Skip to main content

Suċċessjonijiet

Flag of Poland
Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

Din l-iskeda informattiva tħejjiet f’kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Notarjati tal-Unjoni Ewropea (CNUE, Council of the Notariats of the European Union).

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Skont il-liġi Pollakka, il-proprjetà wara l-mewt tista’ tingħata biss permezz ta’ testment. It-testmenti unica charta huma pprojbiti. Dawn il-forom ta’ testmenti li ġejjin huma aċċettati:

  • testment olografiku (testament holograficzny) miktub kompletament bl-idejn, iffirmat u ddatat mit-testatur;
  • testment notarili (testament notarialny) miktub minn nutar fil-forma ta’ att notarili;
  • testment allografiku (testament allograficzny) magħmul fil-preżenza ta’ żewġ xhieda quddiem is-sindku ta’ muniċipalità (wójt), is-sindku tal-belt (burmistrz), il-kap ta’ kunsill tal-belt (prezydent miasta), il-president ta’ bord eżekuttiv tad-distrett (starosta), marixxall provinċjali (marszałek województwa), il-kap uffiċjal amministrattiv ta’ distrett jew muniċipalità (sekretarz powiatu/sekretarz gminy) jew il-kap ta’ uffiċċju tar-reġistru pubbliku (kierownik urzędu stanu cywilnego);
  • testment bil-fomm (testament ustny) (meta l-mewt tkun imminenti jew meta minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u ta’ emerġenza jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li jsir testment bi kwalunkwe mod deskritt hawn fuq) fil-preżenza ta’ tliet xhieda;
  • testment tal-vjaġġaturi (testament podróżny) magħmul abbord bastiment jew inġenju tal-ajru Pollakk waqt l-ivvjaġġar (it-testatur jiddikjara t-testment tiegħu lill-kaptan tal-bastiment jew tal-inġenju tal-ajru jew lid-deputat tiegħu fil-preżenza ta’ żewġ xhieda);
  • testment militari (testament wojskowy) (miktub f’ċirkostanzi eċċezzjonali u minn lista ta’ persuni ddefinita b’mod strett).

L-unika ftehim dwar is-suċċessjoni li huwa aċċettat huwa l-ftehim ta’ rinunzja tal-wirt. Dan il-ftehim jista’ jiġi konkluż mit-testatur futur u mill-werriet statutorju, u jrid ikun fil-forma ta’ att notarili sabiex ikun validu.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Sabiex testment ikun validu ma hemmx għalfejn jiġi rreġistrat. Testmenti li jsiru fil-forma ta’ att notarili jew testmenti miktuba bl-idejn iddepożitati ma’ nutar jistgħu jiġu rreġistrati mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nutara (Krajowa Rada Notarialna).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

L-ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta’ testatur sabiex isemmi werriet jew werrieta ma hija imposta mil-liġi Pollakka. Bl-istess mod, id-dritt għal sehem riżervat ma jirrestrinġix il-libertà ta’ testatur li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu iżda jipproteġi l-interessi tal-ġenituri, tad-dixxendenti u tal-konjuġi tiegħu, li huma intitolati għall-ħlas ta’ ammont speċifikat.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Ir-regoli li ġejjin japplikaw fin-nuqqas ta’ testment:

Skont il-liġi, it-tfal u l-konjuġi tat-testatur huma fl-ewwel post biex jirtu; il-proporzjon li jintiret mill-konjuġi ma jistax ikun inqas minn kwart tal-patrimonju. In-neputijiet (meta t-tfal tat-testatur ma jkunux għadhom ħajjin meta tinfetaħ is-suċċessjoni), it-tfal tan-neputijiet jew saħansitra dixxendenti iktar ’il bogħod tat-testatur (meta dixxendenti eqreb ma jkunux għadhom ħajjin meta tinfetaħ is-suċċessjoni) huma dawk li jkun imiss biex jirtu. Il-Kodiċi Ċivili (Kodeks Cywilny) jipprevedi wkoll li jekk testatur ma jkollux dixxendenti, il-konjuġi u l-ġenituri tat-testatur ikunu intitolati għas-suċċessjoni skont il-liġi; fejn m’hemm l-ebda dixxendent u l-ebda konjuġi l-patrimonju sħiħ jgħaddi għand il-ġenituri tat-testatur. Meta wieħed mill-ġenituri tat-testatur ma jkunx għadu ħaj meta tinfetaħ is-suċċessjoni, is-sehem mill-patrimonju li kieku kien jiret dak il-ġenitur jgħaddi għal għand l-aħwa tat-testatur f’ishma indaqs. Meta l-ebda ġenitur tat-testatur ma jkun għadu ħaj meta tinfetaħ is-suċċessjoni, l-ishma tal-ġenituri jgħaddu għal għand ħut it-testatur. Jekk xi ħadd minn ħut it-testatur ma jkunx għadu ħaj meta tinfetaħ is-suċċessjoni iżda jkun ħalla dixxendenti, is-sehem mill-patrimonju li kieku kien jiret jgħaddi għal għand id-dixxendenti tiegħu. Jekk it-testatur ma jkollux dixxendenti, ġenituri, aħwa jew dixxendenti tal-aħwa, il-patrimonju kollu jgħaddi għal għand il-konjuġi tat-testatur. Jekk it-testatur ma jkollux dixxendenti, konjuġi, ġenituri, aħwa jew dixxendenti tal-aħwa, il-patrimonju kollu jgħaddi għal għand in-nanniet tat-testatur; meta xi ħadd min-nanniet ma jkunx għadu ħaj meta tinfetaħ is-suċċessjoni, sehmu mill-patrimonju jgħaddi għal għand uliedu f’ishma indaqs. Meta dak il-wild ma jkunx għadu ħaj meta tinfetaħ is-suċċessjoni, is-sehem mill-patrimonju li kieku kien jiret dak il-wild jgħaddi għal għand uliedu f’ishma indaqs. Meta n-nannu jew in-nanna li ma tkunx għadha ħajja meta jinfetaħ il-patrimonju ma jkollhiex tfal jew neputijiet, is-sehem mill-patrimonju li kieku kienet tiret jgħaddi għal għand in-nanniet l-oħrajn f’ishma indaqs. Jekk it-testatur ma jħallix konjuġi jew qraba mid-demm intitolati għas-suċċessjoni bil-liġi, il-wirt jinqasam f’ishma indaqs bejn it-tfal tal-konjuġi tat-testatur, jekk iż-żewġ ġenituri tagħhom ma kinux għadhom ħajjin meta nfetħet is-suċċessjoni. Fl-aħħar, fin-nuqqas tal-persuni kollha msemmija hawn fuq li huma intitolati għas-suċċessjoni bil-liġi, il-werriet statutorju għall-patrimonju huwa l-muniċipalità tal-aħħar post tar-residenza tat-testatur, u meta l-aħħar post tar-residenza tat-testatur fir-Repubblika tal-Polonja ma jkunx jista’ jiġi stabbilit jew jekk l-aħħar post tar-residenza tat-testatur kien barra mill-pajjiż, il-werriet statutorju tal-patrimonju jkun it-Teżor tal-Istat.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Ir-rikorrenti għandhom jirrikorru għand nutar, il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post tar-residenza abitwali tat-testatur, jew – meta l-aħħar post tar-residenza abitwali tat-testatur fil-Polonja ma jistax jiġi stabbilit – il-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq il-post fejn jinsab il-patrimonju jew parti minnu (qorti tas-suċċessjoni) (sąd spadku). Jekk ma tapplika l-ebda kundizzjoni minn dawn, il-qorti tas-suċċessjoni hija l-Qorti Distrettwali għall-Belt Kapitali ta’ Varsavja (sąd rejonowy dla miasta stołecznego Warszawy).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ta’ suċċessjoni jitressqu quddiem il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-post ta’ residenza tal-persuna li tippreżenta d-dikjarazzjoni, jew quddiem nutar. Persuni li jirrisjedu barra minn pajjiżhom jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet għar-rinunzja ta’ suċċessjoni fil-forma pprovduta mil-liġi tal-post fejn tittieħed din l-azzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Hemm żewġ tipi ta’ legati skont il-liġi Pollakka: il-legat b’eżekuzzjoni u l-legat b’invokazzjoni. Il-legati b’invokazzjoni biss jistgħu jiġu aċċettati jew irrinunzjati. Din l-għażla ma teżistix għal-legati b’eżekuzzjoni.

L-awtoritajiet msemmija fil-mistoqsija preċedenti huma kompetenti biex jirċievu dawn it-tali dikjarazzjonijiet marbutin mal-legati b’invokazzjoni.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemmx riżervi fil-liġi Pollakka. Madankollu, jista’ jintalab il-pagament ta’ sehem riżervat, jiġifieri ta’ ammont ta’ flus adegwat. Dikjarazzjonijiet dwar ir-rinunzja jew l-aċċettazzjoni ta’ sehem riżervat ma jiġux ippreżentati.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Persuna li tixtieq takkwista dokument li jikkonferma l-istatus tagħha bħala eredi tista’ tapplika għal ċertifikat ta’ wirt fil-qorti jew tapplika għal ċertifikat tas-suċċessjoni rreġistrat għand nutar. Jekk ikun hemm diversi eredi, il-patrimonju jista’ jiġi diviż fuq talba tagħhom, mill-qorti bi proċeduri għall-qsim tal-patrimonju jew minn nutar permezz ta’ ftehim għall-qsim tal-patrimonju fil-forma ta’ att notarili.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Persuna ssir rispettivament werriet jew legatarju mal-ftuħ skont il-liġi tas-suċċessjoni (madankollu, is-suċċessjoni tista’ tiġi rrinunzjata).

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Ir-responsabbiltà għad-djun taħt is-suċċessjoni tvarja skont kif tiġi aċċettata s-suċċessjoni. Il-werriet jista’ jaċċetta s-suċċessjoni b’responsabbiltà bla limitu għad-djun (aċċettazzjoni sempliċi) (przyjęcie proste), jaċċetta s-suċċessjoni b’responsabbiltà limitata (aċċettazzjoni bil-benefiċċju tal-inventarju) (przyjęcie z dobrodziejstwem inwentarza) jew jirrinunzja għas-suċċessjoni. Meta s-suċċessjoni tiġi aċċettata bil-benefiċċju tal-inventarju l-werriet ikun responsabbli għad-djun tas-suċċessjoni biss sal-valur tal-assi tal-patrimonju kif iddeterminat fil-lista tal-inventarju jew fir-rapport tal-inventarju. Werriet li rrinunzja għas-suċċessjoni mhuwiex responsabbli għad-djun. Dikjarazzjoni li tikkonċerna rinunzja jew aċċettazzjoni totali tas-suċċessjoni (przyjęcie spadku wprost) għandha ssir fi żmien 6 xhur mid-data meta l-persuna kkonċernata saret taf bil-wirt. Meta ma ssir l-ebda dikjarazzjoni bħal din matul dak iż-żmien, il-werriet jitqies li aċċetta s-suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju. Il-werrieta l-oħrajn huma responsabbli in solidum għad-djun tas-suċċessjoni sakemm jinqasam il-patrimonju. Mill-mument meta l-patrimonju jinqasam, il-werrieta huma responsabbli għad-djun tas-suċċessjoni fi proporzjon mal-ishma tagħhom.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Sabiex idaħħal il-proprjetà immobbli li tifforma parti mill-wirt f’reġistru tal-art u l-ipoteki, il-werriet irid, bħala regola, jippreżenta dokumenti li jikkonfermaw l-istatus tiegħu bħala werriet, jiġifieri ċertifikat tas-suċċessjoni mill-qorti (postanowienie sądu o stwierdzeniu nabycia spadku) jew att irreġistrat li jiċċertifika s-suċċessjoni (zarejestrowany akt poświadczenia dziedziczenia).

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

L-ewwel, skont il-liġi Pollakka, amministratur tal-patrimonju (zarządca spadku) jista’ jinħatar ex officio jew fuq talba meta, għal xi raġuni, ikun hemm riskju li l-patrimonju ma jitqassamx kif intenzjonat. Għal dan l-għan, il-parti interessata jenħtieġ li tippreżenta rikors lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq il-beni tat-testatur sabiex turi li hija eredi jew legatarju, jew li hija intitolata għal sehem riżervat. Rikors jista’ jiġi wkoll ippreżentat mill-eżekutur testamentarju, mill-koproprjetarju tal-beni, minn persuna intitolata konġuntament għad-drittijiet ta’ testatur, minn kreditur bi prova bil-miktub dwar dejn mingħand it-testatur jew mill-uffiċċju tat-taxxa.

It-tieni, fil-każ ta’ wirt mhux aċċettat, il-qorti taħtar, ex officio jew fuq talba, kuratur tal-patrimonju.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fit-testment tiegħu, it-testatur jista’ jaħtar eżekutur (wykonawca), li jamministra l-patrimonju wara l-mewt tat-testatur. Il-ħatra tal-eżekutur issir effettiva meta tinfetaħ is-suċċessjoni (jiġifieri mal-mewt tat-testatur). L-eżekutur maħtur jista’ jippreżenta dikjarazzjoni lill-qorti jew lin-nutar li permezz tagħha ma jaċċettax il-ħatra bħala eżekutur. Tali dikjarazzjoni tirriżulta fit-telf tal-istatus ta’ eżekutur testamentarju. Jekk ma nħatar l-ebda eżekutur jew l-eżekutur maħtur ma aċċettax il-ħatra, il-patrimonju jiġi amministrat mill-werrieta.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-eżekutur testamentarju jenħtieġ li jamministra l-patrimonju, iħallas id-djun tas-suċċessjoni, b’mod partikolari jeżegwixxi legati u istruzzjonijiet u sussegwentement iqassam lill-werrieta l-patrimonju skont il-wirt u l-leġiżlazzjoni relevanti u, f’kull każ, immedjatament wara l-qsim tal-patrimonju.

L-eżekutur jista’ jfittex u jiġi mfittex għal kwistjonijiet li jqumu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, għal parti minnu organizzata jew għal element speċifiku. Huwa jista’ jieħu passi legali fi kwistjonijiet dwar drittijiet marbutin ma’ parti mill-wirt, u jistgħu jittieħdu passi legali kontrih dwar kwistjonijiet marbutin mad-djun tas-suċċessjoni.

L-eżekutur jenħtieġ ukoll li joħroġ is-suġġett ta’ legat speċifiku lill-persuna li lilha jkun sarilha dan il-legat.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Persuna li hija l-werriet statutorju trid tippreżenta kopji tad-dokumenti xierqa tal-istatus ċivili sabiex turi r-relazzjoni tagħha mal-mejjet (pereż. iċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat taż-żwieġ). Werriet jew legatarju jenħtieġ li jippreżenta t-testment sabiex juri d-drittijiet tiegħu għall-wirt.

 

Din il-paġna web hija parti minn Your Europe.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna