Skip to main content

Suċċessjonijiet

Flag of Sweden
Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal- Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kull min għandu 18-il sena jew aktar huwa intitolat li jagħmel testment. Testment ma jkunx validu jekk ikun inkiteb fi stat ta’ mard mentali. Biex ikun validu, testment irid isir bil-miktub u jiġi ffirmat mit-testatur. It-testment irid ikun ukoll attestat u ffirmat minn żewġ xhieda fl-istess ħin. Ix-xhieda jridu jkunu jafu li jkunu qed jagħmluha ta’ xhieda għal testment, iżda ma għandhomx għalfejn ikunu jafu l-kontenut tiegħu.

Iż-żewġ xhieda jrid ikollhom aktar minn 15-il sena u ma jistgħux ikunu l-konjuġi, il-konkubin, ħu jew oħt it-testatur jew qarib dirett tiegħu jew ikollhom affinità mat-testatur. Meta fit-testment jitħalla wirt lil persuna, jew lill-konjuġi, il-konkubin, l-aħwa jew qarib dirett tagħha jew lil xi ħadd li għandu affinità magħha, dik il-persuna lanqas ma tista’ tkun xhud.

Testatur jista’ jagħmel testment privileġġat (nödstestamente) jekk huwa ma jkunx jista’ jagħmel testment bil-mod deskritt iktar ’il fuq minħabba mard jew emerġenza oħra. Dan it-testment jista’ mbagħad isir verbalment quddiem żewġ xhieda, jew jinkiteb u jiġi ffirmat mit-testatur.

Jekk parti tkun tixtieq tannulla testment, din trid tressaq azzjoni ta’ protest kontra t-testment quddiem il-qorti. Dik il-parti trid tressaq din l-azzjoni fi żmien 6 xhur minn meta tirċievi t-testment.

Id-disponiment tal-patrimonju huwa validu biss jekk isir skont ir-regolamenti dwar it-testmenti. Il-ftehimiet ta’ suċċessjoni jew ftehimiet oħra għat-trasferiment ta’ beni wara l-mewt huma għalhekk invalidi.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Ma hemmx regoli għar-reġistrazzjoni tat-testmenti fl-Iżvezja.

Sabiex jiġi żgurat li hemm testment u li jista’ jintuża wara l-mewt tat-testatur, dan għandu jgħid lil xi ħadd li jafda fejn ikun miżmum it-testment. Normalment it-testmenti jinżammu fl-uffiċċju ta’ avukat jew il-bank. Jekk ma jinstab ebda testment wara l-mewt tat-testatur, tinfetaħ is-suċċessjoni kif stipulata mil-liġi. Il-patrimonju jkun jista’ jiġi ddistribwit mill-ġdid jekk it-testment jinsab aktar tard. Hemm terminu preskrittiv ta’ 10 snin.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, jekk persuna tkun miżżewġa u/jew ikollha t-tfal, hemm restrizzjonijiet dwar id-dritt li tiddispondi mill-patrimonju tagħha.

Jekk it-testatur kien miżżewweġ, il-konjuġi superstitu jkollu d-dritt li jirċievi beni li, flimkien ma’ dak li jkun irċieva l-konjuġi superstitu fid-diviżjoni tal-patrimonju konġunt tagħhom jew dak li jikkostitwixxi l-beni separati tal-konjuġi, tikkorispondi għal erba’ darbiet l-ammont bażiku kif previst fil-Kapitolu 2, it-Taqsimiet 6 u 7 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (socialförsäkringsbalken) (ir-regola tal-ammont bażiku). Il-livell tal-ammont bażiku jiġi ffissat darba fis-sena. Dan id-dritt huwa validu sakemm il-patrimonju jkun ta’ valur suffiċjenti. Dan ifisser li jekk ma jkun hemm l-ebda ben ta’ dan il-valur, il-konjuġi superstitu jiret il-beni kollha eżistenti. It-testmenti li jirrestrinġu dan id-dritt ikunu nulli f’dan ir-rigward.

