Skip to main content

Sib espert

In-Netherlands
Il-kontenut ipprovdut minn
In-Netherlands
Flag of Netherlands

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Fin-Netherlands hemm żewġ reġistri: wieħed primarjament għad-dritt ċivili u amministrattiv (Landelijk Register van Gerechtelijke Deskundigen – LRGD) u wieħed primarjament għad-dritt kriminali (Nederlands Register Gerechtelijk Deskundigen – NRGD). Hemm ukoll l-iStichting Advisering Bestuursrechtspraak voor Milieu en Ruimtelijke Ordening (StAB [Iċ-Ċentru Konsultattiv għall-Ġuriżdizzjoni Amministrattiva dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Ispazju] – korp indipendenti li jaħdem b’mod esklużiv għall-ġudikatura) u n-Nederlandse Vereniging voor Medisch Specialistische Rapportage (NVMSR – L-Assoċjazzjoni Netherlandiża għar-Rapporti Speċjalisti Mediċi). Barra minn hekk, għal materji kriminali hemm il-Landelijke Deskundigheidsmakelaar (LDM – L-Aġenzija ta’ Kompetenza Nazzjonali), li żżomm reġistru ta’ esperti esterni f’diversi oqsma li jistgħu jissejħu biex jassistu f’investigazzjonijiet (tal-pulizija). Fl-aħħar, hemm ir-Register Deskundigen Onteigening en Bestuursrechtelijke Schadevergoeding (DOBS – Ir-Reġistru tal-Esperti fl-Esproprjazzjoni u l-Kumpens fil-Liġi Amministrattiva).

L-esperti huma elenkati fir-reġistri skont l-ispeċjalizzazzjoni. Ir-reġistri tal-esperti jinżammu b’modi differenti: l-LRDG, id-DOBS u l-NVMSR huma entitajiet privati, filwaqt li l-NRGD u l-StAB huma ġestiti u ffinanzjati mill-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà. Il-qrati ma humiex responsabbli għall-amministrazzjoni tar-reġistri u lanqas għall-kwalità tal-esperti li jidhru fihom. Fin-Netherlands il-korpi li jżommu r-reġistri jinżammu strettament separati mill-qrati. Il-qrati jiddependu fuq garanziji ta’ kwalità pprovduti minn dawk il-korpi. L-imħallfin, madankollu, huma involuti fil-proċess ta’ ammissjoni u/jew ta’ akkreditazzjoni tal-LRGD u l-NRGD.

Links:

Ir-reġistri tal-NRGD/LRGD, l-NVMSR u d-DOBS u s-sit web tal-StAB huma aċċessibbli pubblikament. Hemm għodod ta’ tiftix disponibbli, għalkemm l-esperti fuq ir-reġistru tal-StAB ma jistgħux jiġu kkonsultati mill-partijiet fil-kawża peress li dawn jinħatru biss biex jagħtu parir lill-qrati, u tali konsultazzjoni toħloq dubju rigward l-indipendenza tagħhom. Madankollu, il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti tikkonsulta mal-StAB. Il-funzjoni Sib espert tista’ tintuża biss biex tfittex esperti fir-reġistru tal-LRGD. Huwa possibbli li tiffiltra skont l-ispeċjalizzazzjoni. L-esperti li jaħdmu fl-StAB huma reġistrati wkoll fl-LRGD. Fl-aħħar, ir-reġistru tal-NRGD jista’ jiġi kkonsultat permezz tal-link li ġejja: Fittex fir-reġistru.

Il-membri tal-NVMSR jgħaddu minn proċess ta’ taħriġ u eżami qabel ma jikkwalifikaw bħala espert ġudizzjarju membru u jiżdiedu mar-reġistru.

Biex jiġu rreġistrati fl-NRGD, l-esperti jeħtiġilhom jgħaddu minn proċedura ta’ akkreditazzjoni li tqis kemm il-qasam ta’ kompetenza li fih għandhom juru l-ħila tagħhom kif ukoll ir-rwol tagħhom bħala espert għall-qorti u l-ħiliet meħtieġa biex wieħed ikun espert tajjeb fil-proċedimenti. L-LRGD jibni fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-istandards professjonali li huma stabbiliti mill-korpi professjonali u l-assoċjazzjonijiet (kummerċjali) tal-professjoni nnifisha, u fuq perkors tat-taħriġ dwar ir-rwol ta’ espert u sistema ta’ taħriġ kontinwu.

L-StAB japplika politika ta’ reklutaġġ stretta ħafna, iwettaq taħriġ intern u jopera sistema ta’ apprendiment kontinwu. Ir-rapporti mfassla mill-esperti tal-StAB huma soġġetti għal rieżami bejn il-pari obbligatorju, u kumitat ta’ rieżami jirrieżamina r-rapporti maħruġa perjodikament.

L-esperti ma għandhomx bżonn jieħdu ġurament. L-esperti jistgħu jitneħħew mir-reġistri wara lmenti formali dwar nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kondotta applikabbli għall-qrati differenti, li huma simili b’mod ġenerali.

Ir-reġistri jinżammu aġġornati mill-korpi amministrattivi responsabbli għaż-żamma tagħhom.

II. Kwalifiki tal-esperti

L-inklużjoni bħala espert fir-reġistru tal-LRGD hija marbuta mal-kundizzjoni li jkun imsieħeb f'korp professjonali, li jistabbilixxi standards professjonali u rekwiżiti tal-edukazzjoni. L-esperti li jridu li jiddaħħlu fl-NRGD jeħtiġilhom ukoll jissodisfaw rekwiżiti edukattivi stretti. L-esperti tiegħu spiss ikunu membri ta’ organizzazzjoni professjonali, iżda hemm oqsma niċċa li għalihom ma teżisti l-ebda organizzazzjoni professjonali – b’hekk is-sħubija ma’ organizzazzjoni professjonali ma hijiex obbligatorja. Huwa meħtieġ taħriġ permanenti kontinwu għall-inklużjoni fir-reġistri tal-StAB, l-LRGD u l-NRGD. Pereżempju, l-StAB jalloka 15 % tal-ħin għal dan. L-esperti fir-reġistru tal-LRGD jeħtiġilhom jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ taħriġ kontinwu għal mill-inqas 6 sigħat fis-sena. Il-korpi professjonali ta’ spiss jakkreditaw l-istituzzjonijiet tat-tagħlim, li jridu jagħtu prova li t-taħriġ fil-fatt sar billi jpoġġu listi tar-reġistrazzjonijiet fuq is-siti web tal-istabbilimenti tat-taħriġ. Tali taħriġ għandu użu doppju: biex jirfina l-ħiliet relatati mal-qorti u biex itejjeb il-kompetenzi.

III. Remunerazzjoni tal-esperti

Fi proċeduri kriminali u amministrattivi, l-esperti jitħallsu mill-Istat. Hemm sistema ta’ tariffa fissa u l-esperti huma meħtieġa jissottomettu stima tal-ispejjeż minn qabel (Digriet dwar it-Tariffi fi Kwistjonijiet Kriminali 2003)). L-affarijiet jiġu rranġati b’mod differenti mal-StAB: L-esperti tal-StAB jitħallsu mill-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà. F’kawżi ċivili, il-partijiet iħallsu għall-għarfien espert użat.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

L-esperti jistgħu jinżammu responsabbli f’konformità mal-liġi ġenerali tal-obbligi. L-esperti ma humiex obbligati la bil-liġi jew lanqas mill-imħallef maħtur biex jagħmlu assigurazzjoni tar-responsabbiltà. Madankollu, jistgħu jiġu assigurati mill-kumpanija li jaħdmu għaliha. L-esperti li jaħdmu għal rashom jiddeċiedu dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tagħhom fid-diskrezzjoni tagħhom stess, għalkemm bosta korpi professjonali jagħmlu l-assigurazzjoni tar-responsabbiltà obbligatorja.

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

Id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-esperti ġudizzjarji fin-Netherlands huma l-Artikolu 194 tal-Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u l-Artikolu 8:47 tal-Algemene wet bestuursrecht (l-Att Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv) (Awb), kif ukoll il-Wet deskundige in strafzaken (l-Att dwar l-Esperti fil-Kawżi Kriminali) (l-Artikolu 51i tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Dawn il-liġijiet jiffurmaw qafas: linja gwida dettaljata tista’ tinsab fil-Leidraad deskundigen in civiele zaken (Linji gwida għal esperti f’kawżi ċivili) u l-Leidraad medisch deskundigen in bestuursrechtelijke zaken (Linji gwida għal esperti mediċi f’kawżi amministrattivi).

Hemm kodiċi ta’ kondotta tal-NRGD – b’bażi legali – għall-esperti fi kwistjonijiet kriminali, kodiċi ta’ kondotta stabbilita għal esperti legali fi kwistjonijiet ċivili u amministrattivi mill-Kunsill għall-Ġudikatura kif ukoll kodiċi ta’ kondotta fformulat mit-Tribunal tal-Appelli Ċentrali għall-esperti ġudizzjarji. L-StAB għandu l-kodiċi ta’ kondotta tiegħu u d-Diviżjoni tal-Liġi Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat għandu kodiċi ta’ kondotta għall-esperti. Għall-biċċa l-kbira tal-forom ta’ għarfien espert, hemm rekwiżiti addizzjonali rigward il-kwalità tal-għarfien espert jew il-kwalifiki tal-esperti.

It-titolu ta’ ‘deskundige’ (espert) mhuwiex protett.

1 Ħatra ta’ esperti

L-esperti jistgħu jinħatru mill-qorti u mill-partijiet involuti. Il-ħatra ta’ esperti fi proċedimenti amministrattivi hija simili għal dik fi proċedimenti ċivili, bid-differenza li fil-liġi amministrattiva l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat u fil-proċedimenti ċivili dawn jitħallsu mill-partijiet. Fil-kawżi kollha, l-espert maħtur mill-qorti għandu d-dmir li jwieġeb il-mistoqsijiet li jsirulu mill-qorti (possibbilment wara konsultazzjoni mal-partijiet). Fi proċedimenti quddiem qorti kriminali, jista’ jinħatar espert mill-prosekutur jew mill-imħallef matul l-istadju tal-investigazzjoni. Għal dan il-għan hemm reġistru regolat bil-liġi, u l-esperti jeħtiġilhom jissodisfaw rekwiżiti aktar stretti milli fi proċedimenti ċivili u amministrattivi. L-esperti kollha maħturin mill-qorti għandhom obbligu legali li jirrappurtaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess.

1.a Ħatra minn qorti

Qorti ċivili għandha s-setgħa diskrezzjonali li taħtar espert ex officio jew fuq talba espliċita tal-litiganti jekk il-fatti rilevanti ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti mod ieħor. F’tali każ is-seduta verbali tiġi posposta għal data wara s-sottomissjoni tal-perizja. Il-qorti għandha d-diskrezzjoni fil-prinċipju sabiex taħtar kwalunkwe persuna li hija tqis xierqa sabiex taġixxi bħala espert. Madankollu, kważi l-qrati kollha jaħtru espert mir-reġistru rilevanti. L-espert jeħtieġlu jinnotifika lill-qorti kwalunkwe kunflitt ta’ interess. L-esperti maħtura mill-qorti għandhom aċċess għad-dokumenti relatati mal-kawża. Fi kwistjonijiet ċivili, japplikaw regoli stretti ħafna għall-esperti esterni li jiġu kkonsultati mill-espert maħtur matul l-assenjazzjoni. Pereżempju, il-partijiet jeħtiġilhom ikunu jafu minn qabel liema persuni qed jiġu kkonsultati u liema mistoqsijiet qed jistaqsuhom.

1.b Ħatra mill-partijiet

Meta l-partijiet jaħtru espert, ġeneralment jagħmlu dan fil-bidu tal-proċedimenti legali, bil-ħsieb li jibnu l-każ tagħhom. Il-qorti tista’ tuża rapporti tal-esperti sabiex tiddeċiedi dwar kawża. Fi kwalunkwe ħin fil-proċedimenti, imħallef jista’ jaħtar espert fuq talba tal-partijiet. Kollha għandhom jaħdmu f’konformità mar-regoli u l-kodiċijiet ta’ kondotta applikabbli għall-esperti maħtura mill-qorti.

Iż-żewġ partijiet jistgħu jitolbu l-ħatra ta’ espert partikolari. Ma tapplika l-ebda regola speċjali f’istanzi bħal dawn. Imħallef jista’ jordna liż-żewġ partijiet jaħtru espert uniku, iżda din mhijiex prattika komuni.

2 Proċedura

2.a Proċedura ċivili

Il-qorti timmonitorja l-progress tal-investigazzjoni tal-espert f’termini biss ta’ ġestjoni tal-ħin. Ma hemm l-ebda kontroll tal-kwalità fuq il-prestazzjoni tal-espert u ma ssir l-ebda referenza għall-esperti fis-sentenzi. Madankollu l-StAB jirċievi feedback regolari mill-qrati rigward il-prestazzjoni tal-espert, għalkemm rari jiġi ingaġġat fi proċedimenti ċivili.

Il-partijiet jistgħu jikkontestaw ir-rapport billi jagħmlu dikjarazzjonijiet jew billi jipprovdu kontrorapport. Il-qrati mhumiex marbuta bir-rapport tal-espert iżda ġeneralment jaċċettaw il-fehmiet tal-espert li jkunu ħatru. L-esperti maħtura mill-partijiet għandhom it-tendenza li jkunu anqas influwenti mill-esperti maħtura mill-qorti. Ma hemm l-ebda proċedura li biha l-esperti jiltaqgħu qabel il-proċess jew jiġu kontroeżaminati qabel il-proċess sabiex jiddefinixxu l-kwistjonijiet u biex il-qorti tifhem kwalunkwe differenza.

L-esperti huma permessi li jkunu f’kuntatt mal-partijiet matul il-proċedimenti iżda biss jekk ikun meħtieġ għas-sejbien tal-fatti u fil-preżenza tal-partijiet kollha. Sakemm ma jkunx prekluż milli jagħmel dan mill-istandards professjonali (eż. f’każijiet mediċi), l-espert jeħtieġlu jagħmel laqgħat fil-preżenza tal-partijiet kollha sabiex jiġbor il-kummenti tagħhom.

1. Perizji

In-Netherlands għandu mudell għall-formulazzjoni tal-perizji. L-esperti huma meħtieġa li jipprovdu perizja preliminari u l-partijiet huma intitolati jikkummentaw fuqha. L-espert jeħtieġlu jindirizza l-argumenti tal-partijiet kemm fil-perizja preliminari kif ukoll fil-perizja finali. Il-perizja ma hijiex soġġetta għal xi rekwiżit speċifiku ieħor. Jekk ikun ordnat mill-qorti, l-espert huwa meħtieġ jipproduċi perizja addizzjonali – pereżempju, jekk ikun hemm mistoqsijiet addizzjonali. Il-perizja ġeneralment tiġi ppreżentata bil-miktub iżda tista’ tiġi ppreżentata wkoll verbalment f’seduta fil-qorti.

2. Smigħ fil-qorti

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-qorti tordna lill-espert sabiex jattendi għas-seduta. Dan jista’ jintalab mill-partijiet jew jiġi ordnat mill-qorti. Il-kontroeżami mhuwiex normali.

2.b Diversi

Id-differenzi bejn il-proċeduri ċivili u oħrajn mhumiex sinifikanti.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inkisbet fil-kuntest tal-proġett “Sib Espert” minn punti ta’ kuntatt nazzjonali magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna