Din l-iskeda informattiva ġiet abbozzata flimkien mar-Rat der Notariate der EU (il-Kunsill tan-Notarjati tal-Unjoni Ewropea, CNUE (Council of the Notariats of the European Union)).
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Testment jista’ jsir f’waħda minn żewġ forom: bħala testment miktub bl-idejn jew bħala testment pubbliku.
Testment miktub bl-idejn jista’ jsir biss minn persuni li għandhom 16-il sena jew aktar (l-Artikolu 2229(1) tal-Bürgerlichen Gesetzbuchs (BGB), il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż), u jrid ikun miktub bl-idejn kollu kemm hu u ffirmat mit-testatur. Jekk it-testment ikun ġie ttajpjat b’tajprajter jew kompjuter, jekk il-firma tkun nieqsa jew ikun ġie ddettat (eż. fuq tejp), it-testment ikun invalidu u, minħabba f’hekk, ikunu biss il-werrieta legali li jkunu jistgħu jirtu mill-patrimonju sakemm ma jkunx jeżisti testment validu ieħor b’ħatra alternattiva ta’ werriet. Għal raġunijiet ta’ prova, huwa importanti ħafna wkoll li t-testatur jiffirma b’ismu sħiħ (jiġifieri l-isem u l-kunjom) biex ma jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar min ikun għamel it-testment. Fl-aħħar nett, huwa rakkomandat ħafna li t-testment jindika meta u fejn inkiteb. Dan hu importanti għaliex testment li jkun sar qabel, kollu kemm hu jew parti minnu, jista’ jiġi rrevokat b’testment ġdid. Jekk id-data tkun nieqsa minn testment minnhom jew mit-tnejn li huma, spiss ikun impossibbli li tgħid liema wieħed minnhom huwa l-iktar reċenti u jrid jitqies bħala validu.
Il-koppji miżżewġin jew is-sħab reġistrati jistgħu jagħmlu wkoll testment unica charta miktub bl-idejn. F’dan il-każ, it-testment miktub bl-idejn li jkun ġie prodott minn wieħed mill-miżżewġin jew sħab jew mit-tnejn li huma jrid jiġi ffirmat mit-tnejn li huma flimkien.
Jekk trid tevita r-riskju li tagħmel żbalji meta tabbozza t-testment tiegħek, għandek tagħmel testment pubbliku (magħruf ukoll bħala “testment notarili”). Dan jinvolvi li tiddetta t-testment tiegħek lil nutar li mbagħad jirreġistrah bil-miktub jew li tabbozzah int stess u tgħaddih lil nutar bil-miktub.
Biex jiġi konkluż kuntratt ta’ wirt, iż-żewġ partijiet iridu jidhru quddiem nutar fl-istess ħin.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
Biex ma jkunx hemm riskju li testment miktub bl-idejn jinħeba, jintilef jew jintesa wara l-mewt ta’ xi ħadd, ħafna drabi huwa rrakkomandat (iżda mhuwiex obbligatorju) li t-testment jitħalla mal-qorti lokali (Amtsgericht) – jew f’kustodja uffiċjali speċjali. Testment notarili dejjem jinżamm f’kustodja uffiċjali speċjali. L-istess japplika għal kuntratt ta’ wirt, sakemm il-partijiet kontraenti ma jiddikjarawx b’mod speċifiku li ma għandux jitħalla f’kustodja uffiċjali; f’dak il-każ, minflok, id-dokument jitħalla man-nutar. It-testmenti u l-kuntratti ta’ wirt li jinżammu b’mod sikur jinfetħu mal-mewt tal-persuna li tkun għamlet id-dispożizzjonijiet causa mortis li jinsabu fihom (li l-liġi tirreferi għaliha bħala t-“testatur” (‘Erblasser’)).
Mill-1 ta’ Jannar 2012, id-dokumenti miżmuma f’kustodja uffiċjali jiġu rreġistrati elettronikament fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti (Zentrales Testamentsregister) fil-Kamra Federali tan-Nutara (Bundesnotarkammer). Jiġu rreġistrati biss id-dettalji meħtieġa biex tinstab id-dispożizzjoni causa mortis fil-każ ta’ mewt (dettalji ta’ identifikazzjoni tal-kustodja uffiċjali). Il-kontenut tad-dispożizzjoni causa mortis ma jiġix irreġistrat fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti. Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet causa mortis li jkunu tfasslu qabel dik id-data u mħollija f’kustodja uffiċjali, id-dettalji rilevanti tal-uffiċċji tar-reġistru ġew ittrasferiti lir-reġistru.
Bħala l-awtorità tar-reġistru, il-Kamra Federali tan-Nutara tkun innotifikata bl-imwiet domestiċi kollha u, għall-fini tal-ftuħ ta’ kwalunkwe dispożizzjoni causa mortis li tkun miżmuma f’kustodja uffiċjali, tinforma lid-depożitarju bil-mewt u tinforma lill-qorti tas-suċċessjoni (Nachlassgericht) kompetenti dwar jekk hemmx dispożizzjonijiet reġistrati, liema huma u fejn qed jinżammu f’kustodja uffiċjali.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Il-qraba jistgħu jiġu diżeredati permezz ta’ testment. Madankollu, dejjem tqieset bħala inġusta sitwazzjoni fejn il-konjuġi superstiti, it-tfal u wlied it-tfal jew il-ġenituri (li kienu jkunu l-werrieta legali kieku d-dispożizzjoni testamentarja ma kinitx teżisti fl-ewwel lok) ma jirċievu l-ebda wirt. Minħabba l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà reċiproka rikonoxxuta uffiċjalment u stabbilita legalment, l-istess japplika għal sħab reġistrati superstiti tal-istess sess. Għal din ir-raġuni, il-liġi tagħti lil dan il-grupp żgħir ta’ persuni dak li jissejjaħ is-“sehem riżervat” (Pflichtteil). Il-benefiċjarji ta’ sehem riżervat huma intitolati jitolbu ħlas fi flus mingħand il-werrieta li jkun daqs nofs il-valur tas-sehem legali.
Pereżempju: It-testatriċi tħalli warajha lil żewġha (li kienet tgħix miegħu bil-komunjoni tal-akkwisti, Güterstand der Zugewinngemeinschaft) [fejn kull konjuġi jżomm is-sjieda tal-proprjetà tiegħu imma ż-żieda fil-valur nett ikkombinat tal-miżżewġin waqt iż-żwieġ jitqassam b’mod ugwali] u lil bintha. Fit-testment tagħha, it-testatriċi nnominat lil żewġha bħala l-uniku werriet. Il-patrimonju għandu valur ta’ EUR 100 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ta’ ¼ (filwaqt li s-sehem legali tagħha huwa ta’ ½; l-istess bħal tar-raġel li għex mat-testatriċi bil-komunjoni tal-akkwisti). Biex tiġi kkalkulata s-somma flus li hi intitolata għaliha t-tifla, il-frazzjoni tas-sehem riżervat irid ikun immultiplikat bil-valur tal-patrimonju fil-mument tal-wirt. Dan ifisser li t-tifla tista’ titlob sehem riżervat li jammonta għal EUR 25 000 (¼ × EUR 100 000) mingħand ir-raġel.
It-testaturi ma jistgħux jostakolaw talba għal dan is-sehem billi jinkludu benefiċjarji ta’ sehem riżervat fit-testmenti tagħhom imma jallokawlhom biss inqas minn nofs is-sehem legali tagħhom. F’każijiet bħal dawn, il-benefiċjarju tas-sehem riżervat ikun intitolat għal ammont supplimentari biex is-sehem riżervat tagħhom jitla’ għal nofs is-sehem riżervat (Pflichtteilsergänzungsanspruch, talba għall-aġġustament tas-sehem riżervat).
Pereżempju: Fit-testment tiegħu, it-testatur innomina lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjoni tal-akkwisti) u lil bintu bħala werrieta b’tali mod li jirtu ⅞ u ⅛ tal-patrimonju tiegħu rispettivament. Il-patrimonju għandu valur ta’ EUR 800 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ¼ (= EUR 200 000). Peress li hija kienet inkluża fit-testment u għalhekk diġà se tiret EUR 100,000 (⅛ ta’ EUR 800,000), hija intitolata biss għal ammont supplimentari biex tkopri d-differenza (EUR 100,000).
Talbiet għal sehem riżervat iridu jsiru fi żmien 3 snin minn meta kwalunkwe benefiċjarju tas-sehem riżervat isir jaf bil-wirt u bid-dispożizzjoni li taffettwah ħażin, u ċertament mhux iktar minn 30 sena wara l-wirt.
Il-werrieta jistgħu jitolbu li t-talba għal sehem riżervat tkun differita jekk il-ħlas immedjat tat-talba jkun jaffettwahom severament b’mod inġust. L-eżempju msemmi fil-leġiżlazzjoni huwa xenarju fejn li kieku d-dar matrimonjali jkollha tinbiegħ. Madankollu, xorta jridu jitqiesu kif xieraq l-interessi tal-benefiċjarju jew benefiċjarji. Differiment ifisser li s-sehem riżervat ma jkollux għalfejn jitħallas minnufih. Hija l-qorti li trid tiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kemm żmien jista’ jiġi differit il-ħlas tas-sehem riżervat u jekk ikunx hemm bżonn ta’ garanzija fir-rigward tat-talba għal sehem riżervat.
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Jekk ma jkunx hemm testment jew kuntratt ta’ wirt, japplikaw ir-regoli ta’ suċċessjoni legali.
Skont il-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, il-qraba biss huma kklassifikati bħala werrieta, jiġifieri l-persuni li jkollhom l-istess ġenituri, nanniet jew bużnanniet bħat-testatur, kif ukoll il-persuni li jkollhom axxendent komuni ieħor iktar mill-bogħod mat-testatur. Skont din id-definizzjoni, ir-relazzjonijiet biż-żwieġ bl-ebda mod ma jitqiesu bħala relazzjonijiet mat-testatur u għalhekk huma esklużi mis-suċċessjoni legali, eż. il-kunjata, il-ħaten, il-missier tar-rispett, it-tifla tar-rispett, iz-zija tar-rispett, iz-ziju tar-rispett, eċċ.; dan għax ma jkollhom l-ebda axxendent komuni mat-testatur.
Ir-relazzjoni familjali tista’ tirriżulta wkoll mill-adozzjoni (mit-tfulija), peress li dan il-proċess joħloq relazzjoni familjali sħiħa skont il-liġi bejn il-minuri u min adottah kif ukoll il-qraba ta’ dan tal-aħħar, flimkien mad-drittijiet u d-dmirijiet kollha assoċjati magħha. Għaldaqstant, it-tfal adottati ġeneralment ikollhom l-istess drittijiet bħat-tfal bijoloġiċi (jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċjali jekk jiġu adottati “tfal” maġġorenni).
Il-konjuġi huma eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ wirt minn qraba biss (Verwandtenerbfolge). Għalkemm dawn ma jkunux normalment jiġu minn xulxin u għalhekk ma jkollhomx axxendent komuni, xorta jkollhom id-dritt li jirtu lill-konjuġi tagħhom. Jekk il-konjuġi jkunu ddivorzjati, ma jkun hemm l-ebda dritt għall-wirt. Dan japplika wkoll, b’ċerti kundizzjonijiet, għall-konjuġi li ma jkunux għadhom iddivorzjaw imma li jkunu jgħixu separatament.
Skont il-liġi tas-suċċessjoni, is-sħab reġistrati għandhom l-istess drittijiet ta’ suċċessjoni bħall-miżżewġin. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt legali għall-wirt għall-persuni f’forom oħra ta’ koabitazzjoni.
Il-liġi tas-suċċessjoni għall-qraba:
Mhux il-qraba kollha għandhom l-istess drittijiet ta’ wirt. Il-liġi taqsamhom f’werrieta ta’ diversi gradi differenti:
L-ewwel grad
Il-werrieta tal-ewwel grad jinkludu biss lid-dixxendenti tal-persuna deċeduta, jiġifieri t-tfal, in-neputijiet, it-tfal tan-neputijiet, eċċ.
It-tfal barra miż-żwieġ huma l-werrieta legali ta’ ommhom u missierhom u tal-qraba rispettivi tagħhom. Hemm eċċezzjoni li tapplika f’każijiet fejn it-testatur ikun miet qabel id-29 ta’ Mejju 2009, u l-wild barra miż-żwieġ ikun twieled qabel l-1 ta’ Lulju 1949.
Dment li jinstab xi ħadd li jagħmel parti minn dan il-grupp ta’ qraba mill-qrib ħafna, il-qraba l-oħra kollha li jkunu iktar mill-bogħod ma jirċievu xejn u ma jkollhom l-ebda sehem mill-wirt.
Pereżempju: It-testatur għandu tifla waħda u għadd ta’ neputijiet. In-neputijiet ma jirtu xejn.
It-tfal tat-tfal (jiġifieri n-neputijiet, it-tfal tan-neputijiet, eċċ.) normalment jirtu xi ħaġa biss jekk il-ġenituri tagħhom ikunu diġà mietu jew ikunu rrinunzjaw għall-wirt huma stess.
Pereżempju: Il-persuna deċeduta tħalli warajha lil bintha kif ukoll lit-tlett itfal ta’ binha li kien miet qabel. Bintha tirċievi nofs il-wirt filwaqt li n-neputijiet ikollhom jaqsmu n-nofs l-ieħor bejniethom, jiġifieri, in-nofs illi kieku kien imur għand missierhom. Dan ifisser li kull neputi jirċievi ⅙ mill-wirt.
It-tieni grad
Il-werrieta tat-tieni grad huma l-ġenituri tal-persuna deċeduta flimkien mat-tfal tagħhom u t-tfal tat-tfal tagħhom, jiġifieri l-aħwa u n-neputijiet tat-testatur. Għal darba oħra, l-ulied tal-ġenituri tat-testatur jirtu biss jekk il-ġenituri tat-testatur ikunu diġà mejtin. Huma mbagħad jirtu s-sehem dovut lil missierhom mejjet jew lil ommhom mejta.
Il-qraba tat-tieni grad jistgħu jirtu biss jekk ma jkun hemm l-ebda qarib tal-ewwel grad.
Pereżempju: It-testatur iħalli warajh neputi u neputija. L-aħwa u l-ġenituri tat-testatur kienu mietu qabel. Għalhekk in-neputi u n-neputija jirtu nofs il-patrimonju kull wieħed.
It-tielet grad u l-gradi sussegwenti
Il-kategorija tat-tielet grad tinkludi n-nanniet flimkien mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom (zija, ziju, kuġin, eċċ.) filwaqt li r-raba’ grad ikopri l-bużnanniet flimkien mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom eċċ. Is-suċċessjoni legali hija essenzjalment ibbażata fuq l-istess regoli għall-gradi msemmija qabel. Madankollu, mir-raba’ grad ’il quddiem, jekk ulied in-nanniet ikunu diġà mietu, id-dixxendenti ta’ dawk l-ulied ma jibqgħux dawk li jmiss biex jirtu; minflok, il-persuni li jkunu l-eqreb qraba issa jsiru l-uniċi werrieta (f’dan il-punt hemm qlib mis-sistema parentelika tas-suċċessjoni [Erbfolge nach Stämmen, li tinvolvi li tikkalkula billi timxi minn fuq għal isfel ma’ kull linja (parentela) li tibda minn antentat sakemm jinstab werriet] għas-sistema tal-grad tar-relazzjoni [Gradualsystem, li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-eqreb qarib fuq il-bażi tal-gradi ta’ parentela]).
Dan li ġej japplika dejjem: qarib wieħed biss tal-grad preċedenti jrid ikun ħaj biex jiġu esklużi l-werrieta kollha possibbli tal-grad sussegwenti.
Konjuġi u sħab reġistrati
Irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali li kien japplika, il-konjuġi superstitu jew sieħeb reġistrat superstitu huwa kklassifikat bħala werriet legali u huwa intitolat għal kwart mill-patrimonju flimkien ma’ kwalunkwe dixxendent u għal nofs il-patrimonju flimkien ma’ kwalunkwe qarib tat-tieni grad (jiġifieri ġenituri, aħwa jew neputijiet tat-testatur), kif ukoll kwalunkwe nannu jew nanna.
Jekk il-konjuġi jew is-sħab reġistrati kienu jgħixu taħt ir-“reġim tal-komunjoni tal-akkwisti” (li huwa r-reġim li japplika awtomatikament sakemm il-miżżewġin ma jaqblux fuq reġim tal-proprjetà differenti bħala parti minn ftehim qabel jew wara ż-żwieġ), is-sehem imsemmi qabel jiżdied bi ¼. L-istess japplika għas-sħab reġistrati.
Jekk ma jkun hemm l-ebda qarib tal-ewwel jew tat-tieni grad u lanqas ma jkun hemm nanniet, il-konjuġi/is-sieħeb reġistrat superstitu jirċievi l-wirt kollu.
Pereżempju: It-testatur iħalli warajh lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjoni tal-akkwisti) u lill-ġenituri tiegħu. Il-mara tirċievi ¾ (½ + ¼) u l-ġenituri – bħala werrieta tat-tieni grad – jirċievu ⅛ kull wieħed mill-patrimonju. Barra minn hekk, meta l-werrieta l-oħrajn ikunu qraba tat-tieni grad, bħal f’dan il-każ, jew nanniet, il-mara tkun intitolata għal dak li bil-Ġermaniż jgħidulu “Großer Voraus”, li huwa dritt preferenzjali li fil-parti l-kbira tal-każijiet ikopri l-oġġetti kollha tad-dar u r-rigali tat-tieġ (meta l-werrieta l-oħra jkunu qraba tal-ewwel grad, il-konjuġi superstiti li jiret bħala werriet legali jkun intitolat għal dawn l-oġġetti biss sakemm ikollu bżonnhom biex jieħu ħsieb l-unità domestika b’mod xieraq).
Id-dritt legali tal-Istat għall-wirt:
Jekk ma jkun hemm l-ebda konjuġi jew sieħeb reġistrat u ma jkun jista’ jiġi identifikat l-ebda qarib tat-testatur, l-Istat isir il-werriet legali. Ir-responsabilità tiegħu tkun dejjem limitata għad-daqs tal-patrimonju.
Aktar informazzjoni, inkluż dwar id-dispożizzjoni causa mortis, id-dritt għal sehem riżervat u suċċessjoni ġuridika, tista’ tinstab fil-ktejjeb Erben und Vererben (“Wirt u laxxitu”) ippubblikat mill-Ministeru Federali għall-Ġustizzja, li jista’ jiġi aċċessat online – bil-Ġermaniż biss – minn https://www.bmjv.de/SharedDocs/Publikationen/DE/Broschueren/Erben_Vererben.pdf?__blob=publicationFile&v=14
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Fil-prinċipju, hija l-qorti tas-suċċessjoni tal-qorti lokali fil-post tal-aħħar residenza abitwali tat-testatur fil-Ġermanja li tkun kompetenti li tittratta materji ta’ wirt.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Wirt jiġi rinunzjat billi ssir dikjarazzjoni lill-qorti tas-suċċessjoni; id-dikjarazzjoni trid issir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew tiġi ppreżentata wara ċertifikazzjoni minn nutar (għal aktar dettalji, ara l-punt 8 iktar ’l isfel).
Dikjarazzjoni għall-aċċettazzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi ppreżentata f’xi forma partikolari u ma hemmx bżonn ta’ konferma tal-irċevuta. Li jkun sempliċiment inqabeż iż-żmien għar-rinunzja huwa biżżejjed biex jikkostitwixxi aċċettazzjoni.
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Il-legat jew laxxitu jiġi aċċettat jew irrinunzjat bil-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni lill-persuna inkarigata mil-legat/laxxitu. Dan jista’ jkun il-werriet jew legatarju, jiġifieri għal sublegat (Untervermächtnis).
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Il-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża ma tipprevedi l-ebda dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew rinunzja ta’ sehem riżervat.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Il-ftuħ tat-testment:
Dispożizzjoni causa mortis ippreżentata lill-qorti tas-suċċessjoni jew meħuda minn kustodja uffiċjali tinfetaħ uffiċjalment mill-qorti tas-suċċessjoni wara l-mewt tat-testatur. Il-werrieta jiġu nnotifikati uffiċjalment b’dan.
Proċedimenti għall-ħruġ ta’ ċertifikat tas-suċċessjoni:
Iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jinħareġ mill-qorti tas-suċċessjoni u jispeċifika min hu l-werriet, kemm għandu dritt mill-wirt u, meta applikabbli, jista’ jistipula wkoll suċċessjoni sussegwenti jew l-eżekuzzjoni tat-testment. Skont il-liġi Ġermaniża tas-suċċessjoni, il-werriet jew il-werrieta jsiru immedjatament is-suċċessur legali tat-testatur, fil-prinċipju bid-drittijiet u l-obbligi kollha (il-prinċipju tas-suċċessjoni universali jew it-trasferiment universali tal-assi [Gesamtrechtsnachfolge]). Iċ-ċertifikat tal-wirt jista’ jelenka biss il-wirt, is-sehem tal-benefiċjarju u kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dispożizzjoni skont il-liġi dwar is-suċċessjoni; ma jistax jelenka assi individwali. L-elenkar ta’ assi individwali mhuwiex neċessarju għaliex, jekk ikun hemm aktar minn wieħed, il-werrieta awtomatikament jitqiesu bħala sidien konġunti, bid-drittijiet u l-obbligi kollha tat-testatur. Il-qorti tas-suċċessjoni toħroġ ċertifikat tas-suċċessjoni fuq talba. L-applikant irid juri li d-dettalji mitluba mil-liġi huma kollha preċiżi nkella jrid jipprovdi dikjarazzjoni statutorja li turi li ma hemm l-ebda bażi biex tiġi kkontestata l-akkuratezza tad-dettalji. L-applikant jista’ jagħmel dikjarazzjoni statutorja billi jidher quddiem nutar jew qorti, sakemm il-liġi tal-istat federali kkonċernat ma tkunx tistipula li n-nutara biss huma kompetenti jittrattaw din il-materja.
Il-Ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (Nachlasszeugnis):
Id-Dritt amministrattiv internazzjonali dwar is-suċċessjoni (Internationale Erbrechtsverfahrensgesetz) jistabbilixxi l-proċeduri għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa ċertifikat ta’ wirt li huwa validu fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u d-Danimarka). Dan jinħareġ ukoll fuq talba tal-qorti tas-suċċessjoni fil-forma ta’ kopja notarizzata b’perjodu ta’ validità ristrett. L-għan ewlieni taċ-ċertifikat huwa li jissimplifika s-saldu tal-patrimonji fl-UE. Skont il-prinċipju tas-suċċessjoni universali, bid-drittijiet u l-obbligi kollha tat-testatur, l-ebda assi individwali ma jiġu elenkati fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni skont il-liġi Ġermaniża (għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima dwar iċ-ċertifikat tal-wirt hawn fuq). Jekk, fil-ħin tal-mewt, it-testatur kellu dritt fuq proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor, skont il-liġi Ġermaniża, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jirreġistra li d-drittijiet u l-obbligi kollha relatati ma’ din il-proprjetà immobbli jiġu ttrasferiti immedjatament u mingħajr eċċezzjoni lill-werriet(a) legali. Mhuwiex neċessarju, jew saħansitra possibbli, li jiġu elenkati d-dettalji tal-proprjetà immobbli fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni meta jiġu ttrasferiti tali assi.
It-tqassim tal-assi:
Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, il-patrimonju jsir il-koproprjetà tal-komunità tal-werrieta. Minħabba f’hekk, il-kowerrieta jkunu jistgħu jiddisponu minn oġġetti individwali tal-patrimonju billi jaġixxu flimkien, pereżempju għall-fini tal-bejgħ tal-karozza tat-testatur jekk ma jkollhomx aktar bżonnha. Huma jridu wkoll jamministraw il-wirt flimkien. Dan spiss joħloq diffikultajiet, partikolarment jekk il-werrieta jkunu joqogħdu ’l bogħod minn xulxin u ma jkunux jistgħu jaqblu. Din il-“komunità furzata” (Zwangsgemeinschaft) spiss tkun inkonvenjenti ħafna u, fil-prinċipju, kull werriet jista’ jitlob li l-komunità tiġi xolta billi jitlob il-qsim tal-patrimonju. L-iktar eċċezzjoni importanti f’dan ir-rigward tkun meta t-testatur ikun stipula fit-testment tiegħu li l-patrimonju m’għandux jinqasam għal perjodu ta’ żmien stabbilit eż. biex in-negozju tal-familja jkun jista’ jkompli jopera.
Jekk it-testatur ikun ħatar eżekutur, dan ikun responsabbli mill-qsim tal-patrimonju. Jekk le, id-diviżjoni tal-patrimonju jaqa’ f’idejn il-werrieta. Għal dan il-għan, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ nutar. Jekk il-werrieta ma jirnexxilhomx jaqblu minkejja li jkunu ħatru nutar biex jagħmilha ta’ intermedjarju, l-unika għażla tagħhom tkun li jiftħu kawża.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Għad-dettalji dwar is-suċċessjoni legali, ara t-Taqsima 4 hawn fuq.
Jekk il-mejjet ikun ħalla testment, dan jieħu prijorità fuq ir-regoli tas-suċċessjoni legali. Għaldaqstant, huma biss dawk il-persuni li jkunu msemmija fit-testment li jirtu mill-patrimonju jekk it-testatur jagħti struzzjonijiet dwar il-patrimonju kollu fit-testment tiegħu. Għal dettalji dwar il-benefiċjarji ta’ sehem riżervat ara t-Taqsima 3 hawn fuq.
Mal-mewt tat-testatur, il-wirt jgħaddi legalment għand il-werriet jew werrieta minħabba l-prinċipju tal-akkwist awtomatiku tal-wirt (Grundsatz des Vonselbsterwerbs der Erbschaft). Madankollu, il-werrieta huma intitolati li jirrinunzjaw il-wirt tagħhom (ara t-Taqsima 8 hawn taħt).
It-testatur jista’ wkoll iħalli legat jew laxxitu fit-testment tiegħu, eż. billi jalloka oġġetti individwali jew somom ta’ flus speċifiċi lil persuni partikolari. F’każijiet bħal dawn, ir-riċevituri tal-legat/laxxitu (“il-legatarji”) mhumiex klassifikati bħala werrieta iżda għandhom pretensjoni kontra l-konvenut(i) għal dak li jkun tħalla lilhom b’mod speċifiku fit-testment (ara t-Taqsima 5.3 hawn fuq).
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Rinunzja tal-wirt:
Il-werrieta mhumiex responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-patrimonju (Nachlassverbindlichkeiten) jekk jirrinunzjaw il-wirt sad-data stipulata. Bħala prinċipju ġenerali, il-werriet rispettiv irid jirrinunzja l-wirt tiegħu, li jinvolvi dikjarazzjoni uffiċjali lill-qorti tas-suċċessjoni, fi żmien 6 ġimgħat minn meta jkun ġie nnotifikat bil-ftuħ tat-testment u bil-bażi għall-istatus tiegħu bħala werriet. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew tiġi ppreżentata wara li tkun ġiet iċċertifikata minn nutar. Fil-każ ta’ ċertifikazzjoni, ikun biżżejjed li tintbagħat ittra, għalkemm il-firma tal-werriet trid tkun iċċertifikata bħala awtentika min-nutar. L-att ta’ rinunzja jew aċċettazzjoni tal-wirt normalment ikun vinkolanti.
Obbligazzjoni jekk il-wirt jiġi aċċettat:
Jekk il-werrieta jaċċettaw il-wirt tagħhom, huma essenzjalment jieħdu post it-testatur mill-perspettiva legali. Dan ifisser li jirtu wkoll id-djun tal-persuna u, fil-prinċipju, ikollhom jużaw l-assi tagħhom stess biex jagħmlu tajjeb għalihom.
Madankollu, il-werrieta jistgħu jillimitaw l-obbligazzjoni tagħhom għad-dejn li jirtu għal dak li jissejjaħ il-“wirt legali” (Erbmasse). Dan ifisser li l-kredituri kollha li l-persuna deċeduta kellha d-dejn magħhom ikunu jistgħu jirkupraw it-telf tagħhom mill-wirt legali imma l-assi tal-werrieta jibqgħu protetti minn partijiet terzi. Il-werrieta jistgħu jiksbu din il-limitazzjoni fuq l-obbligazzjoni f’wieħed minn żewġ modi: jistgħu jew jippreżentaw rikors lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu l-amministrazzjoni tal-patrimonju f’isem il-kredituri, jew jitolbu proċedimenti ta’ insolvenza tal-patrimonju billi jippreżentaw rikors lill-qorti lokali li tkun kompetenti li taġixxi bħala qorti tal-insolvenza.
Jekk il-patrimonju lanqas ma jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-patrimonju f’isem il-kredituri jew biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza tal-patrimonju, il-werrieta xorta jistgħu jiksbu limitazzjoni tal-obbligazzjoni. Jekk kreditur jasserixxi pretensjonijiet, il-werrieta jistgħu jirrikorru għall-eċċezzjoni ta’ assi tal-patrimonju insuffiċjenti. Imbagħad, il-werrieta jistgħu jirrifjutaw li jissaldaw l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju ġaladarba l-ammont tal-patrimonju ma jkunx biżżejjed biex ikoprihom. Madankollu, il-werrieta jkunu meħtieġa jagħtu dak li jkun hemm fil-patrimonju lill-kredituri.
Jekk il-werrieta jkunu jixtiequ biss li ma jkunux ikkonfrontati b’dejn li ma kinux qed jantiċipaw, kulma jkunu jridu jagħmlu huwa li jibdew proċedura ta’ avviż pubbliku (Aufgebotsverfahren), fejn il-werrieta jkunu jistgħu jippreżentaw rikors lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu li l-kredituri kollha tat-testatur jinnotifikaw lill-qorti – sa data partikolari – bid-dejn dovut lilhom mit-testatur. Jekk kreditur jonqos milli jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-ħin, ikollu jikkuntenta ruħu b’dak li jibqa’ mill-wirt fl-aħħar. Il-proċedura tal-avviż pubbliku tista’ tiċċara wkoll is-sitwazzjoni għall-werrieta billi tiżvela jkunx hemm bażi biex iqiegħdu l-patrimonju taħt amministrazzjoni uffiċjali permezz ta’ rikors għall-amministrazzjoni tal-patrimonju jew għall-insolvenza tal-patrimonju.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Skont il-prinċipju tal-akkwist awtomatiku (Vonselbsterwerbs, ara l-punt 7), il-werriet tas-sid ta’ biċċa art jikseb is-sjieda ta’ dik l-art malli jmut it-testatur. Dan ifisser li r-reġistru tal-artijiet (Grundbuch) jsir żbaljat, peress li t-testatur ikun għadu jidher bħala s-sid. Biex ir-reġistru tal-artijiet jiġi rrettifikat irid jiġi ppreżentat rikors flimkien ma’ provi li juru l-iżball biex il-werriet ta’ sid ta’ proprjetà jkun jista’ jiddaħħal ukoll b’mod formali fir-reġistru tal-artijiet bħala s-sid. Biex jitlob rettifika tar-reġistru tal-artijiet wara l-mewt tas-sid irreġistrat, ir-rikorrent irid għalhekk jissottometti prova tal-istatus tiegħu ta’ werriet lill-uffiċċju tar-reġistru tal-artijiet (Grundbuchamt).
Fil-proċess regolat b’mod strett tar-reġistru tal-art, din il-prova tista’ tiġi pprovduta biss billi jiġi ppreżentat ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li fih ir-rikorrent jiġi identifikat bħala l-werriet.
Jekk is-suċċessjoni tkun ibbażata fuq dispożizzjoni causa mortis stabbilita f’dokument pubbliku (testment notarili jew kuntratt ta’ wirt), ikun biżżejjed li r-reġistru tal-artijiet jingħata d-dispożizzjoni u r-rekord uffiċjali tal-ftuħ tat-testment. F’dan il-każ, ma jkun meħtieġ l-ebda ċertifikat ta’ suċċessjoni jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Jekk biċċa art tkun is-suġġett ta’ legat jew laxxitu, ma jkun hemm l-ebda akkwist awtomatiku tas-sjieda skont il-liġi Ġermaniża dwar il-wirt. Għalhekk, legat jew laxxitu skont il-liġi Ġermaniża lanqas ma jiġi rreġistrat f’ċertifikat ta’ wirt jew Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni. Madankollu, il-legatarju jista’ jitlob li l-werriet jittrasferixxi s-sjieda tal-art lilu. Irid jiġi ppreżentat att notarili għall-akkwist tas-sjieda, li juri t-trasferiment tas-sjieda tal-art inkwistjoni mill-werriet lil-legatarju. Jekk tapplika liġi barranija dwar il-wirt, pereżempju minħabba li t-testatur kellu l-aħħar post tar-residenza abitwali tiegħu barra mill-pajjiż u ma jkunx għażel il-liġi applikabbli, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-wirt jew ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tista’, b’eċċezzjoni, tkun biżżejjed anke jekk l-allokazzjoni tkun saret biss permezz ta’ legat jew laxxitu. Jistgħu jkunu meħtieġa dokumenti oħrajn ukoll skont in-natura tal-każ ikkonċernat. Pereżempju, biex kumpanija kummerċjali (Handelsgesellschaft) tiġi rreġistrata bħala werrieta, trid tingħata prova tas-setgħa ta’ rappreżentanza (eż. silta uffiċjali mir-reġistru kummerċjali).
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
Skont il-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, l-amministrazzjoni tal-patrimonju f’isem il-kredituri tista’ tintuża biex jiġi evitat li d-dejn jitħallas mill-assi tal-werrieta. Il-qorti tas-suċċessjoni tista’ tordna biss li l-patrimonju jiġi amministrat fuq talba ta’ persuna awtorizzata (werriet, eżekutur, kreditur tal-patrimonju, xerrej tal-patrimonju totali jew werriet sussegwenti). Jekk kreditur tal-patrimonju jitlob l-amministrazzjoni tal-patrimonju, tali amministrazzjoni tiġi ordnata mill-qorti biss jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li jkun hemm riskju li l-kredituri ma jitħallsux mill-patrimonju minħabba l-imġieba jew iċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-werriet.
L-amministratur ikun korp maħtur uffiċjalment. Għalkemm ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-assi totali ta’ ħaddieħor, xorta jkollu l-istatus ta’ parti awtonoma f’każ ta’ tilwima legali. Dan iwettaq id-dmirijiet uffiċjali tiegħu f’kapaċità privata meta jamministra l-assi ta’ ħaddieħor bil-ħsieb li jissodisfa l-interessi tal-partijiet kollha involuti (werrieta u kredituri). Il-proċess ta’ amministrazzjoni tal-patrimonju li l-amministratur huwa intitolat – u tabilħaqq – meħtieġ li jwettaq iservi mhux biss biex iżomm u jżid il-patrimonju, iżda primarjament biex jissodisfa l-kredituri tal-patrimonju. Id-dmir ewlieni tal-amministratur huwa li jiżgura li l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jiġu mħallsa.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
Minbarra l-werrieta nfushom, l-amministratur (tal-insolvenza) (ara t-Taqsima 8 aktar ’il fuq) u l-eżekutur (ara t-Taqsima 9.3 hawn taħt), is-setgħat rilevanti jistgħu jingħataw ukoll lil kuratur tal-patrimonju.
Il-qorti tas-suċċessjoni tordna uffiċjalment il-kurazija (Nachlasspflegschaft) tal-patrimonju jekk ikun hemm bżonn attwali għal dan meta l-identità tal-werriet responsabbli tkun inċerta jew jekk ma jkunx magħruf jekk dan ikunx aċċetta l-wirt jew le. Il-kurazija tal-patrimonju għandha l-għan li tħares u żżomm il-patrimonju fl-interess ta’ werrieta mhux magħrufa.
Il-qorti tas-suċċessjoni tistabbilixxi l-ambitu tar-responsabbiltajiet tal-kuratur skont xi jkun meħtieġ f’kull każ individwali. Dan l-ambitu jista’ jkun pjuttost wiesa’ jew jista’ sempliċiment jiffoka fuq l-amministrazzjoni ta’ oġġetti individwali tal-patrimonju. Il-kuratur tal-patrimonju normalment jingħata r-responsabbiltà li jidentifika l-werrieta mhux magħrufa u li jħares u jżomm il-patrimonju.
Fil-prinċipju, il-kurazija ta’ patrimonju ma jkollhiex l-għan li tissodisfa lill-kredituri tal-patrimonju minħabba li tiġi stabbilita primarjament biex tħares lill-werrieta. B’eċċezzjoni, id-dmirijiet tal-kuratur jistgħu jinkludu wkoll l-użu tar-riżorsi tal-patrimonju biex jitħallsu l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju, jekk dan ikun meħtieġ għall-amministrazzjoni u ż-żamma xierqa tiegħu, jew biex jiġi evitat li jkun hemm telf jew ħsara, b’mod partikolari kwalunkwe kost li jista’ jinqala’ minħabba tilwimiet legali bla bżonn.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
Testatur jista’ jiddeżinja l-persuna jew il-persuni li jkunu se jaġixxu bħala eżekutur(i) fid-dispożizzjoni causa mortis tiegħu. Huwa jista’ jawtorizza wkoll lil parti terza, lill-eżekutur jew lill-qorti tas-suċċessjoni biex jiddeżinjaw il-persuna jew il-persuni li jkunu se jaġixxu bħala eżekutur(i). L-obbligi tal-eżekutur jibdew malli l-persuna maħtura taċċetta l-ħatra tagħha għal dak ir-rwol.
Skont il-liġi, huwa d-dmir tal-eżekutur li jeżegwixxi d-dispożizzjonijiet testamentarji tat-testatur. Jekk ikun hemm aktar minn werriet wieħed, l-eżekutur ikun responsabbli għat-tqassim tal-patrimonju bejniethom.
L-eżekutur huwa meħtieġ li jamministra l-patrimonju. B’mod partikolari, huwa intitolat jieħu l-pussess tal-patrimonju u jiddisponi mill-oġġetti tal-patrimonju. F’dan il-każ, il-werrieta ma jkollhom l-ebda setgħa biex jiddisponu minn kwalunkwe oġġett tal-patrimonju li jkun suġġett għall-amministrazzjoni mill-eżekutur. L-eżekutur huwa intitolat ukoll li jidħol f’obbligazzjonijiet f’isem il-patrimonju sakemm dan ikun meħtieġ għall-amministrazzjoni xierqa tiegħu. L-eżekutur huwa intitolat biss li jiddisponi minn oġġetti bla ħlas jekk ikun hemm obbligu morali li jagħmel dan jew b’rispett għad-diċenza komuni.
Madankollu, it-testatur jista’ jirrestrinġi s-setgħat tal-eżekutur kif jidhirlu hu, meta mqabbel ma’ dak li jkun stabbilit did-dispożizzjonijiet legali. It-testatur għandu wkoll l-awtorità li jiddefinixxi l-perjodu għall-eżekuzzjoni tat-testment. Huwa jista’, pereżempju, jippermetti biss lill-eżekutur jamministra l-patrimonju u jqassmu fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, it-testatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jipprovdi struzzjonijiet fit-testment jew kuntratt ta’ wirt tiegħu biex il-patrimonju jiġi eżegwit fuq terminu twil (Dauervollstreckung). Fil-prinċipju, l-eżekuzzjoni fuq terminu twil tista’ tiġi ordnata sa massimu ta’ 30 sena, li jibdew jiddekorru mid-data effettiva tal-wirt. Madankollu, it-testatur jista’ jagħti struzzjonijiet biex l-amministrazzjoni tkompli sal-mewt tal-werriet jew l-eżekutur, jew sakemm iseħħ avveniment speċifiku li jaffettwa lil wieħed minnhom. F’każijiet bħal dawn, l-eżekuzzjoni tar-testment tista’ fir-realtà tieħu aktar minn 30 sena.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ġeneralment ikun meħtieġ bħala prova li l-werriet ikollu dritt għall-wirt, eż. jekk werriet ikun jixtieq ikollu biċċa art jew kont miżmum f’isem it-testatur trasferit għal fuq ismu. Iċ-ċertifikat tal-wirt jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jwasslu għall-preżunzjoni li l-werriet(a) huma kif elenkati u li huma marbuta bir-restrizzjonijiet stabbiliti fiċ-ċertifikat tal-wirt jew fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Fin-negozjati legali, jitqies b’bona fide li d-dettalji elenkati fuq iċ-ċertifikat tal-wirt jew fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huma korretti. Jekk issir tranżazzjoni legali in bona fide ma’ persuna elenkata f’ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ma jkun hemm l-ebda konsegwenza legali jekk id-dettalji fuq iċ-ċertifikat tal-wirt jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni aktar tard jirriżultaw li mhumiex korretti. F’każijiet bħal dawn, jekk ikun jeżisti testment pubbliku (ara iktar ’il fuq), jaf ma jkunx hemm bżonn li jiġi ppreżentat ċertifikat tas-suċċessjoni jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Din il-paġna web hija parti minn “Your Europe”.
Agħtina l-opinjoni tiegħek dwar kemm sibt din l-informazzjoni utli.