Skip to main content

Insolvenza/falliment

Flag of France
Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Kull persuna li teżerċita xi attività kummerċjali jew sengħa, kull bidwi, kull persuna fiżika oħra li teżerċita attività professjonali indipendenti, inkluża professjoni libera soġġetta għal statut legali jew regolatorju jew b’titlu protett, u kull persuna ġuridika irregolata bid-dritt privat, tista’ tkun soġġetta għal proċedimenti ta’ salvagwardja (procédure de sauvegarde), ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja (procédure de redressement judiciaire) jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja (procédure de liquidation judiciaire).

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu għal negozjant uniku (auto-entrepreneur).

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja jistgħu jinfetħu biss għal persuna li tkun qed twettaq attività ekonomika. Fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew likwidazzjoni ġudizzjarja, il-persuna tista’ tkun diġà temmet l-attività tagħha meta jiftħu l-proċedimenti.

L-entitajiet tal-liġi privata li għalihom jistgħu jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza jinkludu kumpaniji kummerċjali, kumpaniji mhux kummerċjali, gruppi ta’ interess ekonomiku, assoċjazzjonijiet, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet professjonali jew kummerċjali u kunsilli tax-xogħol.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza ma jistgħux jinfetħu għal gruppi irregolati bid-dritt privat mingħajr personalità ġuridika, bħal impriżi konġunti jew kumpaniji li qegħdin fil-proċess li jiġu inkorporati.

Il-persuni ġuridiċi kollha irregolati bid-dritt pubbliku wkoll huma esklużi.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja jinfetħu meta d-debitur ikollu diffikultajiet li ma jistgħux jiġu megħluba u fin-nuqqas ta’ waqfien tal-ħlasijiet. Il-proċedimenti ta’ salvagwardja jiffaċilitaw ir-riorganizzazzjoni tan-negozju sabiex ikun jista’ jkompli bl-attivitajiet tiegħu, jissalvagwardja l-impjiegi u jsalda d-djun.

Negozju li jkun żgura l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ konċiljazzjoni mingħajr il-qbil tal-kredituri kollha u li jagħti prova li tfassal abbozz ta’ pjan li se jiżgura l-kontinwità tan-negozju jista’ jkun eliġibbli għal proċedimenti ta’ salvagwardja aċċellerati. Dawn il-proċedimenti aċċellerati huma miftuħa biss għal negozji li l-kontijiet tagħhom huma ċċertifikati minn awditur jew imfassla minn kontabilist awtorizzat.

Il-fatt li d-debitur waqqaf il-pagamenti ma jikkostitwixxix ostaklu għall-ftuħ ta’ proċedimenti aċċellerati ta’ salvagwardja, dment li din is-sitwazzjoni ma tippreċedix it-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ konċiljazzjoni b’aktar minn 45 jum.

Ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tinbeda meta d-debitur, minħabba li ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-obbligazzjonijiet kurrenti tiegħu bl-assi disponibbli tiegħu, jieqaf iħallas.

Ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja għandha l-għan li żżomm l-attività tan-negozju, tissalvagwardja l-impjiegi u tikklerja l-obbligazzjonijiet. Il-maniġer tan-negozju jrid jitlob din il-proċedura fi żmien 45 jum mill-waqfien tal-pagamenti.

Il-likwidazzjoni ġudizzjarja tinfetaħ meta l-impriża tieqaf tħallas u meta r-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tkun evidentement impossibbli.

Id-debitur biss jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja.

Għall-kuntrarju, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja jista’ jintalab mhux biss mid-debitur, iżda wkoll minn kreditur jew mill-prosekutur pubbliku, bil-kundizzjoni li ma jkunux għaddejjin proċedimenti ta’ konċiljazzjoni (procédure de conciliation — proċedimenti ta’ pre-insolvenza).

Is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza tidħol fis-seħħ mid-data tas-sentenza, jiġifieri l-jum li fih tinħareġ. Is-sentenza għandha effett erga omnes immedjat.

Is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza tiġi nnotifikata lid-debitur fi żmien 8 ijiem mid-data tagħha u tiġi kkomunikata lill-prattikanti fl-insolvenza u lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, inkluż fl-Istati Membri l-oħra fejn id-debitur ikollu stabbiliment.

Fi żmien 15-il jum mid-data tal-ħruġ tagħha, is-sentenza tiddaħħal fir-reġistru kummerċjali u tal-kumpaniji, fir-reġistru tal-kummerċ jew f’reġistru speċjali miżmum fir-reġistru tal-qorti reġjonali.

Silta mis-sentenza tiddaħħal fil-Bodacc (Gazzetta uffiċjali tal-Avviżi Ċivili u Kummerċjali) u fil-gazzetta tal-avviżi legali tal-post tas-sit jew tal-indirizz tan-negozju tad-debitur.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

L-assi kollha tad-debitur huma soġġetti għall-proċedimenti ta’ falliment.

Fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-assi ta’ dik il-persuna biss huma involuti.

Jekk id-debitur ikun imprenditur individwali, ikunu involuti wkoll l-assi personali tiegħu.

Madankollu, ir-residenza prinċipali ta’ imprenditur individwali involut f’attività kummerċjali, industrijali, artiġġjanali, agrikola jew libera ma tistax tinqabad mill-kredituri professjonali.

Art u bini ieħor mhux użat għal skopijiet ta’ negozju jista’ jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ eżenzjoni mill-qbid. Din id-dikjarazzjoni, li trid issir permezz ta’ dikjarazzjoni notarili ppubblikata, hija effettiva biss fir-rigward tal-kredituri professjonali li d-drittijiet tagħhom jinħolqu wara l-pubblikazzjoni.

