L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Ma hemm l-ebda trasferiment awtomatiku ta’ assi wara l-mewt.
F’ħafna każijiet il-proprjetà tinżamm b’mod konġunt qabel il-mewt u dik il-proprjetà tiġi ttrasferita skont il-prinċipju tas-sopravivenza dment li din kienet l-intenzjoni tas-sidien konġunti.
Apparti proprjetà konġunta li tiddevolvi permezz ta’ sopravivenza, l-assi jridu jiġu ttrasferiti skont it-termini ta’ testment jew ab intestato (fejn ma jkunx hemm testment). Il-kriterji għall-abbozzar ta’ testment huma stabbiliti fl-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965 (Parti VII). Ir-regoli ab intestato (fejn ma jkunx hemm testment) huma stabbiliti wkoll fl-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965 (Parti VI).
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
Ma hemm l-ebda rekwiżit għal testment biex jiġi rreġistrat f’din il-ġuriżdizzjoni.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
L-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965 fih għadd ta’ restrizzjonijiet dwar id-disponiment tal-assi permezz ta’ testment (Parti IX Dritt legali tal-konjuġi tat-testatur, is-sieħeb ċivili u l-manteniment għat-tfal).
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
L-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965 jistabbilixxi min jiret fin-nuqqas ta’ testment u f’liema proporzjonijiet (ara l-Parti VI).
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Il-kwistjoni tal-Aġġudikazzjonijiet tal-Wirt fejn ikun hemm testment u l-ħruġ ta’ Ittri ta’ Amministrazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda testment jiġu ssorveljati mill-Uffiċċju tas-Suċċessjoni bbażat f’Dublin u erbatax-il Uffiċċju tas-Suċċessjoni Distrettwali bbażati f’postijiet ġeografiċi oħra. L-Uffiċċju tas-Suċċessjoni u r-Reġistri tas-Suċċessjoni Distrettwali huma l-uffiċċji tas-Servizz tal-Qrati Irlandiżi. L-Aġġudikazzjonijiet tal-Wirt jinħarġu lil Eżekutur(i) fejn ikun hemm testment u lil Amministratur fejn ma jkunx hemm testment.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati barra mill-proċess formali tas-suċċessjoni bħala parti mill-amministrazzjoni tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Is-soltu jiġu ttrattati minn rappreżentant legali kkwalifikat kif xieraq.
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati barra mill-proċess formali tas-suċċessjoni bħala parti mill-amministrazzjoni tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Is-soltu jiġu ttrattati minn rappreżentant legali kkwalifikat kif xieraq.
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati barra mill-proċess formali tas-suċċessjoni bħala parti mill-amministrazzjoni tal-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Is-soltu jiġu ttrattati minn rappreżentant legali kkwalifikat kif xieraq.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Apparti l-ħruġ ta’ Aġġudikazzjoni tal-Wirt jew Ittri ta’ Amministrazzjoni, il-kwistjonijiet l-oħra kollha relatati mal-amministrazzjoni tal-patrimonju ta’ persuni deċeduti jiġu ttrattati mill-Eżekutur(i) jew mill-Amministratur(i) mingħajr aktar inputs mill-Uffiċċju tas-Suċċessjoni jew mill-Uffiċċji tas-Suċċessjoni Distrettwali. Il-funzjoni ewlenija ta’ Eżekutur jew Amministratur hija li jiġu ddistribwiti l-assi tal-persuna deċeduta. L-assi jitqassmu f’konformità max-xewqat tal-persuna deċeduta kif stabbilit fit-testment tagħha jew jekk ma jkunx hemm testment f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Il-kunċett ta’ werrieta ma huwiex magħruf mid-dritt Irlandiż. It-terminu benefiċjarju jintuża biex jiddeskrivi persuna li tiret xi assi minn persuna deċeduta.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Id-djun jistgħu jkunu pagabbli f’patrimonju ta’ persuni deċeduti iżda l-Eżekutur(i) jew l-Amministratur(i) mhumiex personalment responsabbli għal dawk id-djun.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Hemm diversi dispożizzjonijiet statutorji fis-seħħ li jistabbilixxu r-rekwiżiti għat-trasferiment ta’ proprjetà immobbli. Madankollu dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex parti mill-proċess tas-suċċessjoni.
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
L-Aġġudikazzjonijiet tal-Wirt jew l-Ittri ta’ Amministrazzjoni jinħarġu biss fuq talba. Ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju għall-amministrazzjoni.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
Jekk ikun hemm testment, normalment ikun l-Eżekutur(i) li jkun(u) ġie/ġew maħtur(a) mill-persuna deċeduta fit-testment tagħha. F’sitwazzjoni ab intestato, il-persuna tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Suċċessjoni tal-1965.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
L-Eżekuturi u l-Amministraturi għandhom setgħat sħaħ mingħajr ebda intervent tal-qorti biex jamministraw il-patrimonju ta’ persuna deċeduta. Jekk jinqalgħu xi kwistjonijiet matul l-amministrazzjoni, l-Eżekuturi u l-Amministraturi jistgħu jagħmlu rikors quddiem il-High Court għal ordnijiet xierqa.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Fil-każ ta’ testment tinħareġ Aġġudikazzjoni tal-Wirt. F’każ ta’ ab intestato jinħarġu Ittri ta’ Amministrazzjoni. L-Irlanda eżerċitat l-għażla tagħha li ma tagħmilx parti minn dan il-qasam u għalhekk bħalissa mhijiex marbuta bir-Regolament.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.