It-tfal u t-tfal tat-tfal tal-mejjet (magħrufa bħala bröstarvingar, “werrieta f’linja diretta”) ikunu intitolati għal sehem riżervat statutorju mill-wirt. Is-sehem riżervat (laglott) huwa nofs is-sehem li huwa dovut bil-liġi lit-tfal u lit-tfal tat-tfal meta ma jkunx hemm testment, li għalih it-tfal u t-tfal tat-tfal ikollhom dritt indaqs. It-testmenti li jirrestrinġu s-sehem riżervat ikunu nulli sa dak il-punt. It-tfal jew it-tfal tat-tfal jistgħu jitolbu s-sehem riżervat tagħhom billi jitolbu aġġustament tat-testment fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu t-testment.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk ma jsir disponiment speċjali tal-patrimonju, il-wirt jitqassam f’konformità mas-suċċessjoni stabbilita bil-liġi. Rekwiżit għad-dritt għall-wirt huwa li l-persuna trid tkun ħajja meta jmut it-testatur. Anki xi ħadd li tnissel meta miet it-testatur u li jitwieled wara jkollu dritt għall-wirt.

Il-liġi tiddistingwi bejn tliet klassijiet ta’ werrieta. L-ewwel kassi tinkludi lit-tfal jew lit-tfal tat-tfal tal-mejjet. It-tieni klassi tinkludi l-ġenituri u l-aħwa tal-mejjet, filwaqt li t-tielet klassi tinkludi n-nanniet tal-mejjet u t-tfal tagħhom, jiġifieri ħut il-ġenituri tal-mejjet. Il-wirt jinqasam indaqs f’kull klassi. It-tieni klassi ma tiritx jekk ikun hemm xi ħadd ħaj fl-ewwel klassi. It-tielet klassi tiret jekk ma jkun hemm ħadd mill-ewwel jew mit-tieni klassi ħaj. Jekk il-mejjet kien miżżewweġ, il-patrimonju jmur għand il-konjuġi superstitu.

Wara l-mewt tal-konjuġi superstitu, it-tfal jew it-tfal tat-tfal jirtu konġuntament; u jekk ma jkunx hemm tfal jew tfal tat-tfal biex jirtu, jirtu t-tieni jew it-tielet klassi ta’ werrieta. Għalhekk, dawn il-werrieta jirtu permezz ta’ wirt sekondarju (efterarv) wara l-mewt tal-konjuġi superstitu.

Jekk il-mejjet ikollu tfal li ma humiex it-tfal tal-konjuġi superstitu, dawn ikollhom dritt jirċievu s-sehem riżervat tagħhom mal-mewt ta’ dak il-ġenitur tagħhom.

Jekk ma jkunx hemm werrieta, il-patrimonju jmur fil-Fond tal-Wirt (den allmänna arvsfonden).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Id-distribuzzjoni tal-wirt fil-parti l-kbira ssir mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet. Minflok, huma l-partijiet li jkollhom dritt għall-wirt, il-koproprjetarji tal-patrimonju tal-mejjet, li flimkien jiddistribwixxu l-patrimonju wara mewtu. Il-partijiet fil-patrimonju huma l-konjuġi superstitu jew il-konkubin, il-werrieta u l-legatarji universali. Irid jiġi ppreżentat inventarju tal-patrimonju lill-Aġenzija tat-Taxxa (Skatteverket) 3 xhur wara l-mewt. Dan l-inventarju tal-patrimonju jelenka l-assi u d-dejn tal-patrimonju tal-mejjet. L-inventarju tal-patrimonju jindika wkoll il-persuni awtorizzati li jirrapreżentaw lill-patrimonju. L-Aġenzija tat-Taxxa hija wkoll l-awtorità kompetenti biex tfittex werriet li ma jkunx magħruf fejn jinsab permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Post- och Inrikes Tidningar.

Jekk issir talba f’dan is-sens minn xi ħadd mill-partijiet fil-patrimonju, il-qorti tista’ tordna li l-beni jiġu amministrati minn amministratur uffiċjali tal-patrimonju (boutredningsman) u anke taħtar wieħed. Jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar id-distribuzzjoni tal-patrimonju, jinħatar distributur speċjali tal-patrimonju (skiftesman). Din il-persuna tista’ timponi d-distribuzzjoni tal-patrimonju. Id-distributur tal-patrimonju jinħatar minn qorti ordinarja b’ġuriżdizzjoni kompetenti.

