1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?
Fil-Polonja, il-proċedimenti ta’ falliment skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid) huma rregolati permezz ta’ żewġ atti:
- l-Att tat-28 ta’ Frar 2003 - l-Att dwar il-Falliment (Prawo upadłościowe), (il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2016, Nru 1520, kif emendat);
- l-Att tal-15 ta’ Mejju 2015 - l-Att dwar ir-Ristrutturar (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2022, punt 2309, kif emendat).
Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Fallimenti jirregolaw il-proċeduri ta’ likwidazzjoni relatati mal-insolvenza, jiġifieri l-“falliment” (upadłość). L-Att dwar ir-Ristrutturar jirregola l-proċedimenti ta’ ristrutturar relatati mar-riskju tal-insolvenza, jiġifieri “proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament” (postępowanie o zatwierdzenie układu, l-Artikoli 210-226h), “proċedimenti tal-arranġament aċċellerati” (przyspieszone postępowanie układowe, l-Artikoli 227-264), “proċedimenti tal-arranġament” (postępowanie układowe, l-Artikoli 265-282) u “proċedimenti ta’ rimedju” (postępowanie sanacyjne, l-Artikoli 283-323).
L-għan tal-proċeduri ta’ falliment (postępowanie upadłościowe) huwa li l-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu ssodisfatti sal-ogħla livell possibbli u, jekk ikun raġonevolment possibbli, biex l-intrapriża tad-debitur tinżamm eżistenti. Il-proċedimenti ta’ falliment jinbdew biss fuq talba u jinvolvu żewġ stadji, proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment u proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.
Il-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament billi jiġbor il-voti tal-kredituri waħdu mingħajr l-involviment tal-qorti. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.
Il-proċedimenti tal-arranġament aċċellerati jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista tal-pretensjonijiet b’mod simplifikat. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk il-pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament ikunu jirrappreżentaw mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.
Il-proċedimenti tal-arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista tal-pretensjonijiet. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.
Il-proċedimenti ta’ rimedju jippermettu lid-debitur li jieħu miżuri ta’ rimedju (maħsuba biex jorganizzaw mill-ġdid l-intrapriża tad-debitur) u jidħol f’arranġament wara li titfassal u tiġi approvata lista tal-pretensjonijiet. Il-miżuri ta’ rimedju jinkludu miżuri legali u prattiċi maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u biex jirrestawraw il-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-obbligi tiegħu, filwaqt li jipproteġuh mill-eżekuzzjoni forzata.
Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu kontra imprenditur. Skont l-Artikolu 43(1) tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, imprenditur huwa persuna fiżika, persuna ġuridika jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li tkun vestita bil-kapaċità ġuridika permezz ta’ statut u li tmexxi negozju jew attività professjonali f’isimha stess.
Jista’ jiġi ppreżentat rikors ta’ falliment mid-debitur u minn kwalunkwe wieħed mill-kredituri personali tiegħu.
Il-proċedimenti ta’ fallimenti jistgħu jitressqu wkoll kontra:
- kumpaniji b’responsabbiltà limitata u kumpaniji b’ishma konġunti li ma jwettqux attività ta’ negozju;
- sħab fi sħubiji tan-negozju li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
- sħab fi sħubija professjonali.
Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu wkoll kontra persuni fiżiċi li ma jwettqux attività kummerċjali (l-Artikolu 491(1)1 et seq. tal-Att dwar il-Fallimenti). Proċedimenti bħal dawn isiru biss fuq talba tad-debitur, sakemm id-debitur ma jkunx eks imprenditur, f’liema każ tista’ tiġi ppreżentata wkoll rikors ta’ falliment minn kreditur sa sena wara t-tneħħija tal-imprenditur mir-reġistru rilevanti.
Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’:
- imprendituri skont it-tifsira tal-Artikolu 43(1) tal-Kodiċi Ċivili;
- kumpaniji b’responsabbiltà limitata u kumpaniji b’ishma konġunti li ma jwettqux attività ta’ negozju;
- sħab fi sħubiji tan-negozju li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
- sħab fi sħubija professjonali.
Il-proċedimenti ta’ ristrutturar skont l-Att dwar ir-Ristrutturar ma jinfetħux fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jitwettqu biss fuq talba tad-debitur, ħlief għal proċedimenti ta’ rimedju, li jistgħu jinfetħu wkoll fuq talba tal-kreditur jekk id-debitur ikun insolventi.
L-Att dwar l-Insolvenza jipprevedi forma speċjali ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar biex jinbdew fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju, jiġifieri proċeduri biex jidħlu f’arranġament fil-laqgħat tal-kredituri minn persuna fiżika li ma twettaqx attività ta’ negozju (l-Artikolu 491(25) - 491(38) tal-Att dwar l-Insolvenza). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, debitur li huwa persuna fiżika li ma jwettaqx attività ta’ negozju u li sar insolventi jista’ japplika quddiem qorti tal-insolvenza biex jinfetħu proċedimenti biex jidħol f’arranġament fil-laqgħat tal-kredituri. Il-qorti tista’ tirreferi lil debitur li jkun ippreżenta rikors ta’ falliment għal proċedimenti biex jidħol f’arranġament f’laqgħa tal-kredituri, ħlief fejn fir-rikors ta’ falliment id-debitur ikun irrifjuta li jipparteċipa fi proċedimenti biex jidħol f’arranġament f’laqgħa tal-kredituri. Il-qorti tilqa’ ir-rikors tad-debitur biex jinfetħu proċedimenti biex jidħol f’arranġament f’laqgħa tal-kredituri jew tista’ tirreferi lid-debitur għal tali proċedimenti fejn il-kapaċità tal-qligħ tiegħu u s-sitwazzjoni okkupazzjonali jindikaw li d-debitur jista’ jirkupra l-ispejjeż tal-proċedimenti biex jidħol f’arranġament u li huwa possibbli li jidħol f’arranġament mal-kredituri u jimplimentah.
2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?
Il-proċedimenti ta’ falliment jinfetħu kontra debitur li jkun sar insolventi (l-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Debitur ikun insolventi jekk ma jkunx għadu jista’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu li jkunu dovuti. Debitur huwa preżunt li jkun tilef il-kapaċità li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu jekk idum iktar minn 3 xhur biex jissodisfahom. Debitur li jkun persuna ġuridika jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li tkun vestita bil-kapaċità ġuridika taħt statut separat, ikun insolventi wkoll meta l-obbligi finanzjarji tiegħu jaqbżu l-valur tal-assi tiegħu u din is-sitwazzjoni tibqa’ għal aktar minn 24 xahar. Il-qorti tista’ tirrifjuta rikors ta’ falliment jekk ma jkunx hemm riskju fi żmien qasir li d-debitur ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu malli jsiru dovuti.
Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ debitur insolventi jew debitur f’riskju ta’ insolvenza. Debitur insolventi huwa debitur insolventi skont it-tifsira tal-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar il-Fallimenti. Debitur f’riskju ta’ insolvenza huwa debitur li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu tissuġġerixxi li jista’ jsir insolventi fi żmien qasir.
Il-qorti tirrifjuta li tiftaħ proċedimenti ta’ ristrutturar jekk dawn ikunu detrimentali għall-kredituri.
Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet speċifiċi għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar.
Il-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament u l-proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati jistgħu jitwettqu jekk pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament ikunu jirrappreżentaw mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq l-arranġament.
Il-qorti tirrifjuta li tiftaħ tali proċedimenti ta’ arranġament u proċedimenti ta’ rimedju jekk ma jkunx hemm evidenza prima facie li d-debitur se jkun jista’ jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ tagħhom fuq bażi kontinwa.
3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?
Fi proċedimenti ta’ falliment il-patrimonju tal-falliment jinkludi l-assi li jappartjenu lill-parti falluta fil-jum tad-dikjarazzjoni tal-falliment kif ukoll l-assi akkwistati minn dik il-parti matul il-proċedimenti ta’ falliment (l-Artikolu 62 tal-Att dwar il-Fallimenti). L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma speċifikati fl-Artikoli 63-67a tal-Att dwar il-Fallimenti.
Il-patrimonju tal-falliment ma jinkludix assi esklużi mill-eżekuzzjoni forzata skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tas-17 ta’ Novembru 1964 (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2023, il-punt 1550), il-ħlas tal-parti falluta għal xogħol fil-parti mhux soġġetta għal sekwestru, l-ammonti miksuba permezz tal-eżekuzzjoni forzata ta’ rahan jew ipoteka jekk il-parti falluta tkun aġixxiet bħala amminsitratriċi tar-rahan jew tal-ipoteka, fil-parti dovuta lil kredituri oħra f’konformità mal-ftehim tal-amministratur, kif ukoll bħala flus kontanti miżmuma f’kont imblukkat ta’ entità kwalifikata fis-sens tal-Artikolu 119zg(2) tal-Atti dwar il-Kodiċi Fiskali (Ordynacja podatkowa) tad-29 ta’ Awwissu 1997 (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2021, il-punt 1540). Fejn persuna fiżika mingħajr dipendenti tiġi ddikjarata falluta, il-patrimonju tal-falliment lanqas ma jkun jinkludi proporzjon tal-introjtu tal-persuna falluta li – bl-inklużjoni tal-introjtu eskluż mill-patrimonju fallut skont (1) - jikkorrispondi għal 150 % tal-ammont definit fl-Artikolu 8(1)(1) tal-Att dwar l-Assistenza Soċjali (Ustawa o Pomocy Społecznej) tat-12 ta’ Marzu 2004 (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2021, il-punti 2268 u 2270 u l-Ġurnal tal-Liġijiet 2022, il-punti 1, 66 u 1079). Fejn persuna fiżika b’dipendenti tiġi ddikjarata falluta, il-patrimonju tal-falliment lanqas ma jinkludi proporzjon tal-introjtu tal-persuna falluta li - bl-inklużjoni tal-introjtu eskluż mill-patrimonju tal-falliment skont (1) - jikkorrispondi għall-prodott tan-numru ta’ persuni dipendenti fuq il-persuna falluta flimkien mal-persuna falluta mmultiplikat b’150 % tal-ammont definit fl-Artikolu 8(1)(2) tal-Att dwar l-Assistenza Soċjali tat-12 ta’ Marzu 2004.
Fuq it-talba tal-parti falluta jew tar-riċevitur, l-imħallef tal-falliment jista’ inkella jiddefinixxi l-proporzjon tal-introjtu tal-persuna falluta li ma huwiex inkluż fil-patrimonju tal-falliment skont (1a) jew (1b), bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tal-persuna falluta u d-dipendenti, inkluż l-istatus tas-saħħa tagħhom, il-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni tagħhom u kif dawn jistgħu jiġu ssodisfatti.
Barra minn hekk, riżoluzzjoni tal-laqgħa tal-kredituri tista’ teskludi assi oħra tal-parti falluta mill-patrimonju tal-falliment.
Il-patrimonju tal-falliment jeskludi wkoll l-assi maħsuba biex jgħinu lill-impjegati tal-parti falluta u lill-familji tagħhom, fil-forma ta’ flus kontanti miżmuma f’kont separat ta’ fond ta’ benefiċċji soċjali tal-kumpanija stabbilit skont id-dispożizzjonijiet dwar il-fond tal-benefiċċji soċjali tal-kumpanija, flimkien ma’ ammonti li għandhom jitħallsu f’dak il-kont wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, inkluż il-ħlas lura ta’ self għal djar, il-ħlas ta’ imgħax bankarju akkumulat fir-rigward tal-flus kontanti miżmuma mill-fond u tariffa miġbura minn persuni li jużaw is-servizzi soċjali u l-benefiċċji ffinanzjati minn dak il-fond u organizzati mill-parti falluta.
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-patrimonju tal-arranġament jinkludi assi użati għall-operat tal-intrapriża u assi proprjetà tad-debitur (l-Artikoli 240, 273 u 294 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?
Fil-proċedimenti ta’ falliment (proċedimenti mmirati biex jillikwidaw l-assi tad-debitur) id-debitur jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja l-assi tiegħu. L-immaniġġjar tal-assi (il-patrimonju tal-falliment) isir ir-responsabbiltà tar-riċevitur (syndyk). Ir-riċevitur jieħu wkoll responsabbiltajiet oħra relatati mal-operat tal-intrapriża tad-debitur – imexxi l-kumpanija, jissodisfa l-obbligi ta’ rapportar eċċ.
Bħala parteċipant fi proċeduri ta’ falliment, id-debitur fallut huwa intitolat għar-rimedji legali ddefiniti fl-Att dwar il-Fallimenti fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet mogħtija matul il-proċedimenti mill-qorti u mill-imħallef tal-falliment, u huwa intitolat jagħmel sottomissjonijiet matul il-proċedimenti skont l-Att dwar il-Fallimenti.
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar is-setgħat tad-debitur u tal-prattikant fl-insolvenza jvarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti.
Fil-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament d-debitur jista’ jwettaq l-azzjonijiet kollha, ħlief matul il-perjodu bejn il-jum li fih tinħareġ id-deċiżjoni li tapprova l-arranġament u l-jum li fih dik id-deċiżjoni ssir finali. Matul dak il-perjodu r-regoli applikabbli jkunu l-istess bħal fil-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla, jiġifieri d-debitur jista’ jwettaq azzjonijiet ta’ tmexxija ta’ rutina. Azzjonijiet minbarra dawk ta’ tmexxija ta’ rutina jirrikjedu l-kunsens tas-superviżur tal-arranġament.
Fi proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati u proċedimenti ta’ arranġament, id-debitur jista’ jwettaq azzjonijiet ta’ tmexxija ta’ rutina; iżda azzjonijiet lil hinn minn tmexxija ta’ rutina jeħtieġu l-kunsens tas-superviżur tal-qorti, sakemm ma jeħtiġux il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri.
Fil-proċedimenti ta’ rimedju d-debitur jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja u l-azzjonijiet jitwettqu mill-prattikant fl-insolvenza, sakemm ma jkunux jirrikjedu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri.
Jekk it-twettiq effettiv tal-proċedimenti ta’ rimedju jkun jeħtieġ il-parteċipazzjoni personali tad-debitur jew tar-rappreżentanti tiegħu u fl-istess ħin jiggarantixxu mmaniġġjar xieraq, il-qorti tista’ tippermetti lid-debitur jimmaniġġja l-intrapriża kollha jew parti minnha sakemm dan ma jmurx lil hinn mit-tmexxija ta’ rutina.
5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?
Fil-proċedimenti ta’ falliment il-pretensjonijiet tal-parti falluta jistgħu jkunu paċuti mal-pretensjonijiet tal-kreditur jekk iż-żewġ pretensjonijiet kienu jeżistu fil-jum tad-dikjarazzjoni tal-falliment, anki jekk waħda minnhom ma kinitx għadha dovuta (l-Artikolu 93 tal-Att dwar il-Fallimenti).
It-tpaċija ma hijiex ammissibbli jekk il-kreditur tal-parti falluta jkun akkwista l-pretensjoni permezz ta’ assenjazzjoni jew approvazzjoni wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jew ikun akkwistaha fit-12-il xahar qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, filwaqt li kien jaf li kien hemm raġunijiet biex jiddikjara falliment, sakemm l-akkwist ma kienx marbut mal-ħlas lura ta’ dejn li kienet responsabbli għalih il-parti akkwirenti (obbligazzjoni personali jew obbligazzjoni garantita minn proprjetà speċifika). (L-Artikolu 94 tal-Att dwar il-Fallimenti)
It-tpaċija hija inammissibbli jekk il-kreditur ikun sar id-debitur tal-parti falluta wara l-jum li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment (l-Artikolu 95 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Il-kreditur li jkun jixtieq juża d-dritt ta’ tpaċija jippreżenta dikjarazzjoni f’dan is-sens mhux aktar tard mill-jum li fih tkun ġiet ippreżentata l-pretensjoni (l-Artikolu 96 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar ir-regoli ġenerali għat-tpaċija ta’ pretensjonijiet reċiproċi huma soġġetti għal-limitazzjonijiet li ġejjin:
- kreditur ikun sar id-debitur tad-debitur wara l-jum li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar;
- - wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar id-debitur tad-debitur soġġett għall-proċedimenti ta’ ristrutturar ikun sar il-kreditur tiegħu permezz ta’ akkwist, b’assenjazzjoni jew approvazzjoni, ta’ pretensjoni li tkun tressqet qabel il-jum li fih ikunu infetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar.
Il-pretensjonijiet reċiproċi jistgħu jiġu paċuti jekk il-pretensjoni tkun ġiet akkwistata bħala riżultat tal-ħlas lura ta’ dejn li kienet responsabbli għalih il-parti akkwirenti (obbligazzjoni personali jew obbligazzjoni garantita fuq proprjetà speċifika) u jekk il-parti akkwirenti tkun saret responsabbli għad-dejn qabel il-jum li fih ikun ġie ippreżentat ir-rikors għall-proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati.
Kreditur li jkun jixtieq jieħu vantaġġ minn tpaċija fi proċedimenti ta’ ristrutturar jippreżenta dikjarazzjoni f’dan is-sens lid-debitur jew, jekk id-debitur ikun imċaħħad mid-dritt ta’ mmaniġġjar, lill-prattikant fl-insolvenza mhux aktar minn 30 jum wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar jew, jekk ir-raġunijiet għat-tpaċija joriġinaw aktar tard, mhux aktar tard minn 30 jum wara li jkunu oriġinaw ir-raġunijiet għat-tpaċija. Dikjarazzjoni tkun valida wkoll jekk tiġi ppreżentata lil superviżur tal-qorti (l-Artikoli 53, 273 u 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?
Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ falliment fuq l-obbligi tal-parti falluta jinsabu fl-Artikoli 83-118 tal-Att dwar il-Fallimenti, dwar wirt akkwistat mill-parti falluta fl-Artikoli 119-123 u fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-parti falluta fl-Artikoli 124-126.
L-Artikoli 81-82 tal-Att dwar il-Fallimenti jipprojbixxu li l-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment jiġu ggravati b’rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka.
Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li jkun parti għalih l-individwu fallut li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ falliment huma nulli fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment. Kuntratt li jittrasferixxi s-sjieda ta’ proprjetà, pretensjoni jew dritt ieħor konkluż sabiex tiġi żgurata pretensjoni jkun validu fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk ikun ġie konkluż bil-miktub f’data ċċertifikata, sakemm ma jkunx kuntratt li jistabbilixxi garanzija finanzjarja (l-Artikolu 84 tal-Att dwar il-Fallimenti).
L-Artikoli 85 u l-Artikolu 85a jistabbilixxu regoli dettaljati dwar kuntratti ta’ qafas li jikkonċernaw tranżazzjonijiet forward finanzjarji jew il-bejgħ ta’ titoli taħt ftehim ta’ xiri mill-ġdid.
L-obbligi finanzjarji tal-parti falluta li jkunu għadhom mhumiex dovuti isiru dovuti fil-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment. Fil-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment l-obbligi mhux finanzjarji jsiru obbligi finanzjarji u jsiru pagabbli f’dak il-jum, anki jekk il-limitu ta’ żmien għat-twettiq tagħhom ma jkunx għadu skada (l-Artikolu 91 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt konkluż mal-aċċettazzjoni ta’ offerta ppreżentata mill-parti falluta tista’ tiġi affermata mill-kreditur fil-proċedimenti ta’ falliment biss jekk id-dikjarazzjoni li taċċetta l-offerta tkun ġiet ippreżentata lill-parti falluta qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment.
Jekk fil-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment l-obbligi taħt kuntratt ta’ prestazzjoni reċiproka ma jkunux twettqu b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, ir-riċevitur jista’, bil-kunsens tal-imħallef tal-falliment (sędzia komisarz), iwettaq l-obbligi tal-parti falluta u jitlob lill-parti l-oħra biex twettaq l-obbligu reċiproku jew tirtira mill-kuntratt b’effett mill-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment. Jekk fil-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment il-parti falluta tkun parti f’kuntratt li ma jkunx kuntratt ta’ prestazzjoni reċiproka, ir-riċevitur jista’ jirtira minn dak il-kuntratt, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bl-istatut.
Fuq talba ppreżentata mill-parti l-oħra f’data ċċertifikata, ir-riċevitur jiddikjara fi żmien 3 xhur jekk jirtirax mill-kuntratt jew jitlobx il-prestazzjoni tiegħu. In-nuqqas tar-riċevitur li jippreżenta dik id-dikjarazzjoni f’dak il-perjodu ta’ żmien jitqies bħala rtirar mill-kuntratt.
Il-parti l-oħra li tkun meħtieġa twettaq l-obbligu tagħha aktar kmieni tista’ tissospendi t-twettiq tal-obbligu tagħha sakemm jitwettaq jew jiġi assigurat l-obbligu reċiproku. Il-parti l-oħra ma tkunx intitolata li tagħmel dan fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim jekk kienet taf jew kellha tkun taf dwar ir-raġunijiet biex tiddikjara l-falliment (l-Artikolu 98 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Jekk ir-riċevitur jirtira mill-kuntratt, il-parti l-oħra tkun intitolata għar-ritorn tal-obbligu mwettaq, anki jekk jifforma parti mill-patrimonju tal-falliment. Fil-proċedimenti ta’ falliment, parti tista’ titlob rimedju għall-obbligu mwettaq u t-telf imġarrab billi tippreżenta dawk il-pretensjonijiet lir-riċevitur permezz tas-sistema tal-ICT li l-proċedimenti tal-qorti huma bbażati fuqha (l-Artikolu 99 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Bejjiegħ jista’ jitlob ir-ritorn ta’ assi mobbli - inklużi titoli - mibgħuta lill-parti falluta mingħajr ma jirċievi l-prezz, jekk dak l-assi ma jkunx ġie akkwistat qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment mill-parti falluta jew minn persuna awtorizzata mill-parti falluta li tiddisponi minn dak l-assi. Barra minn hekk, id-destinatarju li jkun bagħat l-assi lill-parti falluta huwa intitolat għar-ritorn tiegħu. Il-bejjiegħ jew id-destinatarju li jkun ġie rritornat l-assi lilu jirrifondi l-ispejjeż li kellhom jinġarrbu jew li għandhom jiġġarbu u l-ħlasijiet bil-quddiem. Madankollu, ir-riċevitur jista’ jirritorna l-assi jekk iħallas jew jiżgura l-prezz pagabbli mill-parti falluta u l-ispejjeż. Ir-riċevitur huwa intitolat li jagħmel hekk fi żmien xahar minn meta jkun intalab ir-ritorn (l-Artikolu 100 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Il-ftehimiet dwar kummissjonijiet jew konsenji konklużi mill-parti falluta li fihom il-parti falluta kienet il-parti kummissjonanti jew il-konsenjatriċi kif ukoll il-ftehimiet dwar l-immaniġġjar tat-titoli konklużi mill-parti falluta jiskadu mad-dikjarazzjoni ta’ falliment. Pretensjonijiet li joriġinaw mit-telf hekk sostnut jistgħu jiġu eżegwiti fi proċedimenti ta’ falliment.
Fil-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment huwa possibbli li wieħed jirtira, mingħajr kumpens, minn ftehimiet dwar kummissjonijiet jew konsenji konklużi mill-parti falluta u li fihom il-parti falluta kienet il-parti kkummissjonata jew il-kunsinnatarja (Artikolu 102 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Il-kuntratti ta’ aġenzija jiskadu mill-jum meta waħda mill-partijiet tiddikjara falliment. Fil-każ tal-falliment tal-parti kummissjonanti, fil-proċedimenti ta’ falliment, l-aġent jista’ jitlob it-telf li jkun ġarrab minħabba l-iskadenza tal-kuntratt (l-Artikolu 103 tal-Att dwar Fallimenti).
Jekk min jislef jew min jissellef jiddikjara falliment, il-ftehim tas-self għall-użu, jekk is-suġġett tiegħu jkun diġà ngħata self, jintemm fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet. Jekk is-suġġett ma jkunx għadu ngħata self, il-ftehim jiskadi (l-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet għall-ftehim ta’ self tiddikjara falliment, il-ftehim ta’ self jiskadi jekk l-oġġett tas-self ma jkunx għadu ġie misluf (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Kuntratt ta’ kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli jorbot lill-partijiet jekk is-suġġett tal-ftehim ikun sar disponibbli għall-inkwilin jew il-kerrej (l-Artikolu 107 tal-Att dwar il-Fallimenti). Skont deċiżjoni maħruġa mill-imħallef tal-falliment, ir-riċevitur itemm il-kuntratt ta’ kiri jew lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli konkluż mill-parti falluta wara avviż ta’ tliet xhur, anki jekk it-terminazzjoni ta’ dak il-kuntratt mill-parti falluta kienet tkun inammissibbli. Fil-proċedimenti ta’ falliment, il-parti l-oħra għall-kuntratt itterminat tista’ tfittex kumpens minħabba li l-kuntratt ta’ kiri jew lokazzjoni tal-propjetà intemm qabel l-iskadenza kuntrattwali billi tippreżenta dawn il-pretensjonijiet lir-riċevitur permezz tas-sistema tal-ICT li l-proċedimenti tal-qorti huma bbażati fuqha. Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq japplikaw mutatis mutandis għall-kiri jew il-lokazzjoni ta’ intrapriża jew parti organizzata minnha (l-Artikolu 109 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Ftehim ta’ kreditu jiskadi mad-dikjarazzjoni ta’ falliment jekk dak li jislef ma jkunx għamel il-fondi disponibbli lill-parti falluta qabel dik id-data. Dak li jislef jista’ jfittex danni fi proċedimenti ta’ falliment billi jippreżenta dawn il-pretensjonijiet lir-riċevitur permezz tas-sistema tal-ICT li l-proċedimenti tal-qorti hija bbażata fuqha (l-Artikolu 111 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma taffettwax il-ftehimiet tal-kont bankarju tal-parti falluta, ftehimiet ta’ kont ta’ titoli jew ftehimiet ta’ kont kollettiv (l-Artikolu 112 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, mill-jum li jinfetħu sal-jum li jingħalqu jew il-jum li fih issir finali d-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti, huwa inammissibbli li d-debitur jew il-prattikant fl-insolvenza jwettaq obbligi li jirriżultaw minn pretensjonijiet li, skont il-liġi, ikunu koperti minn arranġament.
Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistipulaw il-modifika jew it-terminazzjoni ta’ relazzjoni legali li d-debitur ikun parti għaliha jsiru nulli jekk tiġi ppreżentata talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar jew jekk jinfetħu tali proċedimenti.
Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li għalih ikun parti d-debitur li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ ristrutturar ikunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-arranġament.
L-Artikolu 250 tal-Att dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi regoli dettaljati dwar kuntratti ta’ qafas li jikkonċernaw operazzjonijiet forward finanzjarji jew il-bejgħ ta’ titoli taħt ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid.
Mill-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar sal-jum li fih jingħalqu jew fil-jum meta ssir finali d-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti, huwa inammissibbli li sid il-kera jtemm, mingħajr il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri, il-ftehim ta’ kiri jew lokazzjoni għall-bini jew proprjetà immobbli fejn topera l-intrapriża tad-debitur.
Ir-regoli msemmija hawn applikabbli għal ftehimiet ta’ kiri jew lokazzjoni japplikaw mutatis mutandis għall-ftehimiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ fondi magħmula disponibbli lil min jissellef qabel il-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti, għall-kiri, l-assigurazzjoni tal-proprjetà, il-ftehimiet ta’ kontijiet bankarji, il-ftehimiet ta’ garanzija, il-ftehimiet li jkopru liċenzji mogħtija lid-debitur u l-garanziji jew l-ittri ta’ kreditu maħruġa qabel il-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar u ftehimiet oħra ta’ importanza fundamentali għall-immaniġġjar tal-intrapriża tad-debitur (l-Artikoli 256, 273 u 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Barra minn hekk, fil-proċedimenti ta’ rimedju l-prattikant tal-falliment jista’ jirtira minn kuntratt ta’ prestazzjoni reċiproka li ma jkunx twettaq b’mod sħiħ jew b’mod parzjali qabel il-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, bil-kunsens tal-imħallef tal-falliment, jekk it-twettiq ta’ dak il-kuntratt mill-parti l-oħra jkun indiviżibbli. Jekk it-twettiq tal-kuntratt mill-parti l-oħra jkun diviżibbli, dik id-dispożizzjoni tapplika mutatis mutandis sal-limitu li għalih il-kuntratt kellu jitwettaq mill-parti l-oħra wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju. Jekk l-prattikant tal-falliment jirtira mill-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ titlob l-qligħ tat-twettiq magħmul wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju u qabel ma dik il-parti tkun irċeviet l-avviż ta’ rtirar, jekk dak it-twettiq ikun jifforma parti mill-assi tad-debitur. Jekk dan ikun impossibbli, il-parti l-oħra tista’ tfittex rimedju biss għat-twettiq u għat-telf li tkun ġarrbet. Dawk il-pretensjonijiet ma jkunux soġġetti għall-arranġament (l-Artikolu 298 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?
Fuq talba tad-debitur, tas-superviżur temporanju jew tal-kreditur li jkun ippreżenta r-rikors ta’ falliment, il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u tħassar is-sekwestru tal-kont bankarju jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proċedimenti ta’ falliment (l-Artikolu 39 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tal-falliment fir-rigward tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment, miftuħa qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, jiġu sospiżi bil-liġi mill-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment. Il-proċedimenti jintemmu bil-liġi meta d-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ falliment issir finali (l-Artikolu 146 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-proċedimenti tal-qorti, il-proċedimenti amministrattivi jew il-proċedimenti amministrattivi tal-qorti dwar il-patrimonju tal-falliment jistgħu jinfetħu u jitwettqu biss mir-riċevitur jew kontra r-riċevitur (l-Artikolu 144 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ pretensjoni soġġetta għall-arranġament permezz tal-liġi, li jkunu nbdew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, jiġu sospiżi permezz tal-liġi mill-jum tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti (l-Artikolu 259, l-Artikolu 278 tal-Att dwar ir-Ristrutturar). Fil-proċedimenti ta’ rimedju, is-sospensjoni tapplika għall-proċedimenti kollha ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-assi tad-debitur inklużi fil-patrimonju ta’ rimedju (l-Artikolu 312 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Fil-jum meta ssir finali d-deċiżjoni li tapprova l-arranġament, il-proċedimenti ta’ titoli u ta’ eżekuzzjoni imwettqa kontra d-debitur sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament jiġu mitmuma bil-liġi. Il-proċedimenti sospiżi ta’ titoli u ta’ eżekuzzjoni mwettqa kontra d-debitur sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet mhux soġġetti għall-arranġament jistgħu jerġgħu jinbdew fuq talba tal-kreditur (l-Artikolu 170 tal-Att dwar ir-Ristrutturar)
Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ arranġament, proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati jew proċedimenti ta’ rimedju ma jwaqqafx lill-kreditur milli jiftaħ proċedimenti tal-qorti, proċedimenti amministrattivi jew proċedimenti amministrattivi tal-qorti jew proċedimenti quddiem qrati ta’ arbitraġġ sabiex jafferma pretensjonijiet soġġetti għall-inklużjoni fil-lista tal-pretensjonijiet (l-Artikoli 257, 276 u 310 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?
Wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment il-qorti tissospendi l-proċedimenti ex officio jekk ikunu jirrigwardaw il-patrimonju tal-falliment, jiġifieri jekk l-eżitu tagħhom ikun jista’ jaffettwa l-patrimonju tal-falliment (ikunu jikkonċernaw oġġett inkluż fil-patrimonju tal-falliment) u jkun ġie ddikjarat falliment u jekk ikun inħatar amministratur obbligatorju fi proċedimenti biex jiġi ddikjarat falliment (l-Artikolu 174(1)(4) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (kodeks postępowania cywilnego)). Il-qorti titlob lir-riċevitur jew l-amministratur obbligatorju biex jieħu sehem fil-proċedimenti (l-Artikolu 174(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk il-parti falluta (debitur) tkun ir-rikorrent il-qorti terġa’ tibda l-proċedimenti sospiżi ex officio u hekk kif jinħatar ir-riċevitur (amministratur obbligatorju) (l-Artikolu 180(1)(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-proċedimenti jistgħu jitressqu kontra r-riċevitur biss jekk, fi proċedimenti ta’ falliment, pretensjoni ma tkunx inkluża fil-lista ta’ pretensjonijiet wara li jkunu ġew eżawriti l-possibiltajiet preskritti fil-Kodiċi. (L-Artikolu 145 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-proċedimenti li jkunu għaddejjin fil-qorti (pendenti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti) jiġu sospiżi jekk il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw il-patrimonju tal-arranġament (jew il-patrimonju ta’ rimedju) u jkun inħatar prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti ta’ ristrutturar jew jekk ikun inħatar amministratur temporanju fil-proċedimenti biex jinbdew il-proċedimenti ta’ rimedju u l-proċedimenti jkunu jikkonċernaw assi koperti b’titoli (l-Artikolu 174(1)(4) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti titlob lill-amministratur temporanju jew lill-prattikant fl-insolvenza biex jieħu sehem fil-proċedimenti (l-Artikolu 174(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
L-ammissjoni ta’ pretensjoni, ir-rinunzja ta’ pretensjoni, l-arranġament jew l-ammissjoni ta’ fatti rilevanti tal-każ mid-debitur f’dawn il-każijiet mingħajr il-kunsens tas-superviżur tal-qorti m’għandha l-ebda effett legali (l-Artikolu 258 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?
Il-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ falliment hija rregolata mill-Artikoli 189-213 tal-Att dwar il-Fallimenti). Il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew ammessi huma intitolati li jieħdu sehem fil-laqgħa u l-votazzjoni tal-kredituri.
L-imħallef tal-falliment jistabbilixxi l-kumitat tal-kredituri ex officio jekk dan jitqies neċessarju, jew fuq talba, u jaħtar u jkeċċi lill-membri tal-kumitat. Il-kumitat jassisti lir-riċevitur, jimmonitorja l-azzjonijiet tiegħu, jeżamina l-istat tal-fondi li jiffurmaw il-patrimonju tal-falliment, jagħti permess għal azzjonijiet li jistgħu jitwettqu biss bil-permess mill-kumitat tal-kredituri u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet oħra jekk jintalab jagħmel dan mill-imħallef tal-falliment jew ir-riċevitur. Il-kumitat tal-kredituri jista’ jitlob lill-parti falluta jew lir-riċevitur biex jipprovdi kjarifika u jista’ jeżamina kotba u dokumenti li jikkonċernaw il-falliment sakemm dan ma jiksirx il-kunfidenzjalità tan-negozju.
Il-permess tal-kumitat tal-kredituri huwa meħtieġ jekk l-azzjonijiet li ġejjin mir-riċevitur għandhom ikunu validi:
- l-immaniġġjar kontinwu tal-intrapriża mir-riċevitur jekk ikun se jdum aktar minn 3 xhur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment;
- ir-rinunzja tal-bejgħ tal-intrapriża fit-totalità tagħha;
- il-bejgħ dirett tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment;
- il-kuntrattar ta’ self jew krediti u l-aggravar tal-assi tal-parti falluta bi drittijiet ta’ proprjetà limitati;
- l-ammissjoni, ir-rinunzja ta’ dħul f’arranġament rigward il-pretensjonijiet ikkontestati u t-tressiq ta’ tilwima quddiem qorti ta’ arbitraġġ.
Il-każijiet fejn waħda mill-azzjonijiet ta’ hawn fuq ikollha ssir minnufih u tkun tikkonċerna valur ta’ mhux aktar minn PLN 10 000 jikkostitwixxu eċċezzjoni u jistgħu jitwettqu mir-riċevitur, mis-superviżur tal-qorti jew mill-prattikant fl-insolvenza mingħajr permess mill-kumitat.
Barra minn hekk, ma huwa meħtieġ l-ebda permess mill-kumitat tal-kredituri għall-bejgħ ta’ assi mobbli jekk il-valur stmat tal-assi mobbli kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000, u għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra, jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet kollha u drittijiet oħra inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000.
Fil-proċedimenti ta’ falliment il-kreditur jista’ jissottometti proposta ta’ arranġament.
Il-kredituri jistgħu wkoll jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ qorti tal-falliment jew imħallef tal-falliment dwar l-approvazzjoni tar-rapporti tal-kontabbiltà tar-riċevitur, deċiżjonijiet dwar il-lista ta’ pretensjonijiet, ukoll fir-rigward ta’ pretensjonijiet oħra tal-kredituri, il-pjan ta’ distribuzzjoni, ir-remunerazzjoni tar-riċevitur u d-deċiżjoni li jinbdew jew jintemmu l-proċedimenti ta’ falliment.
Il-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ ristrutturar hija rregolata mill-Artikoli 104-139 tal-Att dwar ir-Ristrutturar. Il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi f’lista approvata ta’ pretensjonijiet, kif ukoll il-kredituri li jidhru fil-laqgħa tal-kredituri u jippreżentaw lill-imħallef tal-falliment titolu eżekuttiv li jikkonferma l-pretensjoni tagħhom, huma intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħa u l-votazzjoni tal-kredituri.
Fil-laqgħa tal-kredituri jista’ jintlaħaq arranġament jekk fil-laqgħa jipparteċipaw mill-inqas wieħed minn kull ħames kredituri intitolati li jivvutaw fuq arranġament.
L-imħallef tal-falliment jistabbilixxi l-kumitat tal-kredituri u jaħtar u jwarrab il-membri tiegħu ex officio jew fuq talba. Il-kumitat tal-kredituri jassisti lis-superviżur tal-qorti jew lill-prattikant fl-insolvenza, jimmonitorja l-azzjonijiet tagħhom, jeżamina l-istat tal-fondi li jiffurmaw il-patrimonju tal-arranġament jew il-patrimonju ta’ rimedju, jagħti l-permessi għal azzjonijiet li jistgħu jsiru biss bil-permess mill-kumitat tal-kredituri u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet oħra jekk ikun mitlub jagħmel hekk mill-imħallef tal-falliment, is-superviżur tal-qorti, il-prattikant fl-insolvenza jew id-debitur. Il-laqgħa tal-kredituri u l-membri tagħha jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-attività tad-debitur, is-superviżur tal-qorti jew prattikant fl-insolvenza lill-imħallef tal-falliment. Il-kumitat jista’ jitlob lid-debitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikant fl-insolvenza biex jipprovdu kjarifika u jista’ jeżamina l-kotba u d-dokumenti tad-debitur fil-każijiet meta dan ma jkunx qed jikser il-kunfidenzjalità tan-negozju. Fil-każijiet l-oħra u fil-każ ta’ dubji l-imħallef tal-falliment jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prerogattivi tal-membri tal-kumitat tal-kredituri fir-rigward tal-eżami tal-kotba u d-dokumenti tal-intrapriża tad-debitur.
Biex ikunu validi, l-azzjonijiet li ġejjin mid-debitur jew mill-prattikant fl-insolvenza jeħtieġu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri:
- l-aggravar ta’ elementi tal-patrimonju tal-arranġament jew tal-patrimonju ta’ rimedju b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
- it-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett jew dritt sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
- l-aggravar ta’ elementi tal-patrimonju tal-arranġament jew ta’ rimedju bi drittijiet oħra;
- krediti kontraenti jew self;
-
il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kiri tal-intrapriża tad-debitur jew parti organizzata minnha jew ftehim ieħor simili.
(L-azzjonijiet ta’ hawn fuq imwettqa bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri ma jistgħux jitqiesu bħala invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment)
- il-bejgħ, mid-debitur, ta’ proprjetà immobbli jew assi oħra li għandhom valur ogħla minn PLN 500,000.
Il-kredituri jistgħu wkoll jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ qorti ta’ ristrutturar jew imħallef tal-falliment dwar l-approvazzjoni ta’ rapporti tal-kontabbiltà mill-prattikant fl-insolvenza, deċiżjonijiet dwar il-lista tal-pretensjonijiet (proċeduri ta’ arranġament u proċedimenti ta’ rimedju) u pretensjonijiet oħra tal-kredituri, ir-remunerazzjoni tas-superviżur tal-qorti jew tal-prattikant fl-insolvenza u d-deċiżjonijiet li jitwaqqfu jew jintemmu l-proċedimenti ta’ falliment.
10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?
Fil-proċedimenti ta’ falliment, wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, ir-riċevitur ifassal inventarju, jistma l-patrimonju tal-falliment u jabbozza pjan ta’ likwidazzjoni. Il-pjan ta’ likwidazzjoni jiddefinixxi l-mod propost kif jinbiegħu l-assi tal-parti falluta, b’mod partikolari l-intrapriża, il-mument tal-bejgħ, stima tal-infiq u r-raġuni ekonomika għall-kontinwazzjoni tal-attività tan-negozju (l-Artikolu 306 tal-Att dwar il-Fallimenti). Wara li jfassal l-inventarju u r-rapport finanzjarju jew wara li jissottometti rapport ġenerali bil-miktub, ir-riċevitur jillikwida l-patrimonju tal-falliment (l-Artikolu 308 tal-Att dwar il-Fallimenti)
Wara l-likwidazzjoni, ir-riċevitur jista’ jkompli jimmaniġġja l-intrapriża tal-parti falluta jekk ikun possibbli arranġament mal-kredituri jew jekk ikun possibbli li l-intrapriża tal-parti falluta tinbiegħ kollha kemm hi jew inkella partijiet organizzati minnha (l-Artikolu 312 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, jiġifieri proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati u proċedimenti ta’ arranġament, id-debitur bħala regola jkompli jimmaniġġja l-intrapriża tiegħu. Skont l-Artikoli 239(1) u 295 tal-Att dwar ir-Ristrutturar, id-debitur jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja l-intrapriża jekk:
- id-debitur, intenzjonalment jew mod ieħor, jikser il-liġi fil-kuntest ta’ mmaniġġjar li jirriżulta f’detriment għall-kredituri jew il-possibbiltà ta’ dan id-detriment fil-futur;
- ikun ovvju li l-mod ta’ mmaniġġjar ma jiggarantixxix l-implimentazzjoni tal-arranġament jew ikun inħatar trustee (kurator) għad-debitur skont l-Artikolu 68(1);
- id-debitur ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-imħallef tal-falliment jew mis-superviżur tal-qorti, b’mod partikolari billi jonqos milli jippreżenta proposti ta’ arranġament legali fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-imħallef tal-falliment.
Fil-proċedimenti ta’ rimedju, jekk it-twettiq effettiv ta’ dawn il-proċedimenti jkun jeħtieġ il-parteċipazzjoni personali tad-debitur jew tar-rappreżentanti tiegħu u fl-istess ħin dawn jiggarantixxu mmaniġġjar xieraq, il-qorti tista’ tippermetti lid-debitur jimmaniġġja l-intrapriża kollha jew parti minnha fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tmexxija ta’ rutina (l-Artikolu 288(3) tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Fil-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament id-debitur jimmaniġġja l-intrapriża tiegħu matul il-proċedimenti.
11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?
Id-debitur personali ta’ parti falluta li jixtieq jipparteċipa fi proċedimenti ta’ falliment huwa obbligat jippreżenta l-pretensjoni tiegħu lir-riċevitur permezz tas-sistema tal-ICT tar-Reġistru Nazzjonali tad-Debituri qabel l-iskadenza speċifikata fid-dikjarazzjoni ta’ falliment jekk din tkun neċessarja biex il-pretensjoni tad-debitur tiġi stabbilita. Tista’ tiġi ppreżentata wkoll pretensjoni minn kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet garantita b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali, ipoteka marittima jew entrata oħra fir-reġistru tal-art u tal-ipoteki jew ir-reġistru tal-vapuri (jekk ma tiġix ippreżentata mill-kreditur tiġi inkluża fil-lista ex officio). Il-pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg huma inklużi fil-lista ex officio (l-Artikoli 236(1) u (2) u 237 tal-Att dwar il-Fallimenti).
L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment jiġu koperti l-ewwel, qabel l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment li joriġinaw wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, mingħajr ma jiġi mfassal pjan ta’ distribuzzjoni.
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-lista tal-pretensjonijiet tkopri l-pretensjonijiet personali fir-rigward tad-debitur li jkunu oriġinaw qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar (l-Artikolu 76 tal-Att dwar ir-Ristrutturar). Il-lista tal-pretensjonijiet b’mod separat tindika pretensjonijiet soġġetti għal arranġament bil-liġi u pretensjonijiet soġġetti għal arranġament bil-kunsens tal-kreditur (l-Artikolu 86 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar ma jiġux ippreżentati l-pretensjonijiet. Il-lista tal-pretensjonijiet titfassal mis-superviżur jew mill-prattikant fl-insolvenza abbażi tal-kotba tal-kontijiet tad-debitur, id-dokumenti l-oħra tiegħu, l-entrati fir-reġistru tal-art u tal-ipoteki u reġistri oħra.
L-arranġament huwa vinkolanti għall-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom, skont l-Att, ikunu soġġetti għal arranġament, anki jekk ma jkunux inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet. L-arranġament ma huwiex vinkolanti għall-kredituri li ma jkunux ġew żvelati mid-debitur u ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedimenti (l-Artikolu 166 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
L-arranġament ma jistax ikopri pretensjonijiet ta’ manteniment, benefiċċji mħallsa bħala kumpens minħabba mard, inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt u annwalità mogħtija bi skambju għal drittijiet skont ftehim ta’ annwalità; pretensjonijiet għat-trasferiment ta’ proprjetà u għat-twaqqif tal-ksur ta’ drittijiet; pretensjonijiet li għalihom huwa responsabbli d-debitur b’konnessjoni mal-akkwist ta’ wirt wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar, wara l-inklużjoni tal-wirt fil-patrimonju tal-arranġament jew tar-rimedju. L-arranġament lanqas ma jinkludi pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg u pretensjonijiet garantiti bil-proprjetà tad-debitur permezz ta’ ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima, fil-parti li l-valur tagħha jkun kopert mit-titolu, sakemm il-kreditur jagħti l-kunsens tiegħu biex dawn jiġu inklużi fl-arranġament (l-Artikolu 151 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?
Ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet fil-proċedimenti ta’ falliment huma stabbiliti fl-Artikolu 239a-266 tal-Att dwar il-Fallimenti.
Fil-proċedimenti ta’ falliment ir-responsabbiltà għall-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet tinsab mal-kredituri. L-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ pretensjoni hija 30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ falliment fis-sistema tal-ICT taċ-Ċentru Nazzjonali tad-Debituri.
Il-pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg m’għandhomx għalfejn jiġu ppreżentati. Il-pretensjonijiet ta’ dan it-tip jiġu inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet ex officio (l-Artikolu 237 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Il-kreditur jippreżenta l-pretensjoni tiegħu permezz tal-formola disponibbli fis-sistema tal-ICT tar-Reġistru Nazzjonali tad-Debituri. Il-preżentazzjoni għandha tinkludi l-isem, il-kunjom jew l-isem irreġistrat tal-kreditur, in-numru tal-PESEL (identifikazzjoni personali) jew tal-KRS (Reġistru Nazzjonali tal-Qorti) tal-kreditur, jew fin-nuqqas ta’ dan, dettalji li jippermettu identifikazzjoni ċara tal-kreditur, il-kumpanija li jaġixxi f’isimha l-kreditur li huwa operatur tan-negozju, il-post ta’ residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tal-kreditur, l-indirizz jew in-NIP (l-ID fiskali) tiegħu jekk mogħti, deskrizzjoni tal-pretensjoni flimkien mad-djun inċidentali u l-valur tal-pretensjoni mhux monetarja, evidenza li tikkonferma l-eżistenza ta’ din il-pretensjoni (huwa biżżejjed li jinvoka l-ammissjoni tal-pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet imfassla fi proċedimenti ta’ falliment), il-kategorija li fiha tista’ tkun inkluża, it-titoli marbuta magħha, in-numru tal-kont bankarju tal-kreditur jekk il-kreditur ikollu kont bankarju u l-istatus tal-kawża jekk il-pretensjoni tkun indirizzata fi proċedimenti tal-qorti, proċedimenti amministrattivi, proċedimenti amministrattivi tal-qorti jew proċedimenti arbitrarji tal-qorti. Jekk il-parti falluta mhix debitur personali fir-rigward tal-pretensjoni ppreżentata, huwa meħtieġ li jiġi indikat is-suġġett tat-titolu li għandu jintuża biex tiġi ssodisfatta l-pretensjoni.
Ir-riċevitur jivverifika jekk il-pretensjonijiet ippreżentati jkunux ikkonfermati mill-kotba tal-kontabbiltà tal-parti falluta jew dokumenti oħra jew minn entrati fir-reġistru tal-art u tal-ipoteki jew reġistri oħra u jitlob lill-parti falluta tiddikjara f’limitu ta’ żmien speċifikat jekk tammettix il-pretensjoni. Jekk it-talba ppreżentata ma tkunx ikkonfermata mill-kotba tal-kontabbiltà tal-parti falluta jew minn dokumenti oħra jew minn entrati fir-reġistru tal-art u tal-ipoteki jew reġistri oħra, ir-riċevitur jitlob lill-kreditur biex jippreżenta, fi żmien ġimgħa, id-dokumenti indikati fil-preżentazzjoni tal-pretensjoni taħt piena ta’ rifjut ta’ ammissjoni tal-pretensjoni. L-iskadenza la tista’ tiġi estiża u lanqas stabbilita mill-ġdid. Madankollu, ir-riċevitur jista’ jqis id-dokumenti ppreżentati wara dik l-iskadenza jekk dan ma jdewwimx il-preżentazzjoni tal-lista lill-imħallef tal-falliment.
Fi żmien ġimgħatejn mit-tħabbir li l-lista tal-pretensjonijiet tkun ġiet miżjuda fil-proċess tal-proċedimenti, il-kreditur jista’ jressaq oġġezzjoni quddiem l-imħallef tal-falliment. Il-parti falluta tista’ toġġezzjona wkoll jekk l-abbozz tal-lista tal-pretensjonijiet ma jirriflettix it-talbiet jew id-dikjarazzjonijiet tagħha. Jekk il-parti falluta ma tkun għamlet l-ebda dikjarazzjoni għalkemm tkun intalbet tagħmel dan, hija tista’ toġġezzjona biss jekk tagħti prova li ma tkun għamlet l-ebda dikjarazzjoni għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħha.
L-imħallef tal-falliment jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet wara li ssir finali d-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni (jew, jekk dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata, wara li d-deċiżjoni tal-qorti ssir finali) u japprova l-lista tal-pretensjonijiet. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni, huwa japprova l-lista tal-pretensjonijiet malli tgħaddi l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. L-imħallef tal-falliment jista’ jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet ex officio. Jekk jinstab li l-pretensjonijiet li jkunu kompletament jew parzjalment ineżistenti jkunu ġew inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet jew li l-pretensjonijiet meħtieġa li jkunu inklużi fil-lista ex officio ma jkunux ġew inklużi fiha, l-imħallef tal-falliment jista’ jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet ex officio.
Jekk pretensjoni tkun ġiet ippreżentata wara l-iskadenza speċifikata għall-preżentata ta’ pretensjonijiet jew pretensjoni li l-preżentazzjoni tagħha mhix meħtieġa tkun ġiet żvelata wara din l-iskadenza, tali pretensjoni tkun inkluża fis-supplement għal-lista tal-pretensjonijiet. Il-lista tal-pretensjonijiet għandha tiġi kkoreġuta f’konformità mas-sentenzi finali. Il-bidla fl-ammont ta’ pretensjoniet li sseħħ wara li titfassal il-lista tal-pretensjonijiet titqies meta jiġi abbozzat il-pjan ta’ distribuzzjoni jew meta ssir il-votazzjoni fil-laqgħa tal-kredituri.
