L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Meta jinkiteb trasferiment causa mortis (disposition à cause de mort), ir-regoli li għandhom jiġu osservati jinkludu dawn li ġejjin:
Qabel xejn, it-testatur (testateur or de cujus) jeħtieġlu jkun moħħu f’loku. Il-persuni li jiġu ddikjarati li ma għandhomx kapaċità legali ma jistgħux jagħmlu testment (testament). Fil-każ ta’ minuri japplikaw regoli speċifiċi. Dawn huma prinċipalment imfassla biex jipproteġu l-assi tal-persuni kkonċernati.
Xi trasferimenti causa mortis, bħal testmenti unica charta (testaments conjonctifs), huma pprojbiti. Dan japplika wkoll għal ftehimiet dwar is-suċċessjoni (pactes successoraux).
L-Artikolu 969 tal-Kodiċi Ċivili (Code Civil) jelenka l-forom ta’ testmenti li ġejjin previsti mil-liġi tal-Lussemburgu dwar is-suċċessjoni:
- testment olografiku (testament olographe);
- testment pubbliku (testament par acte public or testament authentique);
- testment issiġillat (testament mystique).
Il-proċeduri u l-arranġamenti jvarjaw skont it-tip ta’ testment li jintgħażel.
Testmenti olografiċi
Testment olografiku huwa testment li jinkiteb, jiġi datat u ffirmat kompletament mit-testatur personalment.
It-testmenti olografiċi għandhom il-vantaġġ li huma sempliċi. L-iżvantaġġ tagħhom huwa li jistgħu jinkitbu mit-testatur mingħajr ma ħadd jiġi infurmat li jeżisti t-testment. B’riżultat ta’ dan, it-testment jista’ ma jinstabx wara l-mewt tat-testatur.
Hemm ukoll riskju li jiġi ffalsifikat jew jinqered. Barra minn hekk, testment olografiku jista’ ma jkunx validu jekk ma jkunx jista’ jinqara, ikun ambigwu jew mhux sħiħ. F’dak ir-rigward għandu jiġi nnutat li anke data żbaljata fuq testment olografiku tista’ tagħmlu null u bla effett. Jista’ wkoll jiġi invalidat minħabba difett sostantiv (vice de fond).
Għalhekk huwa fl-aħjar interess tat-testatur li jgħarraf li jeżisti t-testment u l-post fejn ikun miżmum u biex jiżgura li t-testment ikun validu.
It-testatur jista’ jiżgura li l-eżistenza tat-testment olografiku tkun magħrufa billi jgħid lil persuna li jafda, jew bil-ħlas ta' tariffa, l-informazzjoni prinċipali fuq it-testment (bħall-isem u l-indirizz tat-testatur u l-post fejn ġie ppreżentat it-testment) tista’ tiddaħħal fir-reġistru ċentrali tat-testmenti (registre central des dispositions de dernières volontés). Ir-reġistru huwa bażi tad-data miżmuma mid-Dipartiment tar-Reġistru tal-Artijiet u tal-Patrimonji (Administration de l’Enregistrement et des Domaines) (ara wkoll hawn taħt).
Fir-rigward tal-validità tat-testment, irid jinkiteb kompletament bil-kitba tat-testatur stess u jrid jiġi datat u ffirmat mit-testatur. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa rakkomandat li jintuża espert fil-liġi tas-suċċessjoni, bħal nutar (notaire) sabiex jiżgura li t-trasferiment causa mortis jibqa’ validu mal-mewt.
Testmenti pubbliċi
Testment pubbliku jiġi riċevut minn żewġ nutara jew nutar wieħed assistit minn żewġ xhieda.
Dan għandu vantaġġi konsiderevoli meta mqabbel ma’ testment olografiku.
L-ewwel nett, in-nutar li jikteb id-dokument jagħti pariri legali lit-testatur. Dan jiżgura li ma jkun hemm l-ebda difett formali jew sostantiv fl-aħħar testment tat-testatur u li t-testment huwa validu.
It-tieni, peress li testment pubbliku jiġi ppreżentat lil nutar, jibqa’ ssiġillat sal-mewt tat-testatur u l-aħħar xewqat tiegħu jsiru magħrufa wara l-mewt tiegħu. F’dak ir-rigward għandu jiġi nnutat ukoll li hija r-responsabbiltà tan-nutar li jikteb it-testment li jdaħħal id-dettalji ewlenin tat-testment li jkun kiteb fir-reġistru tat-testmenti (registre des dispositions de dernières volontés).
Testmenti ssiġillati
Testment issiġillat, jew testment sigriet (testament secret), huwa dokument miktub mit-testatur jew persuna oħra u ppreżentat magħluq u ssiġillat lil nutar mit-testatur, fil-preżenza ta’ żewġ xhieda jew nutar ieħor. In-nutar li jirċievi t-testment issiġillat jikteb konferma fil-forma ta’ att pubbliku jew skrittura privata (acte de suscription en minute ou en brevet).
In-nutar iżomm it-testment issiġillat, u b’hekk jipprevjeni kwalunkwe riskju ta’ sostituzzjoni jew falsifikazzjoni.
B’testment issiġillat, bħal testment pubbliku, huwa possibbli li l-arranġamenti li jkunu saru mit-testatur jinżammu ssiġillati matul ħajtu kollha. Barra minn hekk, peress li t-testment jiġi ppreżentat lil nutar, dan jinstab wara l-mewt tat-testatur.
Il-fatt li n-nutar jikteb konferma meta jirċievi t-testment issiġillat ma jfissirx li t-testment ippreżentat huwa validu. Fil-fatt, anke jekk it-testment issiġillat ikun inkiteb u ġie ppreżentat f’konformità mar-regoli proċedurali rilevanti, xorta’ jista’ jkun invalidu minħabba difett sostantiv. In-nutar li jikteb it-testment ma jkunx jista’ jiżgura li t-trasferimenti causa mortis huma validi, peress li t-testment jiġi ppreżentat lilu magħluq u ssiġillat.
Il-forma ta’ testment issiġillat rarament tintuża fil-Lussemburgu.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
Fil-Lussemburgu, id-dettalji ewlenin ta’ xi testmenti jridu jew jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tat-testmenti (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti). Ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja għal testmenti miktubin minn nutar u għal testmenti ssiġillati u olografiċi ppreżentati lil nutar. Din tapplika wkoll jekk tali testmenti jiġu kkanċellati, irrevokati jew emendati b’xi mod ieħor. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-testmenti hija fakultattiva għal testmenti olografiċi li jinżammu minn individwi.
It-testment innifsu u l-kontenut tiegħu ma jinżammux fir-reġistru. Ir-reġistrazzjoni turi biss l-isem u l-kunjom tat-testatur u l-isem tal-konjuġi jekk applikabbli, id-data u l-post tat-twelid tat-testatur, in-numru tal-identità, l-okkupazzjoni, l-indirizz jew il-post ta’ residenza, it-tip u d-data tad-dokument li jrid jiġi rreġistrat, l-isem u l-indirizz tan-nutar li fformula d-dokument jew quddiem min tressaq jew, fil-każ ta’ testmenti olografiċi, jekk ikun meħtieġ, l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe persuna jew istituzzjoni oħra fdata bit-testment jew il-post fejn jinżamm.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Skont il-liġi tas-suċċessjoni tal-Lussemburgu, hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-proprjetà tiegħu mal-mewt.
B’mod aktar speċifiku, is-sehem riżervat (réserve héréditaire) jipprevjeni lil persuna milli jiddiżereda lil ċerti werrieta legali (héritiers légaux) permezz ta’ donazzjoni (donation) jew trasferiment causa mortis.
Fil-liġi tal-Lussemburgu, id-dixxendenti tal-persuna deċeduta (l-ulied, jew it-tfal tal-ulied jekk l-ulied ikunu diġà mietu qabel il-persuna deċeduta fil-ħin tal-mewt) biss huma intitolati għas-sehem riżervat (part réservataire).
Is-sehem riżervat huwa nofs l-assi legali tal-patrimonju (masse successorale légale) jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha wild wieħed, żewġ terzi jekk tħalli warajha żewġ ulied u tliet kwarti jekk tħalli warajha tlett ulied jew aktar.
Is-sehem riżervat jista’ jiġi rinunzjat. Ir-rinunzja (renonciation) trid issir espliċitament fil-forma ta’ dikjarazzjoni fir-reġistru tal-qorti (greffe du tribunal) fil-post fejn tinfetaħ is-suċċessjoni u tiddaħħal f’reġistru speċjali li jinżamm għal dak l-iskop.
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Jekk ma jkunx hemm testment, is-suċċessjoni tiġi rregolata mir-regoli applikabbli tal-liġi.
L-ordni tas-suċċessjoni normalment tkun kif ġej:
- id-dixxendenti (l-ulied, it-tfal tal-ulied);
- il-konjuġi superstitu;
- il-missier u l-omm, flimkien mal-aħwa tal-persuna deċeduta u d-dixxendenti ta’ dan tal-aħħar;
- l-axxendenti għajr il-missier u l-omm (in-nanniet, il-bużnanniet, eċċ.);
- il-qraba kollaterali għajr l-aħwa (iz-zijiet, in-neputijiet, eċċ.);
- l-Istat.
Jistgħu jirriżultaw diversi sitwazzjonijiet minn din il-ġerarkija ta’ werrieta:
Sitwazzjoni 1: il-persuna deċeduta jkollha konjuġi superstitu u wlied (jew tfal tal-ulied)
Skont il-liġi, il-konjuġi superstitu huwa konjuġi mhux iddivorzjat li fil-konfront tiegħu ma hemm l-ebda digriet ta’ separazzjoni finali (jugement de séparation de corps passé en force de chose jugée).
Il-patrimonju jinqasam indaqs bejn ulied il-persuna deċeduta fi proporzjon skont in-numru tagħhom, soġġett għad-drittijiet tal-konjuġi superstitu.
Pereżempju:
Jekk il-persuna deċeduta ħalliet warajha wild wieħed, huwa dak il-wild li jiret il-patrimonju kollu, soġġett għad-drittijiet tal-konjuġi superstitu.
Jekk il-persuna deċeduta ħalliet warajha żewġ ulied, dawk it-tnejn jaqsmu l-patrimonju tal-persuna deċeduta, għal darba oħra soġġett għad-drittijiet tal-konjuġi superstitu.
F’dik is-sitwazzjoni, il-konjuġi superstitu għandu għażla bejn:
- l-użufrutt (usufruit) (id-dritt li jgawdi l-użu u l-benefiċċji) tal-fond okkupat konġuntament mill-konjuġi u l-għamara li tinsab fih, bil-kundizzjoni li l-persuna deċeduta kellha l-proprjetà sħiħa tal-fond jew koprorpjetà mas-superstitu, jew
- l-iżgħar sehem leġittimu tal-wild, dment li ma jkunx inqas minn kwart tal-patrimonju.
Il-konjuġi superstitu jingħata 3 xhur u 40 jum mill-mewt biex jeżerċita l-għażla permezz ta’ dikjarazzjoni fir-reġistru tal-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) fil-ġuriżdizzjoni li fiha tinfetaħ is-suċċessjoni. Jekk fil-perjodu speċifikat ma ssir l-ebda għażla, il-konjuġi superstitu jitqies li għażel l-użufrutt.
Jekk il-konjuġi superstitu jagħżel is-sehem ta' wild, l-ishma tal-ulied jitnaqqsu b’mod proporzjonali, sal-grad meħtieġ biex jiġi kkostitwit is-sehem tal-konjuġi superstitu.
X’jiġri jekk wieħed mill-ulied tal-persuna deċeduta jkun miet qablu iżda jkun ħalla tfal warajh?
F’dak il-każ, tapplika r-rappreżentazzjoni (représentation). It-tifel/tifla jew tfal tal-wild li jkun miet qabel (jiġifieri t-tfal ta' wlied il-persuna deċeduta) imbagħad jaqsmu s-sehem riżervat ta' missierhom jew ommhom bejniethom.
Fi kliem ieħor, flimkien jirċievu s-sehem li kien imiss lil dik il-persuna li kieku ma mititx qabel il-persuna deċeduta.
X’jiġri jekk il-konjuġi superstitu jerġa’ jiżżewweġ wara li jagħżel l-użufrutt tad-dar konġunta?
F’dak il-każ, l-ulied, jew it-tfal tal-ulied meta wieħed mill-ulied ikun miet qabel il-persuna deċeduta, jistgħu jilħqu ftehim konġunt biex l-użufrutt jinqeleb f’kapital.
Il-kapital irid ikun daqs il-valur tal-użufrutt, li fost affarijiet oħra jiddependi mill-età tal-benefiċjarju tal-użufrutt.
Ir-rikors għall-konverżjoni jrid isir fil-qorti fi żmien 6 xhur miż-żwieġ mill-ġdid tal-konjuġi superstitu u jrid isir mill-ulied kollha, jew mit-tfal tal-ulied meta wieħed mill-ulied ikun miet qabel il-persuna deċeduta.
Jekk mhux l-ulied kollha jkunu qablu li jressqu rikors għall-konverżjoni f’kapital (conversion en capital), id-deċiżjoni tittieħed fid-diskrezzjoni tal-qorti.
Sitwazzjoni 2: il-persuna deċeduta jkollha konjuġi superstitu iżda l-ebda wild
Jekk il-persuna deċeduta ma talli warajha l-ebda wild jew dixxendenti tal-ulied, il-konjuġi superstitu jieħu preċedenza fuq il-qraba l-oħra kollha tal-konjuġi deċedut tagħhom u għaldaqstant jirċievi l-patrimonju kollu tal-persuna deċeduta, irrispettivament minn jekk il-konjuġi superstitu jerġax jiżżewweġ sussegwentement.
Madankollu, il-konjuġi superstiti ma humiex werrieta ta’ sehem riżervat (héritiers réservataires). Għalhekk, għall-kuntrarju tal-ulied tal-persuna deċeduta, ma humiex persuni intitolati għal sehem riżervat. Fi kliem ieħor, jekk il-persuna deċeduta ma jkollha l-ebda wild, il-konjuġi superstitu jista’ teoretikament jiġi eskluż mill-patrimonju tal-konjuġi jew b’donazzjoni jew inkella b’testment.
Sitwazzjoni 3: il-persuna deċeduta ma jkollha l-ebda wild jew konjuġi iżda tħalli warajha aħwa (jew neputijiet)
F’dik is-sitwazzjoni, trid issir distinzjoni skont jekk il-ġenituri tal-persuna deċeduta għadhomx ħajjin jew le.
Jekk il-ġenituri jkunu għadhom ħajjin, il-missier u l-omm jirċievu kwart tal-patrimonju kull wieħed, jiġifieri, b’kollox nofs.
In-nofs l-ieħor jinqasam bejn l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom.
Jekk il-missier jew l-omm biss jibqgħu ħajjin wara l-persuna deċeduta, huma jirċievu kwart tal-patrimonju, filwaqt li l-aħwa jew id-dixxendenti tagħhom jiġu allokati t-tliet kwarti l-oħra.
It-tfal tal-aħwa (jiġifieri n-neputijiet tal-persuna deċeduta) jaqsmu bejniethom is-sehem riżervat ta’ missierhom jew ommhom b’rappreżentazzjoni (par représentation) jekk il-ġenituri tagħhom imutu qabel il-persuna deċeduta.
Hekk, flimkien jirċievu s-sehem li kien imiss lil missierhom u/jew ommhom kieku dawn tal-aħħar baqgħu ħajjin wara l-persuna deċeduta.
Sitwazzjoni 4: il-persuna deċeduta ma jkollha l-ebda wild, konjuġi, aħwa jew neputijiet iżda l-ġenituri tagħha jkunu għadhom ħajjin
F’dik is-sitwazzjoni, il-patrimonju kollu jmur għand missier u omm il-persuna deċeduta li jirċievu nofs kull wieħed.
Jekk jibqa' ħaj wieħed biss mill-missier jew l-omm, dik il-persuna tiret il-patrimonju kollu tal-wild tagħha li jkun miet qabilha (ibidem).
Sitwazzjoni 5: il-persuna deċeduta ma jkollha l-ebda wild, konjuġi, aħwa jew neputijiet u l-ġenituri u l-axxendenti l-oħrajn tagħha jkunu mejtin
F’dik is-sitwazzjoni, iz-zijiet tal-persuna deċeduta, iz-zijiet tal-ġenituri tagħha, il-kuġini u d-dixxendenti tal-kuġini jitqiesu bħala l-werrieta.
Il-patrimonju jinqasam bejn żewġ linji, il-linja tal-missier u tal-omm, li jirċievu nofs il-patrimonju kull wieħed.
Kwalunkwe werriet lil hinn mit-tfal tal-ulied ta' kuġin jew kuġina, fil-linja tal-omm jew tal-missier, ma jistax jiret. F’dik is-sitwazzjoni, il-patrimonju jsir il-proprjetà tal-Istat, li huwa magħruf bħala wirt battal (succession en déshérence).
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Il-proċedura tas-suċċessjoni tinfetaħ mill-werriet jew werrieta li, fuq inizjattiva proprja tagħhom, jassenjaw it-tranżazzjonijiet kollha għas-saldu tal-patrimonju lil nutar li jintgħażel minnhom jew li jinħatar mit-testatur.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Fil-liġi tal-Lussemburgu ma hemm l-ebda awtorità speċifika nominata għall-aċċettazzjoni ta' suċċessjoni. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi, l-aċċettazzjoni tista’ tkun espliċita jew taċita. L-aċċettazzjoni tkun espliċita meta persuna tieħu t-titlu jew il-kapaċità ta’ werrieta permezz ta' att pubbliku jew skrittura privata (acte authentique ou privé). L-aċċettazzjoni tkun taċita meta werriet jieħu azzjoni li neċessarjament timplika l-intenzjoni tiegħu li jaċċetta u li jkun intitolat biss li jieħu fil-kapaċità tiegħu bħala werriet.
Skont il-Kodiċi Ċivili, rinunzja ta’ suċċessjoni trid issir fir-reġistru tal-qorti tal-prim’istanza (tribunal de première instance) fid-distrett fejn isseħħ is-suċċessjoni, f’reġistru speċjali li jinżamm għal dak l-iskop.
Fid-dawl tal-implikazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jirriżultaw minn suċċessjoni, huwa rakkomandat li jiġi kkonsultat nutar qabel ma wieħed jaċċetta jew jirrinunzja s-suċċessjoni.
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Il-Kodiċi Ċivili tal-Lussemburgu ma fih l-ebda regola speċifika dwar dak il-punt u għalhekk il-ġurisprudenza tal-Lussemburgu hija bbażata fuq il-prinċipju li tista’ tintuża kwalunkwe proċedura għall-aċċettazzjoni ta’ legat (legs) (universali, b’titolu ġenerali jew individwali).
L-istess japplika għal rinunzja (répudiation) ta’ legat individwali (legs particulier). B’hekk, fost affarijiet oħra, ir-rinunzja tista’ tkun taċita jekk pereżempju l-legatarju (légataire) jirrifjuta li jwettaq l-obbligi assoċjati mal-legat.
F’każ ta’ rinunzja ta’ legat universali (legs universel) jew legat b’titolu ġenerali (legs à titre universel), xi qrati jirrikjedu konformità mar-regoli formali stabbiliti għal rinunzji tas-suċċessjoni, filwaqt li qrati oħra jsostnu li dawn ir-regoli ma japplikawx.
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Ir-regoli ta’ hawn fuq japplikaw għall-aċċettazzjoni ta’ sehem riżervat.
Sehem riżervat jista’ jiġi rinunzjat biss fir-reġistru tal-qorti tal-prim’istanza fid-distrett li fih tinfetaħ is-suċċessjoni, f’reġistru speċjali li jinżamm għal dak l-iskop.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Il-proċedura tas-suċċessjoni tinfetaħ mill-werriet jew werrieta li, fuq inizjattiva proprja tagħhom, jassenjaw it-tranżazzjonijiet kollha għas-saldu tal-patrimonju lil nutar li jintgħażel minnhom jew li jinħatar mit-testatur.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Fil-mument tal-mewt, l-assi tal-persuna deċeduta jgħaddu direttament għand il-werriet. Madankollu, dan ma jfissirx li l-werrieta huma obbligati li jaċċettaw is-suċċessjoni (ara hawn fuq).
Biex persuna tkun tista’ tiret, b’mod partikolari jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin. Il-persuna jeħtiġilha:
- ikollha eżistenza legali fil-mument tal-mewt tat-testatur, jiġifieri tal-anqas tkun ġiet imnissla, bil-kundizzjoni li l-wild inkwistjoni jitwieled vijabbli;
- ma tkunx ġiet eskluża bil-liġi, b’mod partikolari fil-każ ta’:
- persuni mingħajr kapaċità legali;
- tobba jew kirurgi, professjonisti tas-saħħa u spiżjara li jittrattaw persuna matul il-marda li twassal għall-mewt tagħha, jekk matul il-marda jkun sar testment favur tagħhom;
- ma tkunx ġiet eskluża mis-suċċessjoni abbażi ta' skwalifika minħabba mġiba (indignité).
Fir-rigward tal-legat, għandha tiġi segwita l-proċedura għall-ħlas ta’ legat (délivrance de legs) jew il-proċedura tal-ordni ta’ pussess (envoi en possession), kif xieraq.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Iva, jekk il-werrieta jaċċettaw is-suċċessjoni mingħajr kundizzjonijiet.
Madankollu, meta tinfetaħ is-suċċessjoni, il-werrieta jistgħu wkoll jaċċettawha bil-benefiċċju tal-inventarju (sous bénéfice d’inventaire).
L-effett tat-tħejjija ta’ inventarju jagħti lill-werrieta l-vantaġġ li jkunu responsabbli għall-ħlas tad-djun fuq il-patrimonju biss sal-valur tal-assi li jkunu rċevew u jistgħu saħansitra jinħelsu mill-ħlas tad-dejn billi jċedu l-assi kollha fil-wirt tagħhom lill-kredituri (créanciers) u l-legatarji.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
It-testatur huwa liberu li jaħtar kwalunkwe persuna li jagħżel biex teżegwixxi t-testment tiegħu, minbarra minuri.
Ara aktar 'il fuq għar-rwol tal-amministratur tal-patrimonju (administrateur de succession).
Skont l-Artikolu 1 tal-liġi emendata tal-25 ta’ Settembru 1905 dwar ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fil-proprjetà immobbli (loi modifiée du 25 septembre 1905 sur la transcription des droits réels immobiliers), it-tranżazzjonijiet kollha inter vivos (actes entre vifs), kemm jekk isiru bi ħlas kif ukoll jekk le, it-trasferiment tad-drittijiet in rem fil-beni immobbli (droits réels immobiliers), għajr il-privileġġi (privilèges) u l-ipoteki (hypothèques), iridu jiġu rreġistrati mar-reġistru tal-ipoteki (bureau de la conservation des hypothèques) fil-ġuriżdizzjoni fejn jinsab dak il-ben immobbli. L-Artikolu 2 tal-liġi jipprevedi li jistgħu jiġu rreġistrati biss deċiżjonijiet ġudizzjarji (décisions judiciaires), atti pubbliċi u atti amministrattivi (actes administratifs).
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
Skont il-liġi tas-suċċessjoni tal-Lussemburgu, hemm tliet sitwazzjonijiet possibbli li jinvolvu l-amministrazzjoni tal-patrimonju:
1) Amministrazzjoni ta’ wirt battal
F’każijiet ta’ wirt battal (succession vacante), fuq talba tal-persuni kkonċernati jew meta jsir rikors mill-Prosekutur Pubbliku (procureur d’Etat), il-qorti kompetenti tal-prim’istanza taħtar amministratur biex jamministra s-suċċessjoni.
2) Atti amministrattivi li permezz tagħhom tiġi aċċettata s-suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju
F’dan il-każ partikolari huwa l-werriet benefiċjarju (héritier bénéficiaire) li huwa responsabbli biex jamministra l-assi tal-patrimonju. Huwa jrid jagħti rendikont lill-kredituri u lil-legatarji għall-amministrazzjoni.
Skont il-ġurisprudenza tal-Lussemburgu, l-obbligu li jiġu rkuprati d-djun dovuti lis-suċċessjoni huwa, fost l-oħrajn, parti integrali minn dik l-amministrazzjoni.
F’każijiet eċċezzjonali, il-qrati jistgħu jassenjaw l-amministrazzjoni lil terza persuna. Dak ikun possibbli meta, minħabba n-nuqqas tagħhom li jaġixxu, ġestjoni ħażina jew inkompetenza, il-werrieta li jkunu għażlu li jsir inventarju jheddu l-interessi tal-kredituri tal-patrimonju inkwistjoni u jistgħu jippreġudikawhom (il-ġurisprudenza tal-Lussemburgu).
3) Atti amministrattivi fil-każ ta’ koproprjetà tal-patrimonju
Fil-każ ta’ koproprjetà tal-patrimonju (indivision d’une succession), il-president tal-qorti distrettwali kompetenti jista’ jaħtar lil kowerriet (indivisaire) bħala l-amministratur.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
It-testatur huwa liberu li jaħtar kwalunkwe persuna li jagħżel biex teżegwixxi t-testment tiegħu, minbarra minuri.
Ara hawn fuq għar-rwol tal-amministratur tal-patrimonju.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
Ara hawn fuq.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
L-affidavit (acte de notoriété) miktub minn nutar, li għandu valur probatorju addizzjonali.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.