It-tilwim dwar il-wirt jissolva wkoll minn qorti ordinarja ta’ ġuriżdizzjoni kompetenti.

Jekk xi ħadd mill-partijiet fil-patrimonju jkun minuri jew legalment inkompetenti, jinħatar fiduċjarju (god man). Il-fiduċjarju jinħatar mill-kap tutur (överförmyndaren).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemmx bżonn ta’ aċċettazzjoni speċjali tad-dritt tal-werriet għall-wirt. Madankollu, huwa jkun jeħtieġlu jidentifika lilu nnifsu u jekk ikun parti fil-patrimonju, ikun jeħtieġlu jgħin fl-amministrazzjoni tal-patrimonju.

Jekk persuna jkollha d-dritt għall-wirt b’testment, hija tkun meħtieġa tinnotifika t-testment lill-werrieta legali jekk tkun tixtieq tasserixxi d-dritt tagħha. Dan ifisser li kopja ċċertifikata tat-testment tingħata lill-werriet jew werrieta, li min-naħa tagħhom jikkonfermaw li rċevewha. Wara n-notifika tat-testment, il-werrieta li jikkunsidraw li t-testment għandu jiġi annullat, il-werrieta li jkunu jixtiequ jiksbu aġġustament tat-testment biex jiksbu s-sehem riżervat tagħhom jew il-konjuġi superstitu li jixtieq jinvoka r-regola tal-ammont bażiku, ikollhom 6 xhur biex iressqu azzjoni ta’ protest quddiem il-qorti.

It-tfal jew it-tfal tat-tfal tal-mejjet jistgħu jirrinunzjaw għad-dritt għall-wirt tiegħu favur il-konjuġi superstitu. Dan ma jfissirx li jkunu qegħdin iċedu l-wirt tagħhom; minflok, il-werriet ikun qed jipposponi d-dritt għall-wirt tiegħu. Il-werriet ikollu d-dritt għall-wirt sekondarju mill-partrimonju tal-konjuġi superstitu u meta l-konjuġi superstitu jmut, il-werriet jirċievi s-sehem riżervat tiegħu. Jekk il-werriet ma jkunx ħaj mal-mewt tal-konjuġi superstitu, huma l-werrieta tal-werriet innifsu li jirċievu l-wirt minfloku.

Werriet jew legatarju jista’ jirrinunzja għad-dritt għall-wirt tiegħu billi jinforma dwar dan lill-persuna li tkun qed tħalli l-beni qabel il-mewt tagħha. Din ir-rinunzja tapplika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għall-werrieta tal-werriet stess. Madankollu, it-tfal jew it-tfal tat-tfal jew il-werrieta tagħhom dejjem ikollhom dritt li jirċievu s-sehem riżervat tagħhom.

Jekk werriet jew legatarju jirrinunzja jew ma jitlobx il-wirt tiegħu, id-Dipartiment tat-Taxxa jista’ jagħtih struzzjonijiet biex jasserixxi d-dritt tiegħu fi żmien 6 xhur minn meta tingħatalu din l-istruzzjoni. Jekk il-werriet jew il-legatarju ma jasserix id-dritt tiegħu, huwa jitlef id-dritt għall-wirt. Persuna tista’ tirrinunzja għad-dritt għall-wirt tagħha sal-mument meta ssir id-distribuzzjoni tal-patrimonju.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Meta persuna tmut, il-partijiet fil-patrimonju, jiġifieri l-konjuġi superstitu jew il-konkubin u kwalunkwe werriet jew legatarju universali, iridu jamministraw konġuntament il-beni tal-mejjet. Huma jkunu responsabbli biex jifformulaw l-inventarju tal-patrimonju (bouppteckning) u jippreżentawh lill-Aġenzija tat-Taxxa. Jekk l-assi jeċċedu d-djun, l-eċċess jiġi ddistribwit kif stipulat fil-liġi jew kif stabbilit fit-testment. Il-patrimonju jinqasam abbażi ta’ dokument ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju (arvskifte), li jiġi stabbilit mill-werrieta u l-legatarji universali. Id-dokument tad-distribuzzjoni tal-patrimonju jrid ikun bil-miktub u ffirmat mill-werrieta. Jekk il-werrieta ma jkunux jistgħu jaqblu fuq id-distribuzzjoni, jista’ jinħatar distributur tal-patrimonju (skiftesman) u tiġi imposta distribuzzjoni obbligatorja. Jekk ikun inħatar eżekutur testamentarju (testamentsexekutor) fit-testment, l-eżekutur testamentarju jkun responsabbli għad-distribuzzjoni.

Jekk il-mejjet kien miżżewweġ jew konkubin, normalment issir diviżjoni tal-patrimonju konġunt tal-koppja. Id-diviżjoni tal-patrimonju konġunt issir qabel id-distribuzzjoni tal-patrimonju tal-mejjet.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Biex tkun werrieta, il-persuna trid tkun ħajja mal-mewt tat-testatur. Inkella trid tkun tnisslet qabel il-mewt u twieldet wara. Hemm tliet klassijiet differenti ta’ wirt għall-persuni li huma intitolati għall-wirt; għal aktar informazzjoni, ara l-mistoqsija 4.

Persuna ssir legatarja (testamentstagare) jekk titħallha beni permezz ta’ testment validu. Jekk il-legatarju ma jkunx ħaj meta jmut it-testatur, jieħdu postu l-qraba tal-legatarju li jkollhom dritt li jirtu skont is-suċċessjoni prevista mil-liġi.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Le, il-werrieta ma humiex responsabbli għad-dejn tal-mejjet. Meta persuna tmut, l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha jidħlu f’patrimonju (dödsbo). Il-patrimonju huwa persuna ġuridika fih innifsu u għalhekk għandu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu. Jekk id-djun jeċċedu l-assi, il-patrimonju jidħol f’falliment u ma jkun hemm l-ebda distribuzzjoni tal-wirt.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kull min ikun akkwista beni immobbli bi drittijiet ta’ proprjetà jrid jagħmel talba għar-reġistrazzjoni tal-akkwist (reġistrazzjoni tat-titolu) lill-Awtorità tal-Artijiet (lantmäterimyndigheten) (https://www.lantmateriet.se/), ġeneralment fi żmien 3 xhur mid-data tal-akkwist. Persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ titolu trid tippreżenta d-dokument tal-akkwist u d-dokumenti l-oħrajn meħtieġa biex tiġġustifika l-akkwist. Dan ifisser, pereżempju, li f’każ ta’ akkwist, id-dokument tal-akkwist irid jiġi ppreżentat flimkien ma’ affarijiet oħrajn. F’ċerti każijiet, jekk il-ben jiġi akkwistat b’wirt (jekk ikun hemm part waħda biss fil-patrimonju), fil-prinċipju jkun biżżejjed li tiġi ppreżentata l-kopja oriġinali tal-inventarju tal-patrimonju rreġistrat u kopja awtentikata tiegħu. F’każijiet oħrajn, id-dokument tad-distribuzzjoni tal-patrimonju jrid jiġi ppreżentat ukoll b’kopja oriġinali u kopja awtentikata. Jista’ jkun hemm bżonn li jiġu ppreżentati wkoll dokumenti oħra, pereżempju, il-kunsens tal-kap tutur jekk ikun hemm persuna minuri jew legalment mhux kompetenti li tkun parti fil-patrimonju. F’ċerti każijiet, minflok dokument ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju, testment li jkollu effett legali jkun biżżejjed biex tintalab ir-reġistrazzjoni tat-titolu.

L-aħħar applikant għar-reġistrazzjoni tat-titolu jitqies bħala s-sid tal-beni.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Huwa obbligatorju li jinħatar amministratur uffiċjali tal-patrimonju jekk dan jintalab minn parti fil-patrimonju. Il-legatarju, jiġifieri xi ħadd li jkun tħallielu beni permezz tat-testment, għandu d-dritt jitlob il-ħatra ta’ amministratur uffiċjali tal-patrimonju. L-amministratur tal-patrimonju jinħatar minn qorti b’ġuriżdizzjoni kompetenti. L-amministratur tal-patrimonju jrid ikollu l-għarfien neċessarju biex jamministra l-patrimonju.