Wara l-għeluq jew it-twaqqif tal-proċedimenti ta’ falliment, estratt mil-lista tal-pretensjonijiet approvati mill-imħallef tal-falliment, li jindika l-pretensjoni u l-ammont riċevut fir-rigward tagħha mill-kreditur, iservi bħala titolu eżekuttiv kontra l-parti falluta. Il-parti falluta tista’ titlob li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet tiġi ddikjarata bħala li ma teżistix jew li teżisti fi grad inqas, jekk il-parti falluta ma tkunx ammettiet pretensjoni ppreżentata fil-proċedimenti ta’ falliment u ma tkunx għadha ngħatat sentenza finali dwarha. Wara li l-estratt mil-lista jiġi ddikjarat eżegwibbli, il-parti falluta tista’ tressaq l-oġġezzjoni li l-pretensjoni inkluża fil-lista ta’ talbiet ma tkunx teżisti jew teżisti fi grad inqas, billi tressaq azzjoni għal dikjarazzjoni li t-titolu eżekuttiv mhuwiex eżegwibbli.
Il-kwistjoni tal-abbozzar tal-lista tal-pretensjonijiet fil-proċedimenti ta’ ristrutturar hija rregolata bl-Artikoli 84 – 102 tal-Att dwar ir-Ristrutturar.
Il-lista tal-pretensjonijiet titfassal mis-superviżur jew mill-prattikant fl-insolvenza abbażi tal-kotba tal-kontijiet tad-debitur, id-dokumenti l-oħra tiegħu, l-entrati fir-reġistri tal-art u tal-ipoteki u reġistri oħra. Fil-proċedimenti ta’ rimedju miftuħa fuq il-bażi ta’ talba simplifikata, il-lista tal-pretensjonijiet titfassal kemm jista’ jkun fuq il-bażi tal-lista tal-pretensjonijiet imfassla fil-proċedimenti ta’ ristrutturar preċedenti. Jekk proposta ta’ arranġament tkun tinvolvi li l-kredituri jiġu diviżi fi gruppi, il-lista tal-pretensjonijiet titfassal filwaqt li titqies id-diviżjoni proposta.
Il-lista tal-pretensjonijiet b’mod separat tindika pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament bil-liġi u pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament bil-kunsens tal-kreditur.
Fil-proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati d-debitur jista’ joġġezzjona għall-inklużjoni ta’ pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet. Pretensjoni bħal din titqies bħala pretensjoni kkontestata. F’dan il-każ l-imħallef tal-falliment jimmodifika l-lista tal-pretensjoni u l-lista tal-pretensjonijiet ikkontestati kif xieraq.
Fil-proċedimenti ta’ arranġament u fil-proċedimenti ta’ rimedju, fi żmien ġimagħtejn minn meta titħabbar id-data għall-preżentazzjoni tal-lista tal-pretensjonijiet u l-lista tal-pretensjonijiet ikkontestati, il-parteċipanti fil-proċedimenti jistgħu jressqu oġġezzjoni għall-inklużjoni ta’ pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet quddiem l-imħallef tal-falliment. Id-debitur jista’ joġġezzjona jekk il-lista tal-pretensjonijiet ma tkunx konformi mad-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-ammissjoni jew ir-rifjut ta’ ammissjoni ta’ pretensjoni. Jekk id-debitur ma jkun għamel l-ebda dikjarazzjoni jista’ joġġezzjona biss jekk jagħti prova li ma jkun għamel l-ebda dikjarazzjoni għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu. Fl-istess limitu ta’ żmien, debitur jew kreditur li ma jkunx ġie inkluż fil-lista tal-pretensjonijiet jista’ joġġezzjona għax jitħalla barra mil-lista.
Oġġezzjoni magħmula wara dak il-limitu ta’ żmien, oġġezzjoni li tkun inammissibbli għal raġunijiet oħra jew oġġezzjoni li jkun fiha nuqqasijiet mhux irrimedjati mill-parti li tkun ressqet l-oġġezzjoni jew li fir-rigward tagħha l-parti ma tkunx ħallset it-tariffa pagabbli fil-limitu ta’ żmien speċifikat tiġi miċħuda mill-imħallef tal-falliment.
L-imħallef tal-falliment jinjora dikjarazzjonijiet u evidenza mhux inklużi fl-oġġezzjoni sakemm il-parti li toġġezzjona ma tagħtix prova prima facie li ma tkunx inkludiethom fl-oġġezzjoni mingħajr ħtija tagħha stess jew li l-inklużjoni ta’ dikjarazzjonijiet u evidenza tardivi ma tkunx se ddewwem l-eżami tal-kawża.
Il-fatti li jiġġustifikaw l-oġġezzjoni jistgħu jiġi ppruvati biss permezz ta’ evidenza dokumentata jew opinjoni esperta. Jekk il-pretensjoni tiġi aċċertata permezz ta’ sentenza finali tal-qorti, l-oġġezzjoni kontra l-inklużjoni tal-pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet tista’ tkun ibbażata biss fuq l-avvenimenti li jseħħu wara l-għeluq tal-litigazzjoni fil-kawża li fiha tkun ingħatat is-sentenza.
L-oġġezzjoni tiġi eżaminata f’sessjoni mhux pubblika fi żmien xahrejn minn meta tkun ġiet ippreżentata, mill-imħallef tal-falliment, id-deputat tiegħu jew imħallef maħtur. Jekk l-imħallef li jeżamina l-oġġezzjoni jiddeċiedi li tkun meħtieġa seduta, dan jinnotifika lis-superviżur tal-qorti jew lill-prattikant fl-insolvenza, lid-debitur u lill-kreditur li jkunu ressqu l-oġġezzjoni u lill-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet oġġezzjonata. In-nuqqas tagħhom li jidhru quddiem il-qorti, anki jekk iġġustifikat, ma jwaqqafx il-ħruġ ta’ deċiżjoni. L-imħallef tal-falliment, id-deputat tiegħu jew imħallef maħtur jista’ jirrinunzja t-teħid ta’ evidenza abbażi ta’ opinjoni esperta jekk l-espert ikun ta opinjoni fi proċedimenti oħra quddiem qorti, qorti ta’ arbitraġġ jew korp amministrattiv. F’dan il-każ id-dokumenti li jkun fihom l-opinjoni esperta huma evidenza.
Deċiżjoni li tikkonċerna s-suġġett ta’ oġġezzjoni hija miftuħa għal appell mid-debitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikanti tal-insolvenza u l-kredituri.
Il-lista tal-pretensjonijiet tiġi modifikata sa fejn speċifikat fid-deċiżjoni wara li d-deċiżjoni li tikkonferma l-oġġezzjoni ssir finali. Fil-proċedimenti aċċellerati ta’ arranġament il-lista tal-pretensjonijiet tiġi approvata mill-imħallef tal-falliment fil-laqgħa tal-kredituri.
Fil-proċedimenti ta’ arranġament u ta’ rimedju, l-imħallef tal-falliment japprova l-lista tal-pretensjonijiet wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għall-oġġezzjonijiet jew, jekk titressaq oġġezzjoni, wara li d-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni ssir finali.
L-imħallef tal-falliment japprova l-lista tal-pretensjonijiet mhux affettwati minn oġġezzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx soġġetti għal deċiżjoni finali jekk is-somma tal-pretensjonijiet ikkonċernati minn dawk l-oġġezzjonijiet tkun tammonta għal mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament. Il-proċedimenti dwar dawk l-oġġezzjonijiet ma jitkomplewx mill-qorti jew mill-imħallef tal-falliment jekk ma jkunux is-suġġett ta’ deċiżjoni finali sa meta ssir il-votazzjoni fuq l-arranġament.
Jekk jinstab li l-lista tal-pretensjonijiet tkun tinkludi pretensjoni li ma tkunx kompletament jew parzjalment eżistenti jew li hija dovuta lil persuna oħra minbarra dik imsemmija bħala kreditur fil-lista, l-imħallef tal-falliment jista’ jneħħi l-pretensjoni mil-lista ex officio. Id-deċiżjoni biex titneħħa l-pretensjoni mil-lista tiġi notifikata lill-kreditur li tkun tikkonċerna, id-debitur u s-superviżur tal-prattikant fl-insolvenza. Dawk il-persuni ma jistgħux jappellaw kontra d-deċiżjoni.
Is-superviżur jew il-prattikant fl-insolvenza jfassal suppliment mal-lista tal-pretensjonijiet jekk wara li jkun ippreżenta l-lista titressaq pretensjoni li ma tkunx ġiet inkluża fil-lista.
Wara r-rifjut finali li jiġi approvat arranġament jew it-twaqqif finali tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet (li jindika l-isem tal-kreditur u l-pretensjoni tiegħu) iservi bħala titolu eżekuttiv kontra d-debitur.
Wara l-approvazzjoni finali ta’ arranġament, estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet flimkien ma’ estratt minn deċiżjoni finali li tapprova l-arranġament iservi bħala titolu eżekuttiv kontra d-debitur u l-parti li tkun ipprovdiet il-garanzija għall-implimentazzjoni tal-arranġament, jekk ikun ġie ppreżentat lill-qorti dokument li jikkonferma l-garanzija, u kontra l-parti li tkun meħtieġa tagħmel ħlas addizzjonali, jekk l-arranġament ikun jipprevedi ħlasijiet addizzjonali bejn il-kredituri.
Id-debitur jista’ jitlob li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet tiġi stabbilita bħala li ma teżistix jew li teżisti fi grad inqas, jekk id-debitur ikun ressaq oġġezzjoni fil-proċedimenti ta’ ristrutturar u l-qorti tkun għad trid tagħti deċiżjoni finali dwar il-pretensjoni.
Wara li l-estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet jiġi ddikjarat eżegwibbli, id-debitur jista’ jressaq l-oġġezzjoni li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet ma tkunx teżisti jew teżisti fi grad inqas billi jippreżenta azzjoni biex it-titolu eżekuttiv jiġi ddikjarat mhux eżegwibbli.
13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?
Fil-proċedimenti ta’ falliment ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni tar-rikavat huma stabbiliti fl-Artikoli 335-351 tal-Att dwar il-Fallimenti.
L-ispejjeż tal-proċedimenti għandhom prijorità, segwiti minn obbligazzjonijiet oħra tal-patrimonju tal-falliment (jekk il-fondi tal-patrimonju tal-falliment ikunu biżżejjed) peress li s-somom rilevanti jiġu miżjuda mal-patrimonju tal-falliment.
Il-pretensjonijiet ta’ manteniment għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu ssodisfati mir-riċevitur meta dawn ikunu dovuti, sakemm jiġi abbozzat il-pjan ta’ distribuzzjoni finali, kull darba għal kull parti intitolata f’ammont mhux ogħla mill-paga minima. Il-pretensjonijiet li jifdal minn dawk il-pretensjonijiet ta’ manteniment ma jiġux issodisfati mill-patrimonju tal-falliment.
Il-pretensjonijiet li għandhom jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment (wara li jiġu koperti l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment u l-pretensjonijiet ta’ manteniment) jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin:
l-ewwel kategorija - pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg għall-perjodu li jippreċedi d-dikjarazzjoni ta’ falliment, ħlief pretensjonijiet fir-rigward tar-remunerazzjoni tar-rappreżentanti tal-parti falluta jew ta’ persuna li twettaq azzjonijiet fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-intrapriża tal-parti falluta, jew is-superviżjoni tagħha, pretensjonijiet ta’ bdiewa taħt kuntratti għall-provvista ta’ prodotti mill-irziezet tagħhom, pretensjonijiet ta’ manteniment u benefiċċji mħallsa bħala kumpens għal mard mentali, inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt jew annwalità mogħtija bi skambju għal drittijiet taħt ftehim ta’ annwalità għall-aħħar tliet snin qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, pretensjonijiet fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fis-sens tal-Att dwar is-Sistema tas-Sigurtà Soċjali tat-13 ta’ Ottubru 1998 (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2022, il-punt 1009, 1079 u 1115) u pretensjonijiet li oriġinaw fi proċedimenti ta’ ristrutturar attribwibbli għall-azzjonijiet tal-prattikant fl-insolvenza jew pretensjonijiet attribwibbli għall-azzjonijiet tad-debitur imwettqa wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, li ma jeħtiġux il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri jew il-kunsens tas-superviżur tal-qorti jew li jitwettqu bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri jew il-kunsens tas-superviżur tal-qorti, jekk il-falliment ġie ddikjarat bħala riżultat tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ falliment issimplifikata, kif ukoll pretensjonijiet dwar krediti, self, bonds, garanziji jew ittri ta’ kreditu jew finanzjament ieħor previst fl-arranġament adottat fi proċedimenti ta’ ristrutturar u mogħti b’konnessjoni mal-implimentazzjoni ta’ dak l-arranġament, jekk il-falliment ikun ġie ddikjarat bħala riżultat tal-eżami ta’ rikors ta’ falliment ippreżentat mhux aktar tard minn 3 xhur wara l-annullament finali tal-arranġament;
it-tieni kategorija - pretensjonijiet oħra, jekk mhux indirizzati f’kategoriji oħra, b’mod partikolari taxxi u imposti pubbliċi kif ukoll pretensjonijiet oħra fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali;
it-tielet kategorija - imgħax fuq pretensjonijiet inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq, fl-ordni li fiha jitħallsu l-ammonti prinċipali kif ukoll multi tal-qorti u dawk amministrattivi u pretensjonijiet rigward donazzjonijiet u legati;
ir-raba’ kategorija - pretensjonijiet tas-sħab jew tal-azzjonisti rigward self jew att legali ieħor b’effetti simili, speċjalment il-provvista ta’ oġġetti fuq termini differiti lill-parti falluta li kienet kumpanija kapitali fil-5 snin qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, bl-imgħax.
Jekk is-somma li għandha tiġi distribwita ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-pretensjonijiet kollha, il-pretensjonijiet tal-kategorija li jmiss jiġu ssodisfati biss wara li jiġu ssodisfati bis-sħiħ it-talbiet tal-kategorija preċedenti u jekk is-somma li għandha tiġi distribwita ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-pretensjonijiet kollha ta’ kategorija partikolari, dawk il-pretensjonijiet jiġu ssodisfati proporzjonalment għall-ammont ta’ kull waħda minnhom.
Il-pretensjonijiet garantiti b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali u ipoteka marittima kif ukoll drittijiet li jiskadu skont id-dispożizzjonijiet tal-Att u l-effetti tal-iżvelar tad-drittijiet personali u pretensjonijiet li jaggravaw proprjetà immobbli, użufrutt perpetwu, id-dritt tas-sjieda ta’ membru ta’ kooperattiva għall-bini residenzjali jew bastiment li jbaħħar imdaħħal fir-reġistru tat-tbaħħir, jiġu ssodisfatti mill-ammont miksub permezz tal-likwidazzjoni tal-parti ggravata nieqes l-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ dik il-parti u spejjeż oħra tal-proċedimenti ta’ falliment f’ammont mhux ogħla minn wieħed minn għaxra tal-ammont miksub permezz tal-likwidazzjoni; madankollu, il-parti mnaqqsa tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment ma tistax tkun ogħla mill-parti li tikkorrispondi għall-proporzjon tal-valur tal-oġġett aggravat għall-valur tal-patrimonju tal-falliment totali. Dawk il-pretensjonijiet u drittijiet jiġu ssodisfati fl-ordni tal-prijorità tagħhom. Jekk l-ammont miksub permezz tal-likwidazzjoni tal-parti ggravata jintuża biex jiġu ssodisfatti iż-żewġ pretensjonijiet garantiti minn ipoteka u d-drittijiet li jiskadu kif ukoll drittijiet u pretensjonijiet personali, il-prijorità tiddependi fuq il-mument li l-entrata ta’ ipoteka, id-dritt jew il-pretensjoni fir-reġistru tal-art u tal-ipoteki jibda jkollha effett.
Il-pretensjonijiet kollaterali koperti mill-garanzija skont dispożizzjonijiet separati jiġu ssodisfati f’miżura ugwali mal-pretensjonijiet ta’ hawn fuq. L-ammont dovut lill-kreditur l-ewwel ikun jgħodd għall-pretensjoni prinċipali, imbagħad għall-imgħax u pretensjonijiet kollaterali oħra, filwaqt li l-ispejjeż tal-proċedimenti jiġu koperti fl-aħħar.
Jekk proprjetà immobbli, dritt għal użufrutt perpetwu, dritt ta’ sjieda ta’ membru ta’ kooperattiva għal bini residenzjali jew bastiment li jbaħħar imdaħħal fir-reġistru tat-tbaħħir jinbiegħ qabel ma jissodisfa l-pretensjonijiet garantiti b’ipoteka jew b’ipoteka marittima u drittijiet oħra, inklużi drittijiet personali u pretensjonijiet li jkunu ggravaw l-oġġett mibjugħ u li jkunu skadew bħala riżultat tal-bejgħ, jiġu ssodisfatti, il-pretensjonijiet ta’ manteniment jiġu ssodisfatti, kif ukoll il-benefiċċji mħallsa bħala kumpens għall-mard, l-inkapaċità għax-xogħol, id-diżabbiltà jew il-mewt u l-annwalità mogħtija bi skambju għal drittijiet taħt ftehim ta’ annwalità għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment u r-remunerazzjoni għax-xogħol tal-impjegati mwettaq fuq il-proprjetà immobbli, bastiment jew bini għat-tliet xhur qabel il-bejgħ iżda biss sa tliet darbiet l-ammont tal-paga minima.
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-pretensjonijiet jiġu ssodisfatti skont l-arranġament approvat mill-qorti. Ir-regoli li jirregolaw il-laqgħa tal-pretensjonijiet huma stabbiliti fl-Artikoli 155-163 tal-Att dwar ir-Ristrutturar.
L-arranġament jista’ jipprovdi għad-diviżjoni tal-kredituri fi gruppi li jinkludu kategoriji differenti ta’ interessi, b’mod partikolari:
- kredituri bi pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg li jkunu qablu li jkunu koperti mill-arranġament;
- bdiewa bi pretensjonijiet li jikkonċernaw il-provvista ta’ prodotti mir-razzett tagħhom stess;
- kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom huma garantiti fuq l-assi tad-debitur permezz ta’ ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima kif ukoll bit-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett, pretensjoni jew dritt ieħor lill-kreditur u li jkunu qablu li jkunu koperti b’tali arranġament;
- kredituri li jkunu sħab jew azzjonisti ta’ debitur li jkun kumpanija kapitali, li jkollhom l-ishma tal-kumpanija li jipprovdulhom mill-inqas 5 % tal-voti fil-laqgħa tas-sħab jew fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.
Id-diviżjoni ta’ kredituri fi gruppi hija obbligatorja jekk proposta ta’ arranġament tkun tinkludi kredituri garantiti.
It-termini tar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tad-debitur huma l-istess għall-kredituri kollha u jekk il-votazzjoni fuq l-arranġament ssir fi gruppi ta’ kredituri, l-istess għall-kredituri inklużi fl-istess grupp, sakemm kreditur ma jaqbilx espressament għal termini inqas favorevoli.
Termini aktar favorevoli għar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tad-debitur huma ammissibbli għal kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, ikun ta jew ikun se jagħti finanzjament fil-forma ta’ kreditu, bonds, garanziji bankarji, ittri ta’ kreditu jew fuq il-bażi ta’ strument finanzjarju ieħor, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-arranġament.
It-termini ta’ pretensjonijiet ta’ ristrutturar taħt relazzjoni ta’ impjieg ma jistgħux iċaħħdu lill-impjegati mill-paga minima.
Ir-ristrutturar japplika bl-istess mod għall-obbligi finanzjarji u mhux finanzjarji. Jekk - fi żmien ġimgħa minn meta jirċievi notifika tad-data tal-laqgħa tal-kredituri b’kopja tal-proposta tal-arranġament - il-kreditur ikun oġġezzjona għar-ristrutturar tal-pretensjoni tiegħu bħala pretensjoni mhux monetarja, billi jissottometti dikjarazzjoni lis-superviżur jew lill-prattikant fl-insolvenza, jew minħabba li r-ristrutturar ikun impossibbli minħabba n-natura tal-pretensjoni mhux monetarja, dik il-pretensjoni tinbidel fi pretensjoni monetarja. Dak l-effett jinħoloq meta jinfetħu l-proċedimenti.
It-termini tal-pretensjonijiet ta’ ristrutturar li huma garantiti fuq l-assi tad-debitur permezz ta’ ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima kif ukoll bit-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett, pretensjoni jew dritt ieħor, jistgħu jkunu differenzjati skont il-prijorità tal-kredituri.
14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?
Il-proċedimenti ta’ falliment jiġu ddikjarati bħala magħluqa mill-qorti wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ distribuzzjoni finali jew meta fil-kors tal-proċedimenti l-kredituri kollha jkunu ġew issodisfatti.
Fil-jum li fih issir finali d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment, il-parti falluta terġa’ tikseb id-dritt li timmaniġġja u tiddisponi mill-assi tagħha.
Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, kwalunkwe proċedimenti pendenti miftuħa mir-riċevitur biex jiddikjara nulla azzjoni mwettqa mill-parti falluta għad-detriment tal-kredituri jiġu mitmuma u l-pretensjonijiet reċiproċi għall-irkupru tal-ispejjeż proċedurali jiskadu. Fi proċedimenti ċivili oħra, il-parti falluta tieħu post ir-riċevitur.
30 jum wara t-tħabbir tad-deċiżjoni għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, parti falluta li tkun persuna fiżika tista’ tissottometti talba għall-abbozzar ta’ pjan tal-ħlas tal-kreditur u għall-kwittanza tad-dejn li jkun baqa’ li ma jkunx ġie ssodisfatt fil-proċedimenti ta’ falliment. Fl-istess limitu ta’ żmien, parti falluta li hija persuna fiżika tista’ wkoll tissottometti talba għall-kwittanza tad-dejn mingħajr ma tabbozza pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk iċ-ċirkostanzi personali tal-parti falluta jagħmluha evidenti b’mod ċar li hija permanentament inkapaċi li tagħmel ħlasijiet skont il-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Jekk l-inkapaċità ta’ ħlas skont il-pjan tal-ħlas tal-kreditur li toriġina miċ-ċirkostanzi personali tal-parti falluta ma hijiex permanenti, il-qorti tagħti kwittanza tad-dejn tal-parti falluta mingħajr l-abbozzar ta’ pjan tal-ħlas tal-kreditur sakemm fi żmien 5 snin mill-jum li fih issir finali d-deċiżjoni dwar il-kwittanza kondizzjonali tad-dejn tal-parti falluta mingħajr l-abbozzar ta’ pjan tal-ħlas tal-kreditur, la l-parti falluta u lanqas xi wieħed mill-kredituri ma jissottomettu talba għall-abbozzar ta’ pjan tal-ħlas tal-kreditur, u bħala riżultat ta’ dan il-qorti tħassar id-deċiżjoni dwar il-kwittanza kondizzjonali tad-dejn tal-parti falluta mingħajr ma tabbozza pjan tal-ħlas tal-kreditur u tabbozza pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li tikkonkludi li l-parti falluta ma għadhiex kapaċi tagħmel ħlasijiet mill-ġdid skont il-pjan tal-ħlas tal-kreditur.
It-talba msemmija tiġi miċħuda mill-qorti jekk:
- il-parti falluta tkun ikkawżat l-insolvenza tagħha stess jew tkun żiedet mingħajr intenzjoni l-livell tagħha b’mod sinifikanti, b’mod partikolari billi berbqet l-assi tagħha u b’nuqqas intenzjonali li tissodisfa l-obbligi tagħha li saru dovuti;
- fil-perjodu ta’ 10 snin qabel il-preżentazzjoni tar-rikors ta’ falliment il-parti falluta kienet soġġetta għal proċeduri ta’ falliment li fihom l-obbligazzjonijiet kollha tagħha jew parti minnhom ingħataw kwittanza
– sakemm l-għoti tar-rikors imsemmi f’(1) jew (1a) ma jkunx iġġustifikat minħabba ekwità jew ħtieġa umanitarja.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar it-tfassil ta’ pjan tal-ħlas tal-kreditur il-qorti tiddetermina jekk il-parti falluta kkawżatx l-insolvenza tagħha stess jew żiditx il-livell tagħha b’mod sinifikanti intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza gravi u tispeċifika sa liema punt u f’liema żmien (mhux aktar minn 36 xahar) il-parti falluta għandha twettaq l-obbligi ammessi fil-lista tal-pretensjonijiet u mhux imwettqa matul il-proċedimenti ta’ falliment f’konformita mal-pjanijiet ta’ distribuzzjoni u liema parti mill-obbligi tal-parti falluta li oriġinaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment se jingħataw kwittanza ladarba l-pjan tal-ħlas tal-kreditur ikun ġie implimentat. Jekk il-parti falluta tkun instabet li kkawżat l-insolvenza tagħha jew li żiedet il-livell tagħha intenzjonalment jew permezz ta’ negliġenza gravi, il-pjan tal-ħlas tal-kreditur ma jistax jiġi stabbilit għal perjodu iqsar minn 36 xahar jew itwal minn 84 xahar. Fejn il-kreditur ikun ħallas mill-inqas 70 % tal-obbligi tiegħu ammessi fil-lista tal-pretensjonijiet bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ distribuzzjoni u l-pjan tal-ħlas tal-kreditur, il-pjan tal-ħlas tal-kreditur ma jistax jiġi stabbilit għal perjodu ta’ aktar minn sena. Fejn il-kreditur ikun ħallas mill-inqas 50 % tal-obbligi tiegħu ammessi fil-lista tal-pretensjonijiet bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ distribuzzjoni u l-pjan tal-ħlas tal-kreditur, il-pjan tal-ħlas tal-kreditur ma jistax jiġi stabbilit għal perjodu ta’ aktar minn sentejn.
Waqt li jkun qed jiġi implimentat il-pjan tal-ħlas tal-kreditur, ma jistgħux jinfetħu proċedimenti ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jkunu oriġinaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment (ħlief pretensjonijiet li oriġinaw mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 370f(2) tal-Att dwar il-Fallimenti u pretensjonijiet mhux żvelati mill-parti falluta jekk il-kreditur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedimenti), u l-parti falluta ma tista’ lanqas twettaq azzjonijiet legali li jistgħu jimminaw il-kapaċità tagħha li timplimenta l-pjan tal-ħlas tal-kreditur (f’każijiet eċċezzjonali l-qorti tista’, fuq talba tal-parti falluta, tagħti l-kunsens għal tali azzjoni legali jew tapprovaha).
Sal-aħħar ta’ April ta’ kull sena l-parti falluta trid tippreżenta rapport lill-qorti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur għas-sena kalendarja preċedenti, tiżvela d-dħul iġġenerat, l-ammonti mħallsa lura u l-assi akkwistati b’valur ogħla mir-remunerazzjoni medja fix-xahar fis-settur tal-intrapriżi eskluż il-ħlas ta’ dividend fuq il-profitti fit-tielet kwart tas-sena ta’ qabel.
Il-qorti tista’ temenda l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi stabbiliti f’dak il-pjan, fuq talba tal-parti u wara li tisma’ lill-kredituri. Tista’ wkoll testendi l-perjodu għall-ħlas lura tad-djun sa mhux aktar minn 18-il xahar.
Jekk is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti falluta titjieb b’mod sostanzjali waqt li l-pjan tal-ħlas tal-kreditur ikun qed jiġi implimentat u dak it-titjib ikun jista’ jiġi attribwit għal kawżi barra minn żieda fil-pagi jew dħul iġġenerat mill-attività kummerċjali mwettqa personalment mill-parti falluta, il-kreditur u l-parti falluta jistgħu jressqu talba biex jiġi emendat il-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Il-qorti toħroġ deċiżjoni dwar l-emenda tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li tisma’ lill-parti falluta u l-kredituri inklużi fil-pjan tal-ħlas.
Il-qorti, waqt li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-kreditur, tħassar il-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta tonqos milli twettaq l-obbligi speċifikati fil-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li tkun semgħet lill-parti falluta u l-kredituri koperti mill-pjan tal-ħlas, sakemm in-nuqqas li jitwettqu l-obbligi jkun insinifikanti jew il-kwittanza tal-bqija tad-dejn tal-parti falluta ma tkunx ġustifikata fuq il-bażi ta’ ekwità jew ħtieġa umanitarja; Din id-dispożizzjoni ta’ hawn fuq tapplika mutatis mutandis jekk il-parti falluta:
- ma tkunx ippreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur fil-ħin;
- tkun naqset milli tiżvela d-dħul iġġenerat jew l-assi akkwistati fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur;
- tkun wettqet azzjoni legali li tista’ ddgħajjef il-kapaċità tagħha li timplimenta l-pjan tal-ħlas tal-kreditur mingħajr il-kunsens tal-qorti jew azzjoni li ma tkunx ġiet approvata mill-qorti;
- tkun ħbiet xi assi jew tinstab, b’deċiżjoni finali, li tkun wettqet azzjoni legali għad-detriment tal-kredituri.
Jekk jiġi annullat il-pjan tal-ħlas, l-obbligazzjonijiet tal-parti falluta ma jingħatawx kwittanza.
Il-qorti tagħti deċiżjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas u l-kwittanza tal-obbligazzjonijiet tal-parti falluta li jkunu oriġinaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment u ma jkunux ġew issodisfati permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li l-parti falluta tkun wettqet l-obbligi speċifikati fil-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Il-pretensjonijiet ta’ manteniment, l-obbligazzjonijiet relatati mal-benefiċċji mħallsa bħala kumpens għall-mard, l-inkapaċità għax-xogħol, id-diżabbiltà jew il-mewt, il-multi pagabbli imposti mill-qorti kif ukoll l-obbligi ta’ kumpens għad-dannu u t-tbatija mġarrba, l-obbligi ta’ ħlas għal dannu supplimentari jew benefiċċji ta’ flus imposti mill-qorti bħala miżura penali jew ta’ prova kif ukoll obbligi ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw minn delitt jew reat stabbilit f’sentenza finali u pretensjonijiet li l-parti falluta naqset milli tiżvelahom intenzjonalment, jekk il-kreditur ma jkunx ħa sehem fil-proċedimenti, ma jingħatawx kwittanza.
Il-bidliet fir-relazzjonijiet legali magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Fallimenti jkunu vinkolanti għall-parti falluta u għall-parti l-oħra anki wara l-konklużjoni tal-proċedimenti ta’ falliment, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv separat ma jistipulawx mod ieħor.
Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jingħalqu meta d-deċiżjoni tal-qorti li tapprova jew tirrifjuta li tapprova l-arranġament issir finali. Huwa wkoll f’dak il-punt li d-debitur jerġa’ jikseb id-dritt li jimmaniġġja l-assi tiegħu jekk ikun ġie mċaħħad li jagħmel dan jew jekk dan id-dritt kien limitat, sakemm l-arranġament ma jistipulax mod ieħor (l-Artikolu 171 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Wara l-implimentazzjoni tal-arranġament jew wara l-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet koperti mill-arranġament, il-qorti, fuq talba tad-debitur, is-superviżur tal-arranġament jew persuna oħra intitolata skont l-arranġament biex timplimenta jew tissorvelja l-arranġament, toħroġ deċiżjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni tal-arranġament (l-Artikolu 172 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?
Jekk wara l-konklużjoni tal-proċedimenti ta’ falliment kontra persuni fiżiċi li jwettqu attività ekonomika jew professjonali jiġi mfassal pjan tal-ħlas, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti biex tħassar il-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta tonqos milli twettaq l-obbligi speċifikati fil-pjan jew tonqos milli tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fil-ħin, tonqos milli tiżvela d-dħul iġġenerat jew l-assi akkwistati fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur, twettaq azzjoni legali mingħajr il-kunsens tal-qorti li tista’ ddgħajjef il-kapaċità tagħha li timplimenta l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jew dik l-azzjoni ma tkunx ġiet approvata mill-qorti, tonqos milli tiżvela l-assi tagħha jew tinstab, b’deċiżjoni finali, li tkun wettqet azzjoni legali għad-detriment tal-kredituri (l-Artikolu 370e tal-Att dwar il-Fallimenti). Barra minn hekk, wara l-konklużjoni jew it-twaqqif tal-proċedimenti ta’ falliment, il-kreditur jista’ japplika biex estratt mil-lista tal-pretensjonijiet approvati mill-imħallef tal-falliment, b’indikazzjoni tal-pretensjoni u l-ammont riċevut fir-rigward tagħha mill-kreditur, jiġi ddikjarat eżegwibbli bl-għan li jirkupra (fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni) l-obbligazzjonijiet li ma tħallsux fi proċedimenti ta’ falliment (l-Artikolu 264 tal-Att dwar il-Fallimenti).
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti biex tħassar l-arranġament jekk id-debitur ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tagħha jew ikun ovvju li l-arranġament ma jkunx se jiġi implimentat (ikun preżunt li l-arranġament mhux se jiġi implimentat jekk id-debitur jonqos milli jissodisfa l-obbligazzjonijiet li joriġinaw wara l-approvazzjoni tal-arranġament). Il-parti li tagħmel it-talba tista’ tappella kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba (l-Artikolu 176 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Jekk l-arranġament jiġi mħassar jew jiskadi, il-kredituri eżistenti jistgħu jaffermaw il-pretensjonijiet tagħhom fl-ammonti oriġinali u s-somom imħallsa bbażati fuq l-arranġament jingħaddu magħhom. Ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima jassiguraw pretensjoni sal-ammont li jkun għad irid jiġi ssodisfatt (l-Artikolu 179 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?
Fil-prinċipju, il-proċedimenti ta’ falliment jinvolvu żewġ stadji, jiġifieri proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment u proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.
L-ispejjeż tal-proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu koperti fil-prima istanza mill-ħlas bil-quddiem magħmul mill-applikant f’ammont ekwivalenti għar-remunerazzjoni medja ta’ kull xahar fis-settur tal-intrapriżi eskluż il-ħlas ta’ dividend fuq il-profitti fit-tielet kwart tas-sena ta’ qabel kif imħabbar mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. Jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba tal-kreditur, l-ispejjeż tagħhom jitħallsu mill-parti falluta jekk jiġi ddikjarat falliment jew jekk it-talba tkun miċħuda minħabba l-insuffiċenza tal-patrimonju.
L-ispejjeż tal-proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu koperti mill-patrimonju tal-falliment. Jekk l-assi tad-debitur insolventi ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti jew jekk ikunu biżżejjed biex ikopru dawk l-ispejjeż biss, il-qorti tirrifjuta r-rikors ta’ falliment.
Il-kreditur ma huwiex intitolat għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fi proċedimenti ta’ falliment. Madankollu, l-ispejjeż sostnuti mill-kreditur fi proċedimenti mibdija minn oġġezzjoni għall-ammissjoni ta’ pretensjoni ta’ kreditur ieħor jiġu rrimborsati jekk, bħala riżultat tal-oġġezzjoni, l-ammissjoni tal-pretensjoni kkontestata tkun ġiet miċħuda. Ħlasijiet bil-quddiem li jingħaddu mal-ispejjeż tal-proċedimenti mħallsa fuq it-talba tal-imħallef tal-falliment jew skont riżoluzzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jiġu rrimborsati wkoll jekk il-fondi tal-patrimonju tal-falliment ikunu biżżejjed. Kreditur li jippreżenta talba wara l-iskadenza speċifikata jġarrab l-ispejjeż b’rata fissa tal-proċedimenti ta’ falliment li jirriżultaw minn din il-preżentazzjoni fl-ammont ekwivalenti għal 15 % tar-remunerazzjoni medja ta’ kull xahar fis-settur tal-intrapriżi eskluż il-ħlas ta’ dividend fuq il-profitti fit-tielet kwart tas-sena ta’ qabel kif imħabbar mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, anki jekk id-dewmien ma kienx tort tal-kreditur, sakemm il-preżentazzjoni ta’ pretensjoni wara l-iskadenza ma kinitx minħabba li r-riċevitur ikkoreġa r-ritorn jew xi dokument ieħor ta’ saldu.
L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ ristrutturar jitħallsu mid-debitur. L-ispejjeż, pagabbli minn debitur imċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja, jitħallsu mill-prattikant fl-insolvenza fuq talba tal-qorti jew tal-imħallef tal-falliment.
Il-parteċipanti fi proċedimenti jħallsu l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom.
L-ispejjeż tal-proċedimenti miftuħa wara oġġezzjoni għall-inklużjoni ta’ pretensjoni ta’ kreditur ieħor huma pagabbli mid-debitur lill-kreditur li jkun oġġezzjona jekk l-oġġezzjoni tkun irriżultat f’rifjut li tiġi inkluża l-pretensjoni kkontestata, sakemm id-debitur ma jkunx ikkontesta l-inklużjoni tal-pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet f’dikjarazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 86(2)(9) tal-Att dwar ir-Ristrutturar jew ressaq oġġezzjoni.
17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?
Fil-proċedimenti ta’ falliment l-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jsiru nulli. Id-disponiment mill-parti falluta tal-wirt kollu jew parti minnu jew ta’ sehem ta’ wirt isir null wkoll, bħalma huwa d-disponiment ta’ dik il-parti ta’ sehem f’oġġett inkluż fil-wirt u l-kunsens ta’ dik il-parti għal werriet ieħor li jiddisponi minn sehem f’oġġett inkluż fil-wirt.
Taħt piena ta’ nullità, il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri huwa meħtieġ għall-azzjonijiet li ġejjin (l-Artikolu 206 tal-Att dwar il-Fallimenti):
- l-immaniġġjar kontinwu tal-intrapriża mir-riċevitur jekk ikun se jdum aktar minn 3 xhur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment;
- ir-rinunzja tal-bejgħ tal-intrapriża fit-totalità tagħha;
- il-bejgħ dirett tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment;
- il-kuntrattar ta’ self jew krediti u l-aggravar tal-assi tal-parti falluta bi drittijiet ta’ proprjetà limitati;
- l-ammissjoni, ir-rinunzja ta’ dħul f’arranġament rigward il-pretensjonijiet ikkontestati u t-tressiq ta’ tilwima quddiem qorti ta’ arbitraġġ.
Tista’ tiġi invokata eċċezzjoni meta waħda mill-azzjonijiet ta’ hawn fuq ikollha ssir minnufih u tkun tikkonċerna valur ta’ mhux aktar minn PLN 10 000, f’liema każ ir-riċevitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikant fl-insolvenza jistgħu jwettquha mingħajr il-kunsens tal-kumitat.
Barra minn hekk, ma huwa meħtieġ l-ebda permess mill-kumitat tal-kredituri għall-bejgħ ta’ assi mobbli jekk il-valur stmat tal-assi mobbli kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000 u għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra, jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet kollha u drittijiet oħra inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000. Dan japplika wkoll għall-kunsens għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet u d-drittijiet l-oħra kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fil-lista tal-pretensjonijiet, ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti ta’ PLN 50 000.
Entrata fir-reġistru tal-art u l-ipoteki jew reġistru ieħor li jaggrava l-assi tal-parti falluta bi dritt in rem limitat magħmula mingħajr il-kunsens meħtieġ skont (1) hija soġġetta għal tneħħija ex officio. Il-bażi għat-tneħħija hija deċiżjoni finali mill-imħallef tal-falliment li jsib li l-entrata tkun inammissibbli (l-Artikolu 206(5) tal-Att dwar il-Fallimenti).
L-imħallef tal-falliment jispeċifika l-azzjonijiet li m’għandhomx jitwettqu mir-riċevitur mingħajr il-kunsens tiegħu jew mingħajr il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri. Dan ifisser li l-imħallef tal-falliment jista’ jestendi l-katalogu tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 206 li jeħtieġu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri taħt piena ta’ nullità.
L-azzjonijiet legali li bihom il-parti falluta tiddisponi mill-assi tagħha fit-12-il xahar qabel ma tippreżenta r-rikors ta’ falliment isiru nulli jekk ikunu twettqu bla ħlas jew bil-ħlas imma l-valur tat-twettiq tal-parti falluta manifestament ikun qabeż il-korrispettiv miksub minn dik il-parti jew riżervat għal dik il-parti jew għal parti terza. Din ir-regola tapplika wkoll mutatis mutandis għal soluzzjoni bil-qorti, ammissjoni għal pretensjoni u rinunzja għal pretensjoni.
Barra minn hekk, il-garanzija għal dejn mhux dovut li jitħallas u l-ħlas lura tiegħu ma għandhom l-ebda effett jekk jitwettqu mill-parti falluta fis-6 xhur qabel ma jkun ġie ppreżentat ir-rikors ta’ falliment. Madankollu, il-parti li tkun kisbet il-ħlas jew il-garanzija tista’, permezz ta’ pretensjoni jew oġġezzjoni, tfittex l-ammissjoni ta’ dawk l-azzjonijiet bħala effettivi jekk ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ raġunijiet għal falliment fiż-żmien meta twettqu dawk l-azzjonijiet.
Ir-regoli ta’ hawn fuq ma japplikawx għal titoli stabbiliti qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet forward finanzjarji, self ta’ strumenti finanzjarji jew il-bejgħ ta’ titoli taħt ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imsemmija fl-Artikolu 85(1).
Fuq talba ta’ parti terza, l-imħallef tal-falliment jista’ jordna li l-prestazzjoni reċiproka ta’ dik il-persuna titreġġa’ lura mill-patrimonju tal-falliment, jekk din il-presazzjoni tkun ngħatat b’konnessjoni ma’ azzjoni legali minn dik il-parti terza u l-parti falluta fir-rigward ta’ proprjetà inkluża fil-patrimonju tal-falliment. Id-dispożizzjonijiet fuq il-prestazzjoni mhux xierqa japplikaw mutatis mutandis għal din it-tip ta’ prestazzjoni. Ir-ritorn ta’ din il-prestazzjoni jista’ jiġi ordnat jekk l-azzjoni legali tkun seħħet wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment u qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-falliment fir-Reġistru, filwaqt li l-parti terza li teżerċita diliġenza dovuta ma setgħetx tkun taf bid-dikjarazzjoni ta’ falliment.
L-assenjazzjoni ta’ pretensjoni futura m’għandhiex effett fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk dik il-pretensjoni tiġi ppreżentata wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, sakemm il-ftehim li jassenja l-pretensjoni ma kienx ġie konkluż sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel il-preżentazzjoni, f’data ċċertifikata, ta’ rikors ta’ falliment bil-miktub.
Azzjoni legali mwettqa fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment bi ħlas tiġi ddikjarata invalida mill-imħallef tal-falliment ex officio jew fuq it-talba tar-riċevitur jekk tkun twettqet mill-parti falluta fis-6 xhur qabel ma tkun ippreżentat ir-rikors ta’ falliment mal-konjuġi tal-parti, qarib bid-demm jew qarib biż-żwieġ fil-linja diretta, qarib bid-demm jew qarib biż-żwieġ fil-linja kollaterali sat-tieni grad, b’mod inklussiv, ma’ persuna f’relazzjoni attwali mal-parti falluta, persuna li tkun tmexxi familja mal-parti falluta jew li tkun il-ġenitur jew il-wild adottiv tal-parti falluta, sakemm il-parti l-oħra fl-azzjoni ma tagħtix prova li l-interess tal-kredituri ma tkunx ġratlu l-ħsara. Jista’ jsir appell kontra d-deċiżjoni mill-imħallef tal-falliment.
Ir-regola ta’ hawn fuq tapplika wkoll għal azzjonijiet imwettqa mill-parti falluta ma’ kumpanija li fiha din il-parti tkun membru tal-bord jew l-uniku sieħeb jew azzjonist u ma’ kumpaniji li fihom il-persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti jkunu membri tal-bord jew sħab uniċi jew azzjonisti. Hija tapplika wkoll mutatis mutandis għal azzjonijiet imwettqa minn parti falluta li tkun kumpanija jew persuna ġuridika, jekk titwettaq mas-sħab tagħha, ir-rappreżentanti jew konjuġi tagħhom u ma’ kumpaniji affiljati, is-sħab tagħhom u r-rappreżentanti u konjuġi ta’ dawk il-persuni u għal azzjonijiet ta’ parti falluta li tkun kumpanija, imwettqa ma’ kumpanija oħra, jekk waħda minnhom kienet kumpanija omm jew jekk dik il-kumpanija tkun il-kumpanija omm kemm tal-parti falluta kif ukoll tal-parti l-oħra fl-azzjoni.
Filwaqt li jaġixxi ex officio jew fuq talba tar-riċevitur, l-imħallef tal-falliment jiddikjara bħala invalida parti speċifika tar-remunerazzjoni, dovuta għal perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment iżda mhux aktar minn 6 xhur qabel il-preżentazzjoni tar-rikors ta’ falliment, fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk ir-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq minn persuna li tirrappreżenta l-parti falluta jew impjegat li jwettaq kompiti ta’ mmaniġġjar ta’ intrapriża jew ir-remunerazzjoni ta’ persuna li tipprovdi servizzi relatati mal-immaniġġjar jew is-superviżjoni tal-intrapriża tal-parti falluta speċifikata f’kuntratt ta’ impjieg, ta’ kuntratt ta’ servizz jew ta’ riżoluzzjoni tal-korp maniġerjali tal-parti falluta konkluża jew mgħoddija qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, ikun manifestament ogħla mir-remunerazzjoni medja għal dan it-tip ta’ xogħol jew servizzi u ma jkunx iġġustifikat mill-ammont ta’ xogħol, anki jekk dik ir-remunerazzjoni tkun diġà tħallset.
L-imħallef tal-falliment jista’ jiddikjara kompletament jew parzjalment invalida r-remunerazzjoni tal-persuni msemmija hawn fuq għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment, jekk ma tkunx iġġustifikata mill-ammont ta’ xogħol minħabba li l-immaniġġjar ikun qiegħed jieħu ħsiebu r-riċevitur.
Fuq it-talba tar-riċevitur, l-imħallef tal-falliment jiddikjara wkoll li l-azzjonijiet li ġejjin ikunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment:
- l-aggravar tal-assi tal-parti falluta b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima, jekk il-parti falluta ma kinitx debitur personali għall-kreditur garantit u l-gravami ġie stabbilit fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tar-rikors ta’ falliment u ma tkun saret l-ebda prestazzjoni lill-parti falluta b’rabta mal-istabbiliment tagħha;
- l-aggravar tal-assi tal-parti falluta b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima, jekk il-gravami tal-proprjetà kien stabbilit bi tpattija għal prestazzjoni ta’ valur sproporzjonatament baxx meta mqabbel mal-valur tal-garanzija stabbilita;
- il-gravami ta’ hawn fuq irrispettivament mill-valur tal-prestazzjoni, jekk jiggarantixxu d-dejn tal-persuni msemmija fl-Artikolu 128 tal-Att dwar il-Fallimenti (persuni qrib jew relatati mal-parti falluta), sakemm il-parti l-oħra ma tagħtix prova li ma tkunx ġrat ħsara lill-interess tal-kredituri;
- il-pieni kuntrattwali stipulati għan-nuqqas ta’ twettiq jew twettiq mhux xieraq ta’ obbligu, jekk l-obbligu jkun twettaq fil-biċċa l-kbira mill-parti falluta jew jekk il-piena kuntrattwali tkun manifestament eżorbitanti.
L-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta għad-detriment tal-kredituri fi kwistjonijiet mhux koperti bl-Att dwar il-Fallimenti huma rregolati mutatis mutandis bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-protezzjoni tal-kreditur kontra l-insolvenza tad-debitur.
Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, f’konformità mal-Artikolu 129 tal-Att dwar ir-Ristrutturar, taħt piena ta’ nullità, l-azzjonijiet li ġejjin mid-debitur jew mill-prattikant fl-insolvenza jirrikjedu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri:
- l-aggravar ta’ elementi tal-arranġament jew tal-patrimonju ta’ rimedju b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima sabiex tiġi assigurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
- it-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett jew dritt sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
- l-aggravar ta’ elementi tal-arranġament jew tal-patrimonju ta’ rimedju bi drittijiet oħra;
- krediti kontraenti jew self;
-
il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kiri tal-intrapriża tad-debitur jew parti organizzata minnha jew ftehim ieħor simili.
(L-azzjonijiet ta’ hawn fuq imwettqa bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri ma jistgħux jitqiesu bħala invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment).
- il-bejgħ, mid-debitur, ta’ proprjetà immobbli jew assi oħra li għandhom valur ogħla minn PLN 500 000.
Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li d-debitur ikun parti fih li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati jkunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-arranġament (l-Artikolu 248, l-Artikolu 273, l-Artikolu 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Fil-proċedimenti ta’ rimedju, l-azzjonijiet legali tad-debitur li permezz tagħhom ikun iddispona mill-assi tiegħu, jekk il-valur tat-twettiq magħmul mid-debitur ikun sostanzjalment ogħla mill-valur tat-twettiq mogħti lid-debitur jew riżervat għad-debitur jew għal parti terza, li jkun twettaq 12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, ikunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju. Din ir-regola tapplika wkoll mutatis mutandis għal soluzzjoni bil-qorti, ammissjoni għal pretensjoni u rinunzja għal pretensjoni.
Il-garanziji fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju jkunu wkoll invalidi jekk ma jkunux ġew stabbiliti b’rabta diretta mal-prestazzjoni li tkun ingħatat lid-debitur, stabbilita mid-debitur fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ rimedju u garanziji fil-parti li, fil-jum li tiġi stabbilità il-garanzija, teċċedi b’aktar minn nofs il-valur tal-prestazzjoni garantita mogħtija lid-debitur flimkien ma’ pretensjonijiet kollaterali speċifikati fid-dokument li jifforma l-bażi għall-istabbiliment tat-titolu, stabbilit fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ rimedju (l-Artikolu 304 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Fil-proċedimenti ta’ rimedju l-imħallef tal-falliment, li jaġixxi ex officio jew fuq talba tal-prattikant tal-falliment, jiddikjara parti speċifika tar-remunerazzjoni, li tkun dovuta għal perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment imma mhux għal aktar minn 3 xhur qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, invalida fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju jekk ir-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq minn rappreżentant tad-debitur jew impjegat li jwettaq il-kompiti ta’ tmexxija ta’ intrapriża jew ir-remunerazzjoni ta’ persuna li tipprovdi servizzi relatati mal-immaniġġjar ta’ jew is-superviżjoni tal-intrapriża tad-debitur speċifikati fil-kuntratt ta’ xogħol, kuntratt ta’ servizz jew riżoluzzjoni tal-korp maniġerjali tad-debitur konklużi jew mgħoddija qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, ikun manifestament ogħla mir-remunerazzjoni medja għal dan it-tip ta’ xogħol jew servizzi u ma jkunx ġustifikat mill-ammont ta’ xogħol, anki jekk dik ir-remunerazzjoni tkun diġà tħallset. L-imħallef tal-falliment jista’ jiddikjara r-remunerazzjoni tal-persuni msemmija hawn fuq, dovuta għall-perjodu wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, kompletament jew parzjalment invalida fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju, jekk ma tkunx iġġustifikata mill-ammont ta’ xogħol minħabba li l-immaniġġjar ikun qiegħed jieħu ħsiebu l-prattikant fl-insolvenza (l-Artikolu 305 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).
Il-prattikant fl-insolvenza jista’ jibda l-proċeduri biex jiddikjara azzjonijiet invalidi u proċedimenti oħra li fihom pretensjoni tkun bbażata fuq l-invalidità ta’ azzjoni. Azzjoni ma tistax tiġi ddikjarata invalida wara li tkun għaddiet sena mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, sakemm dik is-setgħa ma tkunx skadiet qabel skont il-Kodiċi Ċivili. Dak il-limitu ta’ żmien ma japplikax jekk it-talba biex tiġi ddikjarata azzjoni bħala ineffettiva tkun saret permezz ta’ oġġezzjoni. L-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta għad-detriment tal-kredituri fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet diskussi hawn fuq jistgħu jiġu kkontestati kif inhu xieraq skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-protezzjoni tal-kreditur fil-konfront tal-insolvenza tad-debitur (l-Artikoli 306-308 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).