Il-fatt li r-residenza prinċipali tad-debitur hija eżenta mill-qbid mill-kredituri professjonali huwa maħsub biex jipproteġi lid-debitur u lill-familja tiegħu.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Iżvestiment tad-debitur

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja 

Fejn ikunu nfetħu proċedimenti ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ma jkunx diżvestit u jkompli jamministra n-negozju tiegħu

Taħt proċedimenti ta’ salvagwardja, il-qorti tista’ taħtar amministratur biex jissorvelja jew jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tiegħu tan-negozju, skont il-mandat definit mill-qorti fis-sentenza. F’ċerti każijiet (negozji b’mill-inqas 20 impjegat u fatturat minbarra t-taxxi ta’ mill-inqas EUR 3 miljun) dik il-ħatra hija obbligatorja.

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tista’ taħtar ukoll amministratur (administrateur judiciaire) li se jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tiegħu jew imexxi n-negozju huwa stess, kompletament jew parzjalment, minflok id-debitur. Dik il-ħatra hija obbligatorja fl-istess każijiet bħal fil-proċedimenti ta’ salvagwardja.

Likwidazzjoni ġudizzjarja 

F’każ li jinfetħu proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, id-debitur jiġi żvestit mill-ġestjoni u mid-dispożizzjoni tal-proprjetà tiegħu. Il-likwidatur (liquidateur) jeżerċita d-drittijiet tad-debitur u jwettaq azzjonijiet fir-rigward tal-assi tan-negozju tiegħu. Għalhekk, il-likwidatur jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur.

Il-prattikanti fl-insolvenza

Il-prattikanti fl-insolvenza huma aġenti tal-ġustizzja taħt is-superviżjoni tal-prosekutur pubbliku li jappartjenu għal professjonijiet irregolati.

Dawn il-professjonisti liberi speċjalizzati jridu jkunu rreġistrati f’listi nazzjonali u jissodisfaw kundizzjonijiet stretti ta’ kapaċità u moralità.

Jistgħu jinħatru wkoll persuni li mhumiex irreġistrati fil-listi iżda li għandhom esperjenza jew kwalifika partikolari fir-rigward tal-każ.

Il-prattikanti fl-insolvenza jinħatru mill-qorti meta jinfetħu l-proċedimenti.

Il-prattikanti fl-insolvenza huma soġġetti għal responsabbiltà ċivili u kriminali skont id-dritt komuni.

Il-ħlas lill-prattikanti huwa stabbilit skont rati ffissati b’digriet; l-imħallef imbagħad jimponi dan l-ammont ta’ remunerazzjoni fuq id-debitur.

Is-setgħat tal-prattikanti fl-insolvenza u tad-debitur

L-amministratur maħtur mill-qorti 

Fil-prinċipju, il-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja taħtar amministratur, li jista’ jkun propost mid-debitur fil-proċedimenti ta’ salvagwardja, jew mill-prosekutur pubbliku.

Mhuwiex obbligatorju li jinħatar amministratur jekk id-debitur ikollu forza tax-xogħol ta’ inqas minn 20 impjegat u jekk il-fatturat tiegħu minbarra t-taxxi jkun inqas minn EUR 3 miljun.

Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja aċċellerati, il-ħatra ta’ amministratur hija dejjem obbligatorja.

Skont il-proċedimenti ta’ salvagwardja, id-debitur ma jkunx diżvestit u jkompli jiddisponi mill-assi tiegħu u jimmaniġġjahom, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

Meta jinħatar, l-amministratur maħtur mill-qorti jissorvelja jew jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tan-negozju tiegħu, skont il-mandat definit mill-qorti.

Skont proċeduri ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, l-amministratur maħtur mill-qorti jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tiegħu jew imexxi n-negozju huwa stess, b’mod sħiħ jew parzjali, minflok id-debitur.

L-amministratur maħtur mill-qorti jrid jagħmel l-atti meħtieġa biex jippreserva d-drittijiet tal-impriża kontra d-debituri tagħha u l-atti meħtieġa biex jippreserva l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, jew iqabbad lid-debitur jagħmilhom.

L-amministratur maħtur mill-qorti huwa mogħti setgħat speċifiċi, bħal li jopera taħt il-firma tiegħu l-kontijiet bankarji ta’ debitur li ġie pprojbit milli joħroġ ċekkijiet, li jirrikjedi l-kontinwazzjoni ta’ kuntratti attwali u li jimplimenta is-sensji meħtieġa.

Ir-riċevitur maħtur mill-qorti 

Huwa obbligatorju għall-qorti li taħtar riċevitur (mandataire judiciaire) fi kwalunkwe proċedimenti kollettivi.

Huwa għandu l-kompitu li jirrappreżenta lill-kredituri u l-interess kollettiv tagħhom.

Dan jagħmel lista ta’ pretensjonijiet iddikjarati, inklużi pagi, bil-proposti tiegħu ta’ ammissjoni, ta’ rifjut jew ta’ rinviju quddiem il-qorti kompetenti, u jibgħat il-lista lill-imħallef tal-falliment.

Il-likwidatur 

Fis-sentenza ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, il-qorti taħtar likwidatur. Il-likwidatur huwa riċevitur maħtur mill-qorti jew, inqas ta’ spiss, persuna b’esperjenza jew kwalifika partikolari.

Il-likwidatur irid jivverifika l-pretensjonijiet u jillikwida l-assi tad-debitur sabiex iħallas lill-kredituri.

Huwa jieħu ħsieb jagħti s-sensji u jista’ jagħżel li jkompli l-kuntratti kurrenti.

Huwa jirrappreżenta lid-debitur diżvestit u b’hekk jeżerċita l-parti l-kbira tad-drittijiet tiegħu u jwettaq il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet relatati ma’ dawn l-assi matul proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja. Madankollu, ma jistax jeżerċita d-drittijiet mhux ekonomiċi tad-debitur.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

It-tpaċija hija mod ta’ kumpens għall-obbligi reċiproċi sal-inqas waħda.

Tista’ tinħadem biss bejn żewġ persuni simetrikament kredituri u debituri reċiproċi ta’ xulxin.

Għaldaqstant, din tirriżulta f’pagament reċiproku iqsar bejn il-pretensjonijiet reċiproċi.

Fil-prinċipju huwa pprojbit li d-debitur iħallas il-pretensjonijiet kollha li joriġinaw qabel is-sentenza tal-ftuħ tas-salvagwardja jew tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Madankollu, il-projbizzjoni tal-ħlas ta’ pretensjonijiet preċedenti titneħħa għall-ħlas ta’ pretensjonijiet relatati permezz ta’ tpaċija. Il-pretensjonijiet reċiproċi tal-istess natura li jirriżultaw jew li joriġinaw mill-eżekuzzjoni jew minn nuqqas ta’ prestazzjoni tal-istess kuntratt jew grupp ta’ kuntratti jitqiesu li huma relatati.

Jekk pretensjoni relatata ma’ pretensjoni preċedenti tinħoloq wara s-sentenza tal-ftuħ, din tista’ titħallas, bi tpaċija għall-pretensjoni preċedenti, diment li din tal-aħħar tkun ġiet iddikjarata.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-proċedura ta’ kontinwazzjoni tal-kuntratti kurrenti

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment ma għandux jaffettwa l-eżistenza ta’ kuntratti bejn id-debitur u l-imsieħba tiegħu (fornituri, klijenti) fil-jum li fih jinbdew il-proċedimenti.

Il-kuntratt attwali huwa kuntratt li jeżisti u li jkun għadu għaddej meta jinfetħu l-proċedimenti, kuntratt ta’ eżekuzzjoni suċċessiva li ma jkunx skada f’dik id-data jew kuntratt ta’ eżekuzzjoni istantanja li jkun diġà ġie konkluż iżda li jkun għadu ma ġiex eżegwit.

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-kuntratti attwali ma japplikawx għal kuntratti ta’ impjieg.

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Fil-prinċipju, il-kuntratti jitkomplew awtomatikament.

Għalhekk, is-sieħeb kontraenti jrid jissodisfa l-obbligi tiegħu minkejja n-nuqqas tad-debitur li jwettaq l-impenji qabel is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti.

Is-servizzi pprovduti wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti se jitħallsu fid-data tal-maturità.

L-amministratur maħtur mill-qorti biss għandu għażla bbażata fuq l-ordni pubbliku li tippermettilu jitlob li l-kuntratt jitkompla soġġett għall-ħlas tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti lilu.

Fin-nuqqas ta’ amministratur maħtur mill-qorti, id-debitur jista’ jitlob il-prestazzjoni tal-kuntratti attwali, bil-kunsens tar-riċevitur maħtur mill-qorti.

L-amministratur maħtur mill-qorti għandu wkoll l-għażla li jtemm il-kuntratt li għandu jitwettaq jew il-ħlas bin-nifs meta huwa jistabbilixxi li ma jkollux biżżejjed fondi biex jissodisfa l-obbligi tad-debitur.

Is-sieħeb kontraenti jista’ jagħti avviż formali lill-amministratur maħtur mill-qorti (jew id-debitur, fin-nuqqas ta’ amministratur) biex jiddeċiedi dwar il-futur tal-kuntratt.

Il-kuntratt attwali jiġi tterminat awtomatikament jekk l-amministratur maħtur mill-qorti (jew id-debitur) ma jkunx wieġeb għall-avviż formali wara xahar.

L-istess japplika fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas u fin-nuqqas ta’ ftehim mill-imsieħeb kontraenti li jitkomplew ir-relazzjonijiet kuntrattwali.

L-amministratur maħtur mill-qorti (jew id-debitur, fin-nuqqas ta’ amministratur) jista’ wkoll jitlob lill-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment biex jordna t-tmiem tal-kuntratt attwali jekk it-terminazzjoni tkun meħtieġa biex jiġi salvagwardat jew jirriabilitat id-debitur, u salv jekk dan ma jkunx ta’ ħsara eċċessiva għall-interessi tas-sieħeb kontraenti.

Likwidazzjoni ġudizzjarja

Bħal fi proċedimenti ta’ salvagwardja u ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, fil-prinċipju jinżammu l-kuntratti attwali kollha. Għalhekk, is-sieħeb kontraenti jrid jissodisfa l-obbligi tiegħu minkejja n-nuqqas tad-debitur li jwettaq l-impenji qabel is-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti.

Is-servizzi pprovduti wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti se jitħallsu fid-data tal-maturità.

Il-likwidatur biss jista’ jeħtieġ il-prestazzjoni tal-kuntratti attwali billi jipprovdi s-servizz imwiegħed lid-debitur.

Is-sieħeb kontraenti jista’ jagħti avviż formali lil-likwidatur biex jiddeċiedi dwar il-futur tal-kuntratt. Il-kuntratt jintemm awtomatikament jekk il-likwidatur ma jkunx wieġeb għall-avviż formali wara xahar.

Fejn ikun hemm xi ħaġa oħra barra mill-ħlas ta’ somma flus, il-likwidatur jista’ jitlob ukoll lill-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment biex jordna t-tmiem tal-kuntratt jekk dan ikun meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni u ma jagħmilx ħsara eċċessiva lill-interessi tas-sieħeb kontraenti.

It-trasferiment tal-kuntratti kurrenti

Fil-każ ta’ salvagwardja, proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew likwidazzjoni ġudizzjarja, jekk tiġi ordnata ċessjoni sħiħa jew parzjali tal-impriża, il-qorti tista’ tiddetermina l-kuntratti għal lokazzjoni, kiri jew forniment ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għat-tkomplija tan-negozju li għandhom jiġu assenjati.

Is-sieħeb kontraenti li l-kuntratt tiegħu ma jkunx ġie hekk assenjat jista’ jitlob lill-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment biex jiddikjara l-kuntratt itterminat jekk l-eżekuzzjoni ulterjuri tiegħu ma tkunx meħtieġa mill-amministratur jew mid-debitur fin-nuqqas ta’ amministratur jew likwidatur.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment, il-kredituri huma mitluba li jasserixxu d-drittijiet tagħhom kontra d-debitur esklussivament fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment u ma jistgħux jaġixxu b’mod individwali bi ħlas kontra d-debitur.

Is-sentenza tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba insuffiċjenza ta’ assi ma tagħtix id-dritt lill-kredituri li jieħdu azzjonijiet individwali kontra d-debitur.

Hemm eċċezzjoni għal din ir-regola:

  • fil-każ ta’ azzjonijiet li jinvolvu proprjetà akkwistata taħt suċċessjoni miftuħa matul il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja;
  • meta l-pretensjoni toriġina minn ksur li għalih id-debitur ikun instab ħati jew meta tinvolvi drittijiet marbuta mal-persuna tal-kreditur;
  • meta l-pretensjoni toriġina minn prattiċi frodulenti mwettqa kontra l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali. L-oriġini frodulenti tal-pretensjoni tiġi stabbilita jew b’deċiżjoni tal-qorti, jew minn piena imposta minn awtorità tas-sigurtà soċjali.

Il-kredituri jirkupraw ukoll id-dritt tagħhom ta’ proċedimenti individwali f’każijiet fejn:

  • jiġi ddikjarat il-falliment personali tad-debitur;
  • id-debitur kien rikonoxxut ħati ta’ falliment frodulenti;
  • id-debitur, jew il-persuna ġuridika taħt il-ġestjoni tiegħu, ikun ingħata l-għeluq fil-5 snin preċedenti fuq il-bażi ta’ assi insuffiċjenti jew tħassir ta’ dejn;
  • il-proċedimenti nfetħu bħala proċedimenti territorjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment.

Barra minn hekk, f’każ ta’ frodi fir-rigward ta’ kreditur jew diversi kredituri, il-qorti tawtorizza l-issoktar tal-azzjonijiet individwali ta’ kwalunkwe kreditur kontra d-debitur. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-għeluq tal-proċedimenti wara li tkun semgħet jew debitament ħarrket lid-debitur, lil-likwidatur u lill-kontrolluri. Hija tista’ tiddeċiedi sussegwentement, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, taħt l-istess kundizzjonijiet.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Is-sentenza tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment tinterrompi jew tipprojbixxi l-proċedimenti mibdija kontra d-debitur għall-ħlas ta’ somma flus jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt għal inadempjenza fil-ħlas ta’ somom ta’ flus.

Il-proċedimenti ta’ infurzar u l-miżuri kawtelatorji li jkunu għaddejjin jiġu sospiżi wkoll.

L-azzjoni tal-kredituri li aġixxew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti kollettivi tiġi interrotta jew sospiża.

Għaldaqstant il-kredituri kollha preċedenti huma kkonċernati, kemm jekk jibbenefikaw jew le minn garanziji.

L-interruzzjoni u l-projbizzjoni tal-proċedimenti japplikaw għall-proċedimenti kollha ta’ falliment.

Il-proċedimenti pendenti jiġu interrotti sakemm il-kreditur ikun iddikjara l-pretensjoni tiegħu.

Dawn imbagħad jissoktaw b’mod awtomatiku, iżda biss biex jikkonfermaw il-pretensjoni u jiffissaw l-ammont tagħha, u mhux biex tingħata sentenza kontra d-debitur.

Il-kawżi u l-proċedimenti ta’ infurzar għajr dawk li jitolbu l-ħlas ta’ somma ta’ flus jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ somom ta’ flus jitkomplew waqt li d-debitur ikun taħt osservazzjoni, wara t-tgħaqqid tar-riċevitur maħtur mill-qorti u tal-amministratur maħtur mill-qorti fejn id-dmirijiet tiegħu jkunu li jassisti jew jirrappreżenta lid-debitur, jew wara t-tkomplija tal-proċedimenti fuq l-inizjattiva tar-riċevitur maħtur mill-qorti jew tal-amministratur maħtur mill-qorti.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja 

Fid-dawl tal-adozzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja, il-kredituri jiġu kkonsultati dwar il-perjodi ta’ ħlas jew il-kanċellazzjoni tad-dejn.

Il-proposti jintbagħtu mill-amministratur maħtur mill-qorti (jew mid-debitur fin-nuqqas ta’ amministratur) lir-riċevitur maħtur mill-qorti li jirrappreżenta lill-kredituri.

Ir-riċevitur uffiċjali jiġbor individwalment jew kollettivament il-kunsens ta’ kull kreditur li ddikjara l-pretensjoni tiegħu.

Ir-riċevitur uffiċjali mhuwiex obbligat li jikkonsulta lill-kredituri li t-termini tal-ħlas tagħhom mhumiex ser ikunu affettwati mill-pjan propost jew li l-pjan jipprovdilhom ħlas sħiħ fi flus kontanti malli jiġi ordnat il-pjan jew jiġu ammessi l-pretensjonijiet.

Il-kumitati tal-kredituri

Meta debitur ikollu aktar minn 150 ħaddiem u l-fatturat ikun ta’ aktar minn EUR 20 miljun, jiġu maħluqa kumitati ta’ kredituri li jiddeċiedu dwar l-abbozz tal-pjanijiet ta’ approvazzjoni tal-obbligazzjonijiet. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet taħt dawk il-limiti massimi.

Il-kumitati tal-kredituri jiġbru f’laqgħat separati diversi kategoriji ta’ kredituri li jiġu ppreżentati bi proposti li jkunu jistgħu jiddiskutu dwarhom u li fuqhom jiddeċiedu b’mod kollettiv, jiġifieri l-kredituri fil-minoranza jkollhom joqogħdu għad-deċiżjoni tal-kredituri fil-maġġoranza.

Hemm kumitat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu magħmul minn kumpaniji finanzjarji u istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet simili, u kumitat kompost mill-fornituri prinċipali ta’ prodotti jew servizzi. Meta jkun hemm detenturi ta’ bonds, jintlaqa’ grupp ġenerali magħmul mill-kredituri kollha li jkollhom bonds maħruġa fi Franza jew f’pajjiż barrani biex jiddiskuti dwar l-abbozz tal-pjan adottat mill-kumitati tal-kredituri.

Il-kumitati tal-kredituri jridu jkunu kkonsultati mill-amministratur maħtur mill-qorti dwar l-abbozz tal-pjan u jivvutaw favur pjan qabel il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha.

Fil-preżenza tal-kumitati tal-kredituri, kwalunkwe kreditur membru ta’ kumitat jista’ jagħmel proposti alternattivi għall-abbozz tal-pjan ippreżentat mid-debitur.

L-abbozz ta’ pjan jista’ għalhekk joriġina mid-debitur (possibbilment bl-assistenza tal-amministratur maħtur mill-qorti), jew, fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, mal-amministratur bl-assistenza tad-debitur, iżda jista’ ikun ukoll inizjattiva mill-kredituri li huma membri tal-kumitat. Il-pjan adottat mill-kumitati u, jekk ikun differenti, il-pjan imfassal mid-debitur jew mill-amministratur, jistgħu mbagħad jiġu ppreżentati lill-qorti fl-istess ħin.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

L-assi tad-debitur jistgħu jiġu realizzati b’ċessjoni totali jew parzjali tan-negozju jew f’ċessjonijiet individwali. Dawn it-tranżazzjonijiet huma suġġetti għal regoli differenti.

Iċ-ċessjoni ta’ negozju jiġi ordnat mill-qorti; ma jiġix imwettaq mill-prattikanti fl-insolvenza.

Iċ-ċessjoni ta’ negozju jista’ ikun parzjali biss fil-każ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja. Huwa parzjali jew totali fil-każ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja.

Fit-tali każijiet, il-qorti tagħti deċiżjoni li tistabbilixxi l-perjodu li fih l-offerti ta’ akkwist iridu jintbagħtu lir-riċevitur, lil-likwidatur jew lill-amministratur f’każ li dawn ikunu ġew maħtura mill-qorti. L-offerti jridu jkunu bil-miktub u jkun fihom ċerti elementi ta’ informazzjoni obbligatorji.

Iċ-ċessjoni individwali tal-assi hija suġġetta għal regoli differenti.

Matul il-perjodu ta’ salvagwardja u ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, meta d-debitur ma jiġix diżinvestit, huwa jista’ jkompli jiddisponi mill-assi tiegħu waħdu soġġett għar-responsabbiltajiet tal-amministratur.

Jekk id-disponiment li jinvolvi l-bejgħ tal-assi ma jaqax taħt il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju, huwa jrid jikseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment.

Matul il-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur jerġa’ jieħu kontroll sħiħ tal-assi tiegħu.

Fil-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, il-likwidatur irid jikseb l-awtorizzazzjoni tal-imħallef fil-proċedimenti tal-falliment biex jittrasferixxi l-assi.

Il-proprjetà immobbli tinbiegħ permezz ta’ ordni mill-qorti. L-imħallef fil-proċedimenti tal-falliment jistabbilixxi l-prezz ta’ riżerva u l-kundizzjonijiet bażiċi tal-bejgħ. Huwa jista’ jawtorizza wkoll bejgħ bis-subbasta bi prezz ta’ riżerva li huwa jistabbilixxi. Fl-aħħar nett, huwa jista’ jawtorizza bejgħ privat bi prezz u abbażi ta’ kundizzjonijiet stabbiliti minnu.

Il-likwidatur imbagħad jalloka r-rikavat mill-bejgħ skont il-gradazzjoni tal-kredituri.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-pretensjonijiet kollha li nħolqu qabel is-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti jridu jiġu ddikjarati, tkun xi tkun in-natura jew ikun xi jkun il-karattru tagħhom: kummerċjali, ċivili, amministrattivi (Teżor, istituzzjonijiet tal-assistenza soċjali u tas-sigurtà soċjali) jew penali (multa); mhux garantiti jew preferenzjali, dovuti jew pagabbli f’data futura, ċerti jew kondizzjonali. L-impjegati biss huma eżentati milli jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom.

Il-pretensjonijiet li jinħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet ta’ twettiq tal-proċedimenti jew bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur għall-attività professjonali tiegħu, jitħallsu fid-data tal-maturità tagħhom.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-kredituri kollha li l-pretensjoni tagħhom tkun inħolqot qabel is-sentenza tal-ftuħ għandhom jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom lir-riċevitur uffiċjali f’każ ta’ salvagwardja jew riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jew lil-likwidatur fil-każ ta’ likwidazzjoni.

Il-limitu ta’ żmien għad-dikjarazzjoni huwa ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni legali tas-sentenza tal-ftuħ.

Id-debitur jista’ wkoll jiddikjara huwa stess il-pretensjoni minn wieħed mill-kredituri tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet.

Id-dikjarazzjoni tirrigwarda wkoll ċerti pretensjonijiet li jirriżultaw wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti li mhumiex ikkunsidrati preferenzjali minħabba l-użu tagħhom għall-impriża jew għall-finijiet tal-proċedimenti.

Id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni trid tindika l-ammonti dovuti u pagabbli, id-dati tal-maturità, in-natura tad-dritt preferenzjali jew tal-kollateral eżistenti u l-metodu għall-kalkolu tal-imgħax.

Id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni ma għandha ebda forma partikolari meħtieġa. Id-dikjarazzjoni trid tesprimi, minnha nfisha u b’mod inekwivoku, l-intenzjoni tal-kreditur li jitlob il-ħlas tal-pretensjoni tiegħu, li jidher fid-dikjarazzjoni tal-pretensjonijiet u li jipparteċipa fil-proċedimenti.

Wara li jkun ikkonsulta lid-debitur, ir-riċevitur uffiċjali jfassal il-lista ta’ pretensjonijiet iddikjarati flimkien mal-proposti tiegħu ta’ ammissjoni, rifjut jew referenza lill-qorti kompetenti.

Din il-lista tintbagħat lill-imħallef u lill-amministratur maħtur mill-qorti.

Meta pretensjoni jew l-ammont tagħha jiġu kkontestati, l-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment jivverifika l-eżistenza, l-ammont u n-natura tagħha, skont l-evidenza pprovduta mill-awtur tad-dikjarazzjoni u, fejn xieraq, l-evidenza pprovduta minn dawk li jinstemgħu u mir-riċevitur maħtur mill-qorti.

Il-kredituri li ma jkunux iddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom fil-limiti ta’ żmien jiġu esklużi u ma jistgħux jipparteċipaw fid-distribuzzjoni jew jitolbu dividendi fil-każ tal-adozzjoni ta’ pjan jew il-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur. Huma jistgħu jitolbu lill-imħallef fil-proċedimenti ta’ falliment biex titneħħa l-esklużjoni tagħhom. Jekk l-esklużjoni tagħhom titneħħa, huma jistgħu jipparteċipaw fid-distribuzzjonijiet sussegwenti għar-rikors tagħhom.

Proċedimenti ta’ salvagwardja u ta’ salvagwardja finanzjarja aċċellerati

Fi proċedimenti ta’ salvagwardja aċċellerati, id-debitur ifassal il-lista ta’ pretensjonijiet ta’ kull kreditur li jkun ipparteċipa fil-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni li jridu jiġu ddikjarati. Il-lista hija ċċertifikata mill-awditur tad-debitur jew kontabilist awtorizzat u ppreżentata fir-reġistru tal-qorti. Dan jikkostitwixxi dikjarazzjoni f’isem il-kredituri jekk ma jagħmlux waħda huma stess. Ir-riċevitur uffiċjali jibgħat lil kull kreditur is-silta tal-lista li tirrigwarda l-pretensjoni tiegħu.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Kreditur privileġġjat igawdi minn garanzija li tassigura ħlas prijoritarju mid-debitur fuq il-kredituri ordinarji l-oħrajn li mhumiex garantiti f’każ li jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fil-konfront tad-debitur.

Għalhekk kreditur jista’ ikollu status privileġġjat:

  • għaliex għandu garanzija mingħand id-debitur tiegħu jew li kiseb fil-qorti, jew
  • għaliex il-liġi tagħtih id-dritt ta’ privileġġ minħabba l-istatus tiegħu.

Il-kredituri privileġġjati mhumiex kollha l-istess. Meta jkun hemm diversi kredituri privileġġjati li qed jikkompetu, dawn jitħallsu f’ordni stabbilita bil-liġi, imma dejjem qabel il-kredituri mhux garantiti.

Il-kredituri mhux garantiti jitħallsu mill-assi li jifdal tad-debitur wara li jkunu tħallsu l-kredituri privileġġjati. Id-distribuzzjoni ssir fuq bażi prorata.

Il-gradi ta’ privileġġi

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja 

Il-likwidazzjoni tar-rikavat mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet “superprivileġġjati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar 60 jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti.
  2. L-ispejjeż tal-qorti li jinħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż relatati mal-konservazzjoni, il-likwidazzjoni tal-assi u t-tqassim tar-rikavat fost il-kredituri (spejjeż ta’ inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni ta’ rappreżentanti maħtura mill-qorti, eċċ.).
  3. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: jibbenefikaw lill-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli.
  4. Privileġġ ta’ pretensjonijiet li jinħolqu wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali.
  5. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ ġenerali tal-ħaddiema: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sitt xhur ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ.
  6. Pretensjonijiet garantiti minn privileġġ speċjali jew minn ipoteka.
  7. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Il-likwidazzjoni tar-rikavat mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet garantiti minn kollateral speċjali garantit fuq proprjetà mobbli b’rahan.
  2. Pretensjonijiet “superprivileġġjati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar 60 jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti.
  3. L-ispejjeż tal-qorti li jinħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż relatati mal-konservazzjoni, il-likwidazzjoni tal-assi u t-tqassim tar-rikavat fost il-kredituri (spejjeż ta’ inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni ta’ rappreżentanti maħtura mill-qorti, eċċ.).
  4. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: jibbenefikaw lill-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli.
  5. Privileġġ ta’ pretensjonijiet li jinħolqu wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali.
  6. Privileġġ tat-Teżor.
  7. Pretensjonijiet garantiti minn kollateral speċjali garantit fuq proprjetà mobbli mingħajr rahan.
  8. Pretensjonijiet garantiti minn kollaterali ġenerali garantiti oħra fuq proprjetà mobbli.
  9. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Likwidazzjoni ġudizzjarja 

Il-likwidazzjoni tar-rikavat mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet “superprivileġġjati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar 60 jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti.
  2. L-ispejjeż tal-qorti li jinħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż tal-inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni tar-rappreżentanti maħtura mill-qorti.
  3. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: jibbenefikaw lill-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli.
  4. Pretensjonijiet garantiti minn kollaterali speċjali fuq proprjetà immobbli.
  5. Privileġġ ta’ pretensjonijiet li jinħolqu wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali.
  6. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Il-likwidazzjoni tar-rikavat mill-bejgħ ta’ proprjetà mobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet garantiti minn kollateral speċjali garantit fuq proprjetà mobbli b’rahan.
  2. Pretensjonijiet “superprivileġġjati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar 60 jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti.
  3. L-ispejjeż tal-qorti li jinħolqu b’mod debitu wara s-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż tal-inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni tar-rappreżentanti maħtura mill-qorti.
  4. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni:
  5. Privileġġ ta’ pretensjonijiet li jinħolqu wara s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali.
  6. Pretensjonijiet garantiti minn ipoteka trasferibbli jew pretensjonijiet garantiti permezz ta’ rahan fuq it-tagħmir jew l-għodda.
  7. Privileġġ tat-Teżor.
  8. Pretensjonijiet garantiti minn kollateral speċjali garantit fuq proprjetà mobbli mingħajr rahan.
  9. Privileġġi ġenerali oħra fuq proprjetà mobbli (l-Artikolu 2331 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil)) u privileġġ ġenerali tal-pagi.
  10. Pretensjonijiet mhux garantiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja u ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja inbdew biex, permezz ta’ pjan, il-kumpanija tiġi salvagwardjata, l-attività u l-impjiegi jinżammu u d-djun jiġu kklerjati. Pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jista’ jiġi deċiż biss jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.

Id-debitur, f’każ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja, jew l-amministratur, f’każ ta’ proċedimenti ta’riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jew kreditur jekk ikunu ġew mfassla xi kumitati tal-kredituri, ifassal l-abbozz tal-pjan jekk ikun hemm possibbiltà reali biex l-impriża tiġi salvagwardjata. Dan jinkludi tliet komponenti:

  • komponent ekonomiku u finanzjarju li jiddetermina l-prospetti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja skont il-possibiltajiet u l-forom ta’ attivitajiet, il-kundizzjonijiet tas-suq u l-mezzi finanzjarji disponibbli;
  • definizzjoni tat-termini tas-saldu tad-dejn u tal-garanziji eventwali li l-kap tal-impriża jrid jieħu biex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu;
  • komponent soċjali, li fih huwa jiddeskrivi u jiġġustifika l-livell u l-prospetti ta’ impjiegi kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali previsti għall-issoktar tan-negozju. Meta l-abbozz tal-pjan jinvolvi sensji għal raġunijiet ekonomiċi, għandu jfakkar il-miżuri li diġà ttieħdu u jispjega l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiffaċilitaw it-tibdil fl-impjiegi u l-kumpens lill-ħaddiema li l-impjieg tagħhom jinsab f’riskju.

Il-pjan għandu jsemmi l-impenji kollha meħuda mill-persuni responsabbli għat-twettiq tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tal-impriża u li huma meħtieġa għaliha.

Il-qorti mbagħad tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-pjan ippreżentat lilha mid-debitur jew minn kreditur.

Id-deċiżjoni tal-qorti li tistabbilixxi pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew pjan ta’ bejgħ hija deċiżjoni ġudizzjarja. Il-pjan għandu jippreżenta wkoll aspett kuntrattwali, jekk ikunu ġew iffurmati kumitati ta’ kredituri.

Pjan ma jistax idum aktar minn 10 snin, u minn 15-il sena fil-każ tal-bdiewa.

Il-qorti taħtar lill-amministratur jew lir-riċevitur biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan matul id-durata tiegħu.

L-ordni tal-pjan ittemm il-perjodu ta’ osservazzjoni. Id-debitur jerġa’ jieħu l-pussess tal-proprjetà tiegħu, u jista’ jerġa’ jmexxi l-impriża tiegħu, soġġett għal miżuri li l-qorti tkun imponietlu fil-pjan.

Fil-fatt id-debitur irid jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-pjan fl-aspetti kollha tiegħu.

Inkella, f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-impenji tiegħu jew f’każ li jieqfu l-pagamenti waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ikun f’riskju li l-pjan jiġi kkanċellat u jerġgħu jibdew il-proċedimenti.

Konverżjoni f’likwidazzjoni

Il-likwidazzjoni tista’ tiġi deċiża waqt jew wara l-perjodu ta’ osservazzjoni mibdi permezz ta’ sentenza ta’ salvagwardja jew sentenza ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Il-qorti trid tordna l-likwidazzjoni, meta jkun impossibbli li l-impriża tkompli jew meta pjan ta’ bejgħ ma jistax jiġi ordnat fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Tmiem tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja jekk:

  • ma għadx hemm obbligazzjonijiet kurrenti, jew
  • il-likwidatur ikollu somom suffiċjenti biex jissodisfa lill-kredituri, jew
  • il-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja ssir impossibbli minħabba li l-assi disponibbli ma jkunux suffiċjenti, jew tkun sproporzjonata għad-diffikultajiet fil-likwidazzjoni tal-assi.

Tmiem tal-obbligi tad-debitur li huwa persuna fiżika f’likwidazzjoni ġudizzjarja

Id-debitur jiġi żvestit mill-jum li fih tiġi ddikjarata l-likwidazzjoni ġudizzjarja sal-għeluq tal-likwidazzjoni. F’dak il-punt, id-drittijiet tad-debitur jiġu stabbiliti mill-ġdid u huwa jkun jista’ jerġa’ iwettaq il-miżuri.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

It-tmiem tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ma jippermettix lill-kredituri li ma kinux iddikjaraw il-pretensjoni tagħhom li jipproċedu kontra d-debitur.

Il-bidu eċċezzjonali ta’ proċedimenti individwali huwa previst espressament biss meta l-likwidazzjoni ġudizzjarja tkun magħluqa minħabba l-insuffiċjenza tal-assi.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż u l-ispejjeż tal-proċedimenti għandhom jitħallsu mill-impriża soġġetta għall-proċedimenti ta’ falliment.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Meta l-qorti tiftaħ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, id-data tal-waqfien tal-ħlasijiet tad-debitur bħala prinċipju titqies li sseħħ fid-data tas-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti.

Madankollu l-qorti għandha l-possibbiltà li tiffissa d-data ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet għal data preċedenti sa 18-il xahar mid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Il-perjodu ta’ bejn id-data tal-waqfien tal-ħlasijiet u d-data tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja f’dan il-każ jissejjaħ “perjodu ta’ suspett”.

Ċerti atti mwettqa mid-debitur matul il-perjodu suspettat li jidhru li huma frodulenti jistgħu jiġu annullati.

Il-kawża ta’ annullament tal-atti li seħħew waqt il-perjodu ta’ suspett hija fil-kompetenza esklussiva tal-qorti responsabbli mill-proċedimenti.

Il-kawża tista’ titressaq biss mill-amministratur maħtur mill-qorti, mir-riċevitur uffiċjali, mil-likwidatur u mill-prosekutur pubbliku.

Il-kredituri jistgħu jressqu kawża għall-annullament ta’ atti legali mid-debitur individwalment, jew kollettivament permezz tar-riċevitur maħtur mill-qorti.

L-att huwa invalidu fir-rigward ta’ kulħadd u jitħassar b’mod retroattiv.

Hemm tnax-il każ ta’ nullità obbligatorja li jikkonċernaw atti irregolari:

  • l-atti kollha li jittrasferixxu s-sjieda ta’ proprjetà mobbli jew proprjetà immobbli mingħajr ħlas;
  • kwalunkwe kuntratt kommutattiv li fih l-obbligi tad-debitur jaqbżu bil-kbir dawk tal-parti l-oħra;
  • kwalunkwe ħlas, bi kwalunkwe metodu, għal djun li ma jkunux dovuti fid-data tal-ħlas;
  • kwalunkwe ħlas ta’ djun dovuti, għajr fi flus kontanti, kambjali, trasferimenti bankarji, kuntratti ta’ trasferiment jew kwalunkwe forma oħra ta’ ħlas aċċettata b’mod komuni fin-negozju;
  • kwalunkwe depożitu jew kwalunkwe kunsinna ta’ somom magħmula wara r-rahan ta’ proprjetà, fin-nuqqas ta’ sentenza finali tal-qorti;
  • kwalunkwe ipoteka kuntrattwali, kwalunkwe ipoteka legali, kif ukoll ipoteka legali tal-konjuġi, u kwalunkwe dritt ta’ rahan maħluq fuq l-assi tad-debitur għal djun ikkuntrattati qabel;
  • kwalunkwe miżura kawtelatorja, sakemm ir-reġistrazzjoni jew il-mandat ta’ qbid ma jippreċedux il-waqfien tal-ħlas;
  • kwalunkwe awtorizzazzjoni u eżerċizzju ta’ opzjonijiet mill-impjegati tan-negozju;
  • kwalunkwe trasferiment ta’ oġġetti jew drittijiet għal patrimonju fiduċjarju, sakemm dan it-trasferiment ma seħħx bħala garanzija għal dejn ikkuntrattat simultanjament;
  • kwalunkwe emenda għal ftehim fiduċjarju li taffettwa d-drittijiet jew l-assi diġà trasferiti lil patrimonju fiduċjarju biex tiggarantixxi djun ikkuntrattati qabel din l-emenda;
  • meta d-debitur ikun imprenditur individwali b’responsabbiltà limitata, kwalunkwe ċessjoni jew bidla fiċ-ċessjoni ta’ assi, soġġett għall-pagament ta’ introjtu mhux assenjat għall-attività tan-negozju, li jirriżulta fi tnaqqis tal-assi koperti mill-proċedimenti favur assi oħra ta’ dan l-imprenditur;
  • id-dikjarazzjoni notarili ta’ eżenzjoni mill-qbid magħmula mid-debitur.

Dawn l-atti għandhom jiġu annullati mill-qorti, kemm jekk il-partijiet ikunu in bona fide kif ukoll jekk ikunu in mala fide.

Barra minn hekk il-qorti tista’ tikkanċella l-atti bla ħlas li jittrasferixxu proprjetà mobbli jew immobbli u d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbid, magħmula fis-sitt xhur qabel id-data tat-tmiem tal-pagamenti. Dawn il-każijiet huma soġġetti għal invalidità fakultattiva.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna