L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Testment jista’ jsir biss permezz ta’ att notarili (testment notarili) (notariële akte (notarieel testament)) jew bi skrittura privata miktuba bl-idejn mogħtija lil nutar biex iżommha sigura f’testment depożitat (depot-testament) (l-Artikolu 4:94 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek). Hemm għadd limitat ta’ eċċezzjonijiet f’każijiet speċjali (l-Artikolu 4:97-107 tal-Kodiċi Ċivili). Testment konġunt (gezamenlijk testament) ma huwiex aċċettat (l-Artikolu 4:93 tal-Kodiċi Ċivili). Ftehom dwar suċċessjoni futura wkoll ma jiġix aċċettat. Skont l-Artikolu 4:4(2) tal-Kodiċi Ċivili, il-ftehimiet bl-għan li jittrasferixxu, parzjalment jew totalment, wirt li għadu ma ntiritx huma nulli u bla effett.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
In-nutar li jifformula t-testment jeħtieġlu jirreġistra l-informazzjoni fil-jum ta’ xogħol ta’ wara fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti (Centraal Testamenten Register (CTR)).
Ara wkoll: http://www.centraaltestamentenregister.nl/. L-informazzjoni dwar il-preservazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-tiftixa għal testment hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew tat-Testmenti (ENRWA) fit-taqsima “Skeda Informattiva”: http://www.arert.eu/
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Id-dixxendenti tal-persuna deċeduta (it-tfal jew – jekk it-tfal diġà mietu – it-tfal tagħhom) ma jistgħux jinqatgħu mill-wirt għalkollox. Huma intitolati għal sehem riżervat (legitieme portie). La l-konjuġi u l-anqas l-axxendenti ma għandhom dritt għal sehem riżervat. Is-sehem riżervat jammonta għal nofs il-wirt, ara l-Artikolu 4:64 tal-Kodiċi Ċivili. Jekk dixxendent jinvoka s-sehem riżervat tiegħu, ma jibqax meqjus werriet (erfgenaam) iżda bħala kreditur (schuldeiser) tal-patrimonju.
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Fin-nuqqas ta’ testment, il-prinċipji li ġejjin huma applikabbli għad-diversi xenarji:
Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx miżżewġa u ma kellhiex tfal, fil-prinċipju l-ġenituri u l-aħwa jirtu f’ishma indaqs, b’kull ġenitur li dejjem jiret tal-anqas kwart.
Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx miżżewġa imma kellha tfal li huma superstiti, il-patrimonju jinqasam indaqs bejn it-tfal.
Jekk il-persuna deċeduta ħalliet warajha konjuġi iżda ma hemmx tfal superstiti, l-aħħar konjuġi superstitu jiret il-patrimonju kollhu.
Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi u tfal, it-tfal u l-konjuġi jirtu f’ishma indaqs, iżda l-konjuġi superstiti bil-liġi jakkwista l-assi tal-patrimonju. Il-likwidazzjoni tal-patrimonju hija r-responsabbiltà tal-konjuġi. Kull wieħed mit-tfal, fil-kapaċità tiegħu ta’ werriet, ikollu dritt għal talba monetarja (geldvordering) mingħand il-konjuġi superstiti. It-talba monetarja tikkorespondi għas-sehem tat-tfal mill-patrimonju. Din it-talba ssir eżegwibbli jekk il-konjuġi superstiti jiġu ddikjarati falluti jew jitqiegħdu taħt proċedura ta’ ristruttar tad-dejn (ara wkoll l-Att dwar ir-Ristruttar tad-Dejn tal-Persuni Fiżiċi (Wet schuldsanering natuurlijke personen)) jew jekk imutu (l-Artikolu 4:13 tal-Kodiċi Ċivili). F’xi sitwazzjonijiet, it-tfal jistgħu jeżegwixxu t-talba monetarja tagħhom qabel ukoll, pereżempju jekk il-konjuġi superstiti jerġgħu jiżżewġu.
Il-konjuġi miżżewġin u s-sħab reġistrati jiġu ttrattati bl-istess mod.
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
In-nutar huwa l-awtorità kompetenti fin-Netherlands fir-rigward tal-liġi tas-suċċessjoni. Il-partijiet huma liberi li jagħżlu nutar irrispettivament mill-aħħar post ta’ residenza tal-persuna deċeduta.
Il-werriet għandu tliet għażliet:
- jaċċetta s-suċċessjoni mingħajr kundizzjonijiet;
- jaċċetta s-suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju, li jillimita l-obbligazzjoni għad-djun għall-valur ta’ dak li jintiret (beneficiair aanvaarden);
- jirrinunzja s-suċċessjoni.
Jekk il-werriet jixtieq jaċċetta l-wirt hekk kif inhu (aċċettazzjoni mingħajr kundizzjonijiet), jista’ jagħmel dan b’mod impliċitu u mingħajr formalitajiet speċifiċi billi jwettaq ċerti azzjonijiet, bħall-bejgħ jew l-approprjazzjoni b’xi mod ieħor tal-assi tal-persuna deċeduta. Il-konsegwenza ta’ aċċettazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tas-suċċessjoni hija li l-werriet ikun personalment responsabbli għad-djun tal-patrimonju bl-assi tiegħu stess. Il-werriet jista’ jillimita r-responsabbiltà billi jaċċetta espliċitament is-suċċessjoni bil-kundizzjoni li d-djun tal-wirt ma jaqbżux il-valur tiegħu. Il-werriet jagħmel dan billi jagħmel dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni bil-benefiċċju tal-inventarju (verklaring van beneficiaire aanvaarding) quddiem il-qorti tar-reġistru (griffie van de rechtbank). Il-werriet jeħtieġlu jagħmel dan ukoll jekk ma jkunx jixtieq jirċievi s-suċċessjoni u jixtieq jirrinunzjaha. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex soġġetti għal xi terminu, iżda kreditur jew parti interessata oħra tista’ titlob li l-qorti timponi terminu fuq il-werrieta. Jekk il-werriet iħalli dan it-terminu jiskadi, il-wirt jiġi aċċettat mingħajr kundizzjonijiet. Dan ikun il-każ ukoll jekk il-werriet ikun ġab ruħu bħallikieku kien aċċetta s-suċċessjoni mingħajr kundizzjonijiet, qabel ma jagħmel dikjarazzjoni. Għażla ma tistax titreġġa’ lura ladarba ssir.
Il-legati (legaten) jistgħu jiġu aċċettati jew rifjutati mingħajr formalitajiet speċifiċi. Skont id-dritt tan-Netherlands, aċċettazzjoni limitata ma hijiex possibbli għal-legati.
Persuna intitolata għal sehem riżervat (legitimaris) tista’ tirrinunzja għad-dritt tagħha għas-sehem riżervat sempliċiment billi ma titolbux. Id-dritt ma jistipula l-ebda dikjarazzjoni speċifika għal dan l-għan. Jekk il-persuni intitolati għal sehem riżervat jirrinunzjaw is-sehem riżervat tagħhom, dan il-fatt jista’ jiġi rreġistrat f’dikjarazzjoni.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
F’ħafna każijiet, speċjalment jekk ikun hemm kuntratt taż-żwieġ (huwelijkscontract) jew testment, huwa rakkomandabbli li jitqabbad nutar sabiex jillikwida l-patrimonju. Kull wieħed mill-werrieta jew eżekutur (executeur-testamentair), jekk ikun ġie nnominat wieħed fit-testment, jista’ jqabbad nutar fin-Netherlands. Il-partijiet huma liberi li jagħżlu nutar irrispettivament mill-aħħar post ta’ residenza tal-persuna deċeduta. In-nutar jassisti lill-werrieta sabiex jaslu għal ftehim fuq il-patrimonju. Jistabbilixxi/jiddetermina min huma l-werrieta, qabel ma jivverifika jekk sarx testment u jinforma u jagħti pariri lill-benefiċjarji dwar il-konsegwenzi tal-aċċettazzjoni jew tar-rifjut tal-wirt. In-nutar jista’ jassistihom ukoll sabiex jikkonformaw mal-obbligi tat-taxxa tagħhom. Il-qorti jkollha rwol fil-likwidazzjoni tas-suċċessjonijiet biss f’ċerti sitwazzjonijiet. Dan jista’ jiġri jekk il-likwidazzjoni tal-wirt tiġi opposta jew jekk wieħed mill-werrieta (pereżempju għaliex ikun minorenni) ma jkunx jista’ jieħu ħsieb l-interessi tiegħu stess.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Fin-Netherlands, ma hijiex prevista xi proċedura tal-qorti. Jekk ma jkunx hemm testment, il-liġi tiddetermina min huma l-werrieta. Jekk ikun hemm testment, dan jindika min huma l-werrieta u l-legatarji (legatarissen). In-nutar jista’ jindika min huma l-werrieta għall-patrimonju f’ċertifikat tas-suċċessjoni (verklaring van erfrecht), ara l-Artikolu 4:188 tal-Kodiċi Ċivili. L-eżekutur testamentarju wkoll jista’ jitlob ċertifikat tas-suċċessjoni. Fiċ-ċertifikat tas-suċċessjoni, in-nutar għandu l-awtorità li jidentifika l-persuni li jkunu intitolati għall-wirt, sehemhom fil-wirt u, jekk applikabbli, isem l-eżekutur. Permezz taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni, il-werrieta/l-eżekutur jistgħu jidentifikaw lilhom infushom lid-debituri tal-patrimonju u jkunu jistgħu jiksbu disponiment tal-bilanċi tal-bank, eċċ. Att notarili huwa neċessarju għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli jew ta’ dritt fi proprjetà immobbli lil wieħed mill-werrieta.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Jekk il-werriet ikun aċċetta l-wirt mingħajr kundizzjonijiet, huwa responsabbli għad-djun tal-persuna deċeduta (l-Artikolu 4:182 tal-Kodiċi Ċivili). Jekk il-wirt jiġi aċċettat bil-benefiċċju tal-inventarju, il-werriet huwa responsabbli biss għad-dejn sal-ammonti koperti mis-sehem mill-patrimonju. Ma jkunx responsabbli personalment.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru pubbliku ta’ proprjetà immobbli (openbaar register van onroerend goed). Għat-trasferiment ta’ titolu fuq propjetà immobbli jew ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli, ikun neċessarju att notarili separat.
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
Il-liġi tan-Netherlands ma tipprovdix għall-ħatra obbligatorja ta’ amministratur tal-patrimonju (beheerder van de nalatenschap).
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
It-testaturi (erflaters) jistgħu jaħtru eżekutur fit-testment tagħhom, li jista’ jillikwida l-patrimonju. F’każ ta’ aċċettazzjoni bil-benefiċċju tal-inventarju, il-qorti tista’ taħtar amministratur speċjali (speciale beheerder).
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
L-eżekutur imsemmi fit-testment normalment ikollu setgħat limitati f’konformità mal-Artikolu 4:144 tal-Kodiċi Ċivili. Huwa jista’ jamministra l-patrimonju u jsalda d-dejn tal-patrimonju. It-testaturi jistgħu jagħtu aktar drittjiet lill-eżekutur, pereżempju t-trasferiment ta’ assi fil-patrimonju mingħajr il-permess tal-werrieta. Jekk l-eżekutur jinħatar bħala eżekutur speċjali (speciale executeur) (il-fiduċjarju li jillikwida l-patrimonju (afwikkelingsbewindvoerder)), huwa jista’ jittrasferixxi l-assi u jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar id-diviżjoni tal-patrimonju.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Il-werrieta jistgħu jikkonkludu att ta’ diviżjoni (akte van verdeling). Id-dokument isir att notarili jekk isir min-nutar. Dan ikun meħtieġ meta werriet ikollu inkapaċità legali (minħabba li jkun minorenni jew minħabba riċevitura/amministrazzjoni ġudizzjarja (curatele/bewindvoering). Att notarili jkun neċessarju għat-trasferiment tal-proprjetà immobbli jew ta’ drittijiet fuq il-proprjetà immobbli fin-Netherlands, ara t-tweġiba għall-mistoqsija 7 aktar ’il fuq. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, ma huwiex meħtieġ att dwar diviżjoni tal-patrimonju. Id-dikjarazzjoni tas-suċċessjoni hija biżżejjed għat-trasferiment tal-assi, bħal kontijiet bankarji u propjetà mobbli oħra.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.