bullettin tal-Atti u d-Digrieti.
Aktar informazzjoni tinsab fuq is-sit web tal-Gvern.