It-testatur jista’ jipprevedi fit-testment tiegħu li jinħatar eżekutur biex jamministra l-patrimonju, minflok il-werrieta u l-legatarji universali.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fl-ewwel lok, huma l-partijiet fil-patrimonju; jiġifieri l-konjuġi superstitu jew il-konkubin, il-werrieta u l-legatarji universali. Il-persuni li jkunu partijiet fil-patrimonju jridu jitniżżlu fl-inventarju tal-patrimonju. Jekk ikun inħatar amministratur uffiċjali tal-patrimonju jew eżekutur testamentarju, dawn ikunu awtorizzati sabiex jirrapreżentaw il-patrimonju minflok il-partijiet fil-patrimonju.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Amministratur uffiċjali tal-patrimonju għandu l-kompitu li janalizza l-assi u d-dejn tal-patrimonju u li jamministra l-beni. Irid jiġi stabbilit ukoll min huma l-werrieta jew il-legatarji sabiex issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju f’konformità mas-suċċessjoni legali jew mat-testment. L-amministratur tal-patrimonju huwa għalhekk awtorizzat jiffirma d-dokumenti legali meħtieġa għal dan il-għan. L-awtorità tal-amministratur tal-patrimonju hija limitata, pereżempju meta jbiegħ ben immobbli l-amministratur tal-patrimonju jrid ikollu l-kunsens bil-miktub tal-koproprjetarji kollha jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-permess ta’ qorti distrettwali kompetenti.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dokumenti l-aktar komuni huma l-inventarju tal-patrimonju u d-dokument tad-distribuzzjoni tal-patrimonju.

Inventarju tal-patrimonju (bouppteckning): Wara l-proċedimenti tal-inventarju tal-patrimonju, li l-werrieta u l-legatarji kollha jridu jiġu mistiedna għalihom, jiġi stabbilit inventarju tal-patrimonju li jrid jiġi ppreżentat lill-Aġenzija tat-Taxxa. L-inventarju juri, fost affarijiet oħra, min huma l-werrieta u l-legatarji u l-assi u d-djun tal-patrimonju. Il-persuna li taf l-aktar dwar il-patrimonju, dik li tippreżenta l-inventarju tal-patrimonju, trid tiċċertifika solennement li l-informazzjoni fl-inventarju tal-patrimonju hija korretta. Żewġ persuni jridu jiċċertifikaw li tniżżel kollox korrettament fl-inventarju tal-patrimonju. It-testment u l-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ iridu jiġu mehmuża mal-inventarju tal-patrimonju. L-Aġenzija tat-Taxxa tirreġistra l-inventarju tal-patrimonju. Inventarju tal-patrimonju rreġistrat huwa importanti fid-dritt ċivili. Dan id-dokument waħdu jew flimkien mad-dokumenti ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju, jista’ jitressaq mill-partijiet fil-patrimonju bħala prova tat-titolu, pereżempju, meta jkun hemm bżonn li jinġibdu l-flus mill-kont(ijiet) bankarju/i tal-mejjet u meta trid issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-titolu ta’ ben.

Dokument ta’ distribizzjoni tal-patrimonju (arvsskifte): Meta issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju, irid jiġi fformulat dokument ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju. Id-dokument ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju jrid isir bil-miktub u ffirmat mill-werriet u/jew mil-legatarji. Id-dokument ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju huwa importanti wkoll fid-dritt ċivili u jista’ jiġi ppreżentat mill-partijiet fil-patrimonju bħala prova tat-titolu.

Id-dritt Żvediż japplika l-evalwazzjoni libera tal-provi, li tfisser li ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali dwar x’tip ta’ valur probatorju fih dokument speċifiku. 11 ta’ Mejju 2015.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-informazzjoni pprovduta.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna