INTRODUZZJONI
Fl-Iżvezja, ir-Regolament dwar l-Insolvenza jkopri l-falliment, ir-riorganizzazzjoni tan-negozju u r-ristrutturar tad-dejn. Ċerti aspetti tar-regoli tal-Iżvezja li jirregolaw dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolament rivedut dwar l-Insolvenza huma spjegati fil-qosor hawn taħt. Id-deskrizzjoni ma għandhiex l-iskop li tkopri kollox.
FALLIMENT
Ġenerali
Il-falliment (konkurs) huwa forma ta’ eżekuzzjoni ġenerali tal-pretensjonijiet li biha l-kredituri kollha ta’ debitur jieħdu b’mod konġunt l-assi kollha tad-debitur, fuq bażi obbligatorja, sabiex minnhom jitħallsu l-pretensjonijiet rispettivi tagħhom. Matul il-falliment, l-assi jifformaw patrimonju tal-falliment (konkursbo) li huwa amministrat għall-benefiċċju tal-kredituri. Il-patrimonju huwa ġestit minn riċevent f’falliment wieħed jew iktar (konkursförvaltare). L-uniku kompitu tar-riċevent f’falliment huwa li jamministra l-patrimonju. Il-qorti distrettwali (tingsrätt) teżamina r-rikors għall-falliment, tieħu d-deċiżjoni dwar il-falliment, u tipproċessa l-falliment innifsu fil-proċedimenti ta’ falliment. Matul il-proċedimenti ta’ falliment, il-qorti tiddeċiedi fuq numru ta’ kwistjonijiet: tiddetermina, pereżempju, kif il-patrimonju għandu jiġi ddistribwit jew jekk tridx tingħata prova tad-djun. Il-qorti distrettwali tagħmel ukoll ċerti laqgħat, bħal laqgħa għat-teħid tal-ġurament, li fiha d-debitur jikkonferma taħt ġurament l-inventarju tal-assi. Ir-riċevent f’falliment jiġi ssorveljat mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni (Kronofogdemyndigheten).
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ġenerali
Wara deċiżjoni tal-qorti, negozjant f’diffikultà finanzjarja jista’ jibda proċedura speċjali bl-għan li jirriorganizza l-attività kummerċjali tiegħu (riorganizzazzjoni tan-negozju). Waqt ir-riorganizzazzjoni ta’ negozju (företagsrekonstruktion), l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju maħtur mill-qorti jinvestiga jekk l-attivitajiet kummerċjali kollha tad-debitur, jew uħud minnhom, jistgħux ikomplu, u, jekk iva, kif dan jista’ jsir, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettux lid-debitur jidħol f’arranġament finanzjarju mal-kredituri tiegħu. Fit-twettiq ta’ dmirijietu, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jaġixxi b’tali mod li jiżgura li l-interessi tal-kredituri ma jiġux injorati. Deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju ma tirrestrinġix b’mod formali l-kontroll tad-debitur fuq il-beni tiegħu. Madankollu, ċerti kwistjonijiet jirrikjedu l-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN u RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ġenerali
Ir-ristrutturar tad-dejn (skuldsanering) jeħles lil debitur mill-obbligazzjoni kollha jew minn parti mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun li jaqgħu fl-ambitu tal-operazzjoni ta’ ristrutturar. Hemm żewġ tipi ta’ ristrutturar tad-dejn: ir-ristrutturar tad-dejn skont l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn (skuldsaneringslagen) u r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju (F-skuldsanering) skont l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn tan-Negozju (lagen om skuldsanering för företagare). Iż-żewġ tipi huma spjegati hawn taħt.
1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?
FALLIMENT
Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi (inklużi persuni fiżiċi li ma jwettqux attività kummerċjali).
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi, dment li l-persuna inkwistjoni tkun negozjant. Ċerti persuni ġuridiċi huma esklużi mill-Att, bħal banek, ditti tas-suq tal-kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni, u kumpaniji ta’ negozjar tat-titoli.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Permess għar-ristrutturar tad-dejn jista’ jingħata lil persuni fiżiċi li l-interessi ewlenin tagħhom ikunu fl-Iżvezja (inklużi persuni fiżiċi li jwettqu attività kummerċjali individwali).
Ir-rikorsi għar-ristrutturar tad-dejn jiġu ttrattati mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni fil-prim’istanza.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Permess għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jingħata lil persuna fiżika li l-interessi ewlenin tagħha jkunu fl-Iżvezja u li tkun:
- negozjant li kien involut f’attività kummerċjali, jekk il-piż tad-dejn tiegħu jirriżulta fil-parti l-kbira tiegħu minn dik l-attività;
- negozjant li jkun involut f’attività kummerċjali, jekk id-djun li jirriżultaw minn dik l-attività jistgħu jinfdew kif xieraq, jew jekk l-inkapaċità tal-ħlas ta’ dawk id-djun tkun biss temporanja; jew
- membru tal-familja ta’ intraprenditur, jekk id-dejn tal-membru tal-familja jirriżulta fil-parti l-kbira tiegħu mill-attività kummerċjali tal-intraprenditur.
“Membru tal-familja” (närstående) tfisser konjuġi, konkubin, ġenitur, ħu/oħt jew wild, jew it-tfal tal-konjuġi jew tal-konkubin.
Ir-rikorsi għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiġu ttrattati mill-Awtorità tal-Eżekuzzjoni fil-prim’istanza.
2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?
FALLIMENT
Sabiex jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur jeħtieġlu jkun inadempjenti. “Inadempjenza” (obestånd, insolvens) tfisser li d-debitur ma jistax iħallas debitament id-djun tiegħu u li l-inkapaċità li jħallas ma tkunx sempliċiment temporanja. Dikjarazzjoni minn debitur li fiha jiddikjara li huwa insolventi tiġi aċċettata jekk ma jkun hemm ebda raġuni partikolari biex din tiġi miċħuda. Hemm ċerti preżunzjonijiet rigward il-provi ta’ inadempjenza. Pereżempju, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, id-debitur jitqies insolventi meta eżekuzzjoni skont il-Kapitolu 4 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni (utsökningsbalken), li ssir fis-6 xhur ta’ qabel ir-rikors għall-falliment, tkun uriet li ma kellux biżżejjed assi biex iħallas l-ammont kollu tal-pretensjoni li tkun qed tiġi eżegwita. L-istess japplika jekk id-debitur iddikjara li hu ssospenda l-ħlasijiet.
Rikors għall-falliment jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur jew minn kreditur.
Jekk ikun hemm raġunijiet probabbli għall-approvazzjoni tar-rikors għall-falliment, u jkun hemm raġuni għaliex wieħed jemmen li d-debitur jista’ jneħħi xi beni, il-qorti tista’ tordna s-sekwestru (kvarstad) tal-beni tad-debitur sakemm jiġi eżaminat ir-rikors. Il-qorti għandha wkoll is-setgħa li timponi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għad-debitur.
Il-qorti distrettwali trid tippubblika d-deċiżjoni li tiddikjara l-falliment minnufih. Id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ minnufih, u d-debitur jitlef il-kontroll tal-beni tiegħu malli titħabbar id-deċiżjoni, iżda hemm xi protezzjoni għall-aspettattivi leġittimi ta’ partijiet terzi. Jekk jogħġbok ara wkoll l-informazzjoni pprovduta taħt l-intestatura “X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant fl-insolvenza, rispettivament?”
Deċiżjoni mill-qorti distrettwali li tiddikjara falliment jew li tiċħad rikors għall-falliment tista’ tiġi appellata quddiem qorti superjuri.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ir-rikors għar-riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur jew mill-kreditur. Deċiżjoni li tawtorizza r-riorganizzazzjoni tan-negozju tista’ tittieħed biss jekk ikun jista’ jiġi preżunt li d-debitur ma jistax iħallas id-djun dovuti jew li daqt mhux se jkun jiflaħ iħallashom jew li d-debitur ikun qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji ta’ xi tip ieħor li jinvolvu r-riskju ta’ insolvenza. Ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riorganizzazzjoni tan-negozju ħlief jekk ikun hemm raġunijiet ġustifikabbli biex jiġi preżunt li r-riorganizzazzjoni tan-negozju tista’ tiżgura l-vijabbiltà tan-negozju. Rikors ippreżentat minn kreditur jista’ jiġi approvat biss jekk id-debitur ikun aċċetta r-rikors.
Jekk ir-rikors minn debitur jitqies bħala ammissibbli, il-qorti trid teżaminah minnufih. Jekk rikors minn kreditur jitqies ammissibbli, il-qorti trid tistabbilixxi data għal seduta sabiex teżaminah. Is-seduta trid issir fi żmien ġimagħtejn minn meta jitressaq ir-rikors quddiem il-qorti. Tista’ ssir iktar tard jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk, iżda fi kwalunkwe każ fi żmien massimu ta’ 6 ġimgħat.
Jekk ir-rikors jintlaqa’, fl-istess ħin il-qorti trid taħtar uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Jistgħu jinħatru iktar minn uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju wieħed jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk. Fi żmien ġimgħa minn meta tittieħed id-deċiżjoni tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jinnotifika lill-kredituri magħrufin kollha dwar id-deċiżjoni. Deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju tapplika minnufih ħlief jekk il-qorti tiddeċiedi mod ieħor.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Rikors għar-ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur. Jekk ir-rikors ma jiġix miċħud bħala inammissibbli jew infondat, trid tittieħed deċiżjoni li tniedi r-ristrutturar tad-dejn mill-iktar fis possibbli. Rikors jista’ jiġi miċħud bħala infondat, pereżempju, jekk mir-rikors jew minn rapport disponibbli ieħor jirriżulta li l-kundizzjonijiet għar-ristrutturar tad-dejn ma ġewx issodisfati.
Ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi awtorizzat jekk:
- id-debitur ikun persuna fiżika li l-interessi ewlenin tagħha jkunu fl-Iżvezja;
- id-debitur ikun insolventi u tant midjun li, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, ma jistax jiġi preżunt li għandu l-mezzi biex iħallas id-djun tiegħu fi żmien prevedibbli; u
- ikun raġonevoli li jsir hekk fid-dawl taċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tad-debitur.
Japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:
- ir-ristrutturar tad-dejn ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun suġġett għal ordni li tiskwalifikah milli jopera negozju (näringsförbud);
- jekk id-debitur ikun negozjant, ir-ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi awtorizzat biss jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji tan-negozju jistgħu jiġu investigati faċilment; u
- jekk id-debitur fl-imgħoddi jkun diġà ġie awtorizzat jagħmel ristrutturar tad-dejn, ir-ristrutturar tad-dejn ġdid jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk.
Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-Gazzetta Uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Il-kredituri magħrufin ukoll iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn.
Deċiżjoni li tniedi l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju tista’ tiġi appellata fi żmien 3 ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni.
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ma jkun jista’ jsir l-ebda sekwestru ta’ beni sabiex jiġu eżegwiti l-pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li tkun res judicata. Madankollu, dan ma japplikax għall-pretensjonijiet li ma jkunux koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq talba ta’ kreditur li s-sekwestru għandu jiġi awtorizzat.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jiġi ppreżentat minn debitur. Jekk ir-rikors ma jiġix miċħud bħala inammissibbli jew infondat, trid tittieħed deċiżjoni li tniedi r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju mill-iktar fis possibbli. Rikors jista’ jiġi miċħud bħala infondat, pereżempju, jekk mir-rikors jew minn rapport disponibbli ieħor jirriżulta li l-kundizzjonijiet għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma ġewx issodisfati.
Ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jiġi awtorizzat jekk:
- l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu fl-Iżvezja;
- id-debitur ikun insolventi u tant midjun li, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, ma jistax jiġi preżunt li għandu l-mezzi biex iħallas id-djun tiegħu fi żmien prevedibbli; u
- ikun raġonevoli li jsir hekk fid-dawl taċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tad-debitur.
Japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:
- ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun suġġett għal ordni li tiskwalifikah milli jopera negozju;
- ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun negozjant li qed jopera jew opera n-negozju tiegħu b’mod irresponsabbli;
- ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikollu marġni trimestrali ta’ ħlas ta’ inqas minn wieħed minn sebgħa tal-ammont bażi tal-prezz (prisbasbeloppet) stabbilit fit-Taqsimiet 6 u 7 tal-Kapitolu 2 tal-Kodiċi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali (socialförsäkringsbalken) (madwar SEK 8,200 fl-2024);
- jekk id-debitur fl-imgħoddi kien ġie awtorizzat jagħmel ristrutturar tad-dejn, ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk.
Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-Gazzetta Uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Il-kredituri magħrufin ukoll iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
Deċiżjoni li tniedi l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju tista’ tiġi appellata fi żmien 3 ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni.
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ma jkunx possibbli li jsir sekwestru ta’ beni għal pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tkun ġiet iddeterminata b’deċiżjoni li tkun res judicata. Madankollu, dan ma japplikax għall-pretensjonijiet li ma jkunux koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq talba ta’ kreditur li s-sekwestru għandu jiġi awtorizzat.
3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?
FALLIMENT
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-regoli ta’ eżenzjoni speċjali għal atti legali mwettqa mid-debitur jew minn kwalunkwe parti oħra eżatt wara d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment, il-patrimonju tal-falliment jinkludi l-beni kollha li kienu jappartjenu għad-debitur meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-falliment, jew li tkun dovuta lid-debitur matul il-proċess ta’ falliment, u li kapaċi sservi għall-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet. Kwalunkwe ben li jista’ jiżdied mal-patrimonju tal-falliment permezz tal-irkupru tal-pretensjonijiet huwa inkluż ukoll. Għal persuni fiżiċi, japplikaw regoli speċjali għall-pagi u għal beni oħra li d-debitur ikun jeħtieġ għall-għajxien tiegħu. Id-debitur jista’ jżomm parti minn dawn il-beni.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
L-assi kollha tad-debitur huma koperti mill-proċedimenti. Fi żmien ġimgħa minn meta tittieħed id-deċiżjoni tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jinnotifika lill-kredituri magħrufin kollha dwar id-deċiżjoni. Fost affarijiet oħra, inventarju preliminari tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tad-debitur irid ikun mehmuż man-notifika. Il-proċedimenti ma jwasslux għal-likwidazzjoni tad-debitur u, fil-prinċipju, id-debitur iżomm il-kontroll tal-beni tiegħu. Dan ifisser li l-assi jistgħu jinbidlu matul il-proċedimenti. Kif spjegat hawn taħt, il-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jkun meħtieġ jekk, pereżempju, id-debitur ikun beħsiebu jissodisfa obbligi li jkunu rriżultaw minn qabel id-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.
F’ċerti ċirkostanzi, pretensjonijiet ibbażati fuq ftehim konkluż mid-debitur matul proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju bil-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jingħataw privileġġ ġenerali (allmän förmånsrätt).
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas ikopri 5 snin sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sostanzjali sabiex tiġi stabbilita durata iqsar. Il-pjan ta’ ħlas jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Iżda d-debitur jibda jagħmel il-ħlasijiet mid-data tad-deċiżjoni li tniedi l-proċess, u l-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni tat-tnedija normalment irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan ta’ ħlas.
L-ammont li d-debitur irid iħallas ikun iddeterminat b’tali mod li r-ristrutturar tad-dejn japplika għall-assi u għad-dħul kollu tad-debitur wara li jitnaqqas dak kollu li jrid jinżamm għall-għajxien tad-debitur u tal-familja tad-debitur. Tista’ ssir ukoll riżerva għall-ħlas ta’ pretensjoni mhux koperta mir-ristrutturar tad-dejn.
Jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji tad-debitur jitjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn, u dan ikun dovut għal ċirkostanzi imprevisti, il-kredituri u d-debitur jistgħu jressqu rikors sabiex isir rieżami tad-deċiżjoni.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
F’każ ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju jrid ikun stabbilit pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas ikopri 3 snin. Dan jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Iżda d-debitur jibda jagħmel il-ħlasijiet mid-data tad-deċiżjoni li tniedi l-proċess, u l-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni tat-tnedija normalment irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan ta’ ħlas.
L-ammont li d-debitur irid iħallas ikun iddeterminat b’tali mod li r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju japplika għall-assi u għad-dħul kollu tad-debitur wara t-tnaqqis ta’ dak li jrid jinżamm għall-għajxien tad-debitur u tal-familja tad-debitur. Tista’ ssir ukoll riżerva għall-ħlas ta’ pretensjoni mhux koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
Jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji tad-debitur jitjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju, il-kredituri u d-debitur jistgħu jressqu rikors għar-rieżami tad-deċiżjoni.
4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?
FALLIMENT
Ladarba titħabbar deċiżjoni ta’ falliment, id-debitur jitlef il-kontroll fuq kwalunkwe ben li jappartjeni għall-patrimonju tal-falliment. Id-debitur ma jistax jidħol f’xi obbligu li jista’ jiġi invokat matul il-falliment. Hemm xi eċċezzjonijiet. Matul il-proċess tal-falliment, il-patrimonju tal-falliment ikun rappreżentat mir-riċevent f’falliment. Ir-riċevent f’falliment jinħatar mill-qorti distrettwali, u jeħtieġlu jkollu l-għarfien u l-esperjenza speċjali meħtieġa għall-kompitu, u jkun xieraq għall-kompitu f’aspetti oħrajn. Persuna impjegata minn qorti ma tistax tinħatar bħala riċevent f’falliment. Persuna ma tistax tinħatar bħala riċevent f’falliment jekk ikollha kunflitt ta’ interess.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
L-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jkollu l-għarfien u l-esperjenza speċjali meħtieġa għall-kompitu u jeħtieġlu jkun xieraq għall-kompitu f’aspetti oħrajn. L-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jkollu l-fiduċja tal-kredituri. L-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jqabbad esperti jgħinuh.
L-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jinvestiga jekk in-negozju tad-debitur jistax ikompli, kollu kemm hu jew parzjalment, u, jekk iva, kif dan jista’ jsir. Barra minn hekk, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jgħin lid-debitur ifassal pjan ta’ riorganizzazzjoni li jinkludi l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur u biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni, kollha kemm hi jew parzjali, tan-negozju tad-debitur. Il-pjan irid jiġi aċċettat mill-kredituri u dawk b’interess azzjonarju fid-debitur.
Id-debitur huwa meħtieġ jipprovdi lill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju bl-informazzjoni kollha dwar iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħu li tkun rilevanti għar-ristrutturar tan-negozju. Id-debitur jeħtieġlu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju dwar il-mod li bih għandu jmexxi n-negozju. Id-debitur iżomm il-kontroll tal-beni tiegħu. Hemm xi atti legali li d-debitur ma jistax iwettaq mingħajr il-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Dawn jinkludu l-ħlas ta’ djun li rriżultaw qabel id-deċiżjoni, it-teħid ta’ obbligi ġodda, u t-trasferiment jew ir-rahan ta’ beni ta’ importanza sostanzjali għan-negozju tad-debitur. Jekk id-debitur jonqos milli jissodisfa dawn l-obbligi, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jitlob li l-att legali jitreġġa’ lura.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ma jinħatar l-ebda riċevent f’falliment. Matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn, id-debitur iżomm il-kontroll fuq il-beni tiegħu.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ma jinħatar l-ebda riċevent f’falliment. Id-debitur iżomm il-kontroll fuq il-beni tiegħu waqt il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?
FALLIMENT
Kreditur li jkollu pretensjoni kontra d-debitur li tista’ tiġi asserita matul il-falliment jista’ jpaċi dik il-pretensjoni kontra pretensjoni li d-debitur kellu kontra l-kreditur fiż-żmien meta tħabbret id-deċiżjoni tal-falliment. Dan ma japplikax jekk it-tpaċija tkun ġiet eskluża minħabba n-natura tal-pretensjonijiet inkwistjoni. Hemm regoli speċjali li japplikaw għal pretensjonijiet kundizzjonali. Hemm ukoll eżenzjonijiet fost affarijiet oħra għal pretensjonijiet miksubin riċentement (li fil-parti l-kbira jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru għall-patrimonju).
Fir-rigward tas-swieq finanzjarji, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jistipulaw li ftehimiet ta’ netting u arranġamenti simili relatati ma’, fost l-oħrajn, strumenti finanzjarji, japplikaw fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment u fir-rigward tal-kredituri.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Kull min kellu pretensjoni kontra d-debitur meta ġiet deċiża r-riorganizzazzjoni tan-negozju, jista’ jpaċi dik il-pretensjoni ma’ pretensjoni li d-debitur kellu kontra l-kreditur f’dak iż-żmien, anke jekk il-pretensjoni tkun għadha mhix dovuta għall-ħlas. Dan ma japplikax jekk it-tpaċija tkun eskluża minħabba n-natura tal-pretensjonijiet inkwistjoni jew jekk tkun eskluża b’xi mod ieħor minn dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju. Hemm ukoll eżenzjonijiet fost affarijiet oħra għal pretensjonijiet miksubin riċentement (li fil-parti l-kbira jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru tal-pagamenti).
Fir-rigward tas-swieq finanzjarji, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jistipulaw li ftehimiet ta’ netting u arranġamenti simili relatati ma’, fost l-oħrajn, strumenti finanzjarji, japplikaw għad-debitur u għal dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu koperti minn pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju aċċettat.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ma hemm l-ebda regola speċjali dwar it-tpaċija.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ma hemm l-ebda regola speċjali dwar it-tpaċija.
6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?
FALLIMENT
L-Att dwar il-Falliment ma fih l-ebda regola ġenerali dwar jekk il-patrimonju tal-falliment huwiex marbut bi ftehimiet li jkun daħal għalihom id-debitur. Fil-prinċipju, il-patrimonju tal-falliment, bħala persuna ġuridika per se, ma għandu l-ebda responsabbiltà għal xi obbligu li jista’ jirriżulta minn ftehim bħal dan. Il-patrimonju tal-falliment jista’ jagħżel li jwettaq il-ftehimiet li jidħol għalihom id-debitur jekk dan iwassal għal-likwidazzjoni tal-patrimonju. Normalment dan ikun suġġett għall-kunsens tal-kontroparti.
Hemm dispożizzjonijiet speċjali f’leġiżlazzjonijiet oħra, bħall-Att dwar il-Bejgħ (köplagen) u l-Att dwar il-Kummerċ fi Strumenti Finanzjarji (lagen om handel med finansiella instrument). Skont l-Att dwar il-Bejgħ, il-patrimonju tal-falliment jista’ jagħżel li jwettaq ftehim jekk waħda mill-partijiet tpoġġiet f’falliment. Il-kontroparti tista’ titlob lill-patrimonju sabiex jinnotifikaha fi żmien xieraq jekk jixtieq iwettaq il-ftehim.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ladarba jkun sar rikors għar-riorganizzazzjoni tan-negozju, kontroparti għal ftehim mad-debitur ma tistax ittemm il-ftehim minħabba dewmien fil-ħlas jew fl-eżekuzzjoni fir-rigward ta’ xi aspett ieħor, jekk id-dewmien ikun seħħ jew x’aktarx iseħħ qabel id-deċiżjoni tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Id-debitur jista’, bil-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, jitlob li l-ftehim jitwettaq. Fuq it-talba tal-kontroparti, id-debitur jeħtieġlu jinnotifika lill-kontroparti fil-ħin jekk il-ftehim għandux jitwettaq jew le. Jekk ftehim ikun se jitwettaq, hemm regoli speċjali li jirregolaw il-mod tat-twettiq. F’ċerti ċirkostanzi, il-kontroparti tista’ tikseb garanzija għat-twettiq mid-debitur. Il-kontroparti jista’ wkoll ikollha d-dritt li tittermina l-ftehim jekk id-debitur ma jirnexxilux iwettaq il-ftehim. Hemm dispożizzjonijiet speċjali fl-Att dwar il-Bejgħ u li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-kuntratti tal-impjieg u l-istrumenti finanzjarji.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ma hemm l-ebda regola speċjali dwar l-effett ta’ ristrutturar tad-dejn fuq kuntratt kurrenti.
Jekk jogħġbok ara wkoll “X’inhuma l-kundizzjonijiet u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ma hemm l-ebda regola speċjali dwar l-effett ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju fuq kuntratt kurrenti.
Jekk jogħġbok ara wkoll “X’inhuma l-kundizzjonijiet u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”
7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?
FALLIMENT
Ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ falliment, bħala regola, il-beni li jappartjenu lill-patrimonju tal-falliment ma jkunux jistgħu jġu ssekwestrati sabiex tiġi eżegwita xi pretensjoni kontra d-debitur. Dan japplika b’mod awtomatiku malli jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment. Hemm xi eżenzjonijiet li japplikaw għal pretensjonijiet li jkollhom ċertu livell ta’ privileġġ. Kwalunkwe sekwestru (utmätning) li jseħħ b’tali mod li jmur kontra din il-projbizzjoni jkun null u bla effett. Il-beni jistgħu jiġu ssekwestrati irrispettivament mill-falliment jekk ikun hemm dritt ta’ rahan (panträtt) fuq il-beni inkwistjoni sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Waqt li tkun għaddejja r-riorganizzazzjoni tan-negozju, ma jista’ jsir l-ebda sekwestru jew eżekuzzjoni oħra kontra d-debitur skont il-Kodiċi dwar l-Eżekuzzjoni. Kreditur lanqas ma jista’ jirrealizza l-assi tad-debitur, pereżempju billi jbigħ beni mirhuna. Hemm xi eċċezzjonijiet, pereżempju meta l-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ta’ żamma (retentionsrätt) sabiex tiġi sodisfatta l-pretensjoni. Ma tista’ tingħata l-ebda assistenza skont l-Att dwar il-Ftehimiet ta’ Lokazzjoni b’Opzjoni ta’ Xiri bejn in-Negozjanti (lagen om avbetalningsköp mellan näringsidkare m.fl.) (1978:599). Matul il-proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, ma tista’ tittieħed ebda deċiżjoni li timponi sekwestru (kvarstad) jew rahan (betalningsäkring).
Matul il-proċess tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, ir-rikors ta’ kreditur biex jiddikjara lid-debitur fallut irid jiġi sospiż jekk id-debitur jitlob dan u ma jkun hemm l-ebda raġuni speċjali biex jiġi preżunt li d-drittijiet tal-kreditur ikunu kompromessi serjament.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ma jkun jista’ jsir l-ebda sekwestru ta’ beni sabiex jiġu eżegwiti l-pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li tkun res judicata. Madankollu, dan ma japplikax għall-pretensjonijiet li ma jkunux koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq talba ta’ kreditur li s-sekwestru għandu jiġi awtorizzat.
Jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn jiskadi.
Jekk rikors għal seduta għal pjan bħala parti mir-riorganizzazzjoni tan-negozju jitqies ammissibbli wara li d-debitur ikun ressaq rikors għar-ristrutturar tad-dejn, il-kawża għar-ristrutturar tad-dejn trid tiġi sospiża. Jekk tittieħed deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn jiskadi.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ma jkunx possibbli li jsir sekwestru ta’ beni għal pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tkun ġiet iddeterminata b’deċiżjoni li tkun res judicata. Madankollu, dan ma japplikax għall-pretensjonijiet li ma jkunux koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq talba ta’ kreditur li s-sekwestru għandu jiġi awtorizzat.
Jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiskadi.
Jekk rikors għal seduta għal pjan bħala parti mir-riorganizzazzjoni tan-negozju jitqies ammissibbli wara li d-debitur ikun ressaq rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, il-kawża tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju trid tiġi sospiża. Jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jiġi aċċettat, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiskadi.
8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?
FALLIMENT
Bħala regola ġenerali, jekk ikun sar sekwestru qabel ma titħabbar id-deċiżjoni tal-falliment, l-eżekuzzjoni tista’ tkompli indipendentement mill-proċess ta’ falliment. Hemm xi eċċezzjonijiet.
Jekk ikun hemm kawża għaddejja bejn id-debitur u parti oħra dwar beni li jappartjenu għall-patrimonju tal-falliment, il-patrimonju jista’ jassumi l-azzjoni tad-debitur. Jekk il-patrimonju ma jassumix l-azzjoni tad-debitur, il-beni jitqiesu li huma esklużi mill-patrimonju. Jekk titressaq azzjoni kontra d-debitur dwar pretensjoni li tista’ tiġi asserita fil-proċedimenti ta’ falliment, il-patrimonju tal-falliment jista’ jintervjeni fil-kawża flimkien mad-debitur. Hemm dispożizzjonijiet oħrajn rigward din il-proċedura.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Fil-prinċipju, l-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet hija pprojbita matul il-proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, iżda dan ma jwaqqafx kawża li tkun għaddejja bejn id-debitur u parti oħra milli tkompli u, tabilħaqq, milli tiġi konkluża.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Jekk jogħġbok ara taħt “X’effetti għandhom il-proċedimenti ta’ insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali?”
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Jekk jogħġbok ara taħt “X’effetti għandhom il-proċedimenti ta’ insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali?”
9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?
FALLIMENT
Il-kredituri ma għandhom l-ebda rwol formali fil-proċedura ta’ falliment. Madankollu, ir-riċevent f’falliment jeħtieġlu jikkonsulta lill-kredituri li jkunu partikolarment affettwati fuq il-kwistjonijiet l-aktar importanti, jekk ma jkun hemm xejn li jipprevjeni dan. Il-kredituri jkollhom ukoll id-dritt li jirċievu informazzjoni mingħand ir-riċevent f’falliment, u li jattendu l-laqgħa għat-teħid tal-ġurament, pereżempju. Kreditur jista’ jitlob li jinħatar superviżur (granskningsman) sabiex jissorvelja l-amministrazzjoni tal-patrimonju tal-falliment għan-nom tal-kreditur.
Jekk jogħġbok ara wkoll “Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?”
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Meta qorti tiddeċiedi favur ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, din trid tistabbilixxi data għal laqgħa tal-kredituri, li sseħħ fil-qorti. Il-laqgħa trid issir fi żmien 3 ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jew f’terminu itwal jekk ikun meħtieġ.
Fil-laqgħa tal-kredituri, il-kredituri jkunu jridu jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk ir-riorganizzazzjoni tan-negozju għandhiex tkompli. Jekk kreditur jitlob hekk, il-qorti jkollha taħtar kumitat tal-kredituri minn fost il-kredituri. Il-kumitat ikun magħmul minn mhux iktar minn tliet membri. F’xi każijiet, l-impjegati jkollhom ukoll id-dritt li jaħtru rappreżentant bħala membru addizzjonali tal-kumitat. Il-qorti tista’ taħtar membri oħrajn jekk ikun hemm raġunijiet partikolari għal dan. L-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jikkonsulta lill-kumitat tal-kredituri fir-rigward ta’ kwistjonijiet importanti jekk ma jkun hemm xejn li jipprevjeni li jsir hekk.
Jekk issir seduta għal pjan, il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu rriżultaw qabel id-deċiżjoni tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtiġilhom jipparteċipaw fis-seduta, dment li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu affettwati direttament mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk issir proposta biex jitnaqqsu l-pretensjonijiet. Il-kredituri jkollhom imbagħad jivvutaw għall-adozzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju f’laqgħa għal pjan fil-qorti.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Il-kredituri jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom. Jekk jogħġbok ara “Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?”
Kreditur jista’ jitlob li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi mħassra jew emendata.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Il-kredituri jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom. Jekk jogħġbok ara “Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?”
Kreditur jista’ jitlob li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi mħassra jew emendata.
10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?
FALLIMENT
Matul il-falliment, l-assi jifformaw patrimonju tal-falliment li jiġi amministrat għall-benefiċċju tal-kredituri (ara iktar ’il fuq). Il-patrimonju jkun ġestit minn riċevent f’falliment wieħed jew diversi riċeventi f’falliment. Bħala regola ġenerali, il-beni mill-patrimonju jridu jinbiegħu kemm jista’ jkun malajr. Jekk id-debitur kien qed jopera negozju, ir-riċevent f’falliment jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżomm in-negozju għaddej għan-nom tal-patrimonju tal-falliment.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, id-debitur ma jitlifx il-kontroll fuq l-assi tiegħu.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ma jinħatar l-ebda riċevent f’falliment.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ma jinħatar l-ebda riċevent f’falliment.
11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?
FALLIMENT
Il-fallimenti fl-Iżvezja jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: fallimenti mingħajr proċedura ta’ prova tad-dejn u fallimenti bi proċedura ta’ prova tad-dejn. Ma hemm l-ebda prova tad-djun sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor. Dan għaliex il-kredituri mingħajr pretensjoni privileġġata normalment ma jirċievu xejn fil-każ ta’ falliment. Fuq talba tar-riċevent f’falliment, il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li trid tingħata prova tad-djun. Dan isir jekk jista’ jiġi preżunt li l-pretensjonijiet mhux privileġġati se jirċievu xi ħlas malli ssir id-distribuzzjoni matul il-proċedura ta’ falliment. Meta jiġi deċiż li għandha sseħħ il-proċedura ta’ prova tad-dejn, ġeneralment trid tingħata prova tal-pretensjonijiet li jistgħu jiġu asseriti matul il-proċedimenti ta’ falliment sabiex il-kreditur jirċievi xi ħaġa mid-distribuzzjoni. Trid tinġieb ukoll prova ta’ kwalunkwe jedd għal privileġġ. Madankollu, meta kreditur ikollu d-dritt ta’ rahan jew dritt ta’ żamma, ma jkun hemm ebda bżonn li tingħata prova tal-pretensjoni sabiex il-kreditur ikollu jedd għall-ħlas mill-beni inkwistjoni.
Il-fatt li d-debitur jitlef il-kontroll fuq il-beni tiegħu jfisser li d-debitur ma jkunx jista’ jidħol għal obbligi li jistgħu jiġu asseriti matul il-falliment. Jekk id-debitur jidħol għal, jew iġarrab, xi obbligu wara li jinbdew il-proċedimenti ta’ falliment, dawk l-obbligi ġeneralment ma jkunux jistgħu jiġu ppruvati matul il-falliment. Il-ġurisprudenza stabbilita hija li, f’xi każijiet, id-debitur jista’ jerġa’ jieħu l-kontroll fuq ċertu assi jekk ir-riċevent f’falliment jirrinunzja espressament għat-teħid ta’ dak l-assi.
Il-patrimonju tal-falliment, irrappreżentat mir-riċevent f’falliment, jista’ jassumi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet, pereżempju billi jidħol fi ftehim. Dawn jagħtu lok għal pretensjonijiet kontra l-patrimonju tal-falliment (massafordringar). Fil-prinċipju, il-pretensjonijiet kontra l-patrimonju tal-falliment jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet ordinarji ta’ falliment (konkursfordringar). Madankollu, ir-remunerazzjoni tar-riċevent u djun oħrajn simili (magħrufin bħala spejjeż tal-falliment) iridu jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment qabel kwalunkwe dejn ieħor li jkun ġarrab il-patrimonju. Jekk l-ispejjeż tal-patrimonju ma jkunux jistgħu jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment, dawn ġeneralment iridu jitħallsu mill-Istat. Fil-prinċipju, il-kredituri tal-falliment jitħallsu biss wara li jkunu tħallsu l-ispejjeż tal-falliment u l-pretensjonijiet fuq il-patrimonju tal-falliment.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ma hemm l-ebda regola ġenerali għan-notifika tal-pretensjonijiet fil-każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Madankollu, fuq talba tad-debitur, f’każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tawtorizza seduta għal pjan (planförhandling). Il-kreditur jista’ jkun meħtieġ jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu waqt is-seduta (jekk jogħġbok ara iktar ’il quddiem). Huma biss dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu seħħew qabel id-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju li jipparteċipaw fis-seduta għal pjan. Madankollu, seduti bħal dawn ma jinvolvux lill-kredituri kollha, iżda biss lil dawk affettwati direttament mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jrid ikun akkumpanjat minn lista ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-patrimonju. Jekk persuna li jkollha pretensjoni li ma tkunx ġiet elenkata fl-inventarju tal-patrimonju jew li ssir magħrufa sadanittant, tkun tixtieq tieħu sehem fis-seduta għal pjan, din għandha tippreżenta l-pretensjoni bil-miktub lill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju sa mhux iktar tard minn ġimgħa qabel il-laqgħa għal pjan.
Il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet li jkun daħal għalihom id-debitur bil-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju jingħataw privileġġ ġenerali. Il-privileġġ ġenerali ma jibqax japplika jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jiġi aċċettat jew, meta dan ma jiġix aċċettat, jieqaf japplika 3 xhur wara li r-riorganizzazzjoni tan-negozju titħassar, ħlief jekk f’dak il-perjodu jiġi ppreżentat rikors għall-falliment kontra d-debitur.
Pretensjonijiet li jkunu inklużi fi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u li jikkostitwixxu finanzjament ġdid skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju (Lagen om företagsrekonstruktion) ikollhom dritt ta’ privileġġ sal-punt u sat-terminu speċifikat fil-pjan. Ara hawn taħt rigward il-proċedura għall-istabbiliment ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ir-ristrutturar tad-dejn essenzjalment ikopri l-pretensjonijiet kollha fi flus kontra d-debitur li jkunu seħħew qabel id-data li fiha tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija. Għaldaqstant, il-kredituri jeħtiġilhom jippreżentaw kwalunwke pretensjoni li tkun seħħet qabel id-deċiżjoni tat-tnedija u li tkun koperta mir-ristrutturar tad-dejn, għaliex inkella jkun hemm riskju li d-debitur jinħeles mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun inkwistjoni (jekk jogħġbok ara taħt “Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”).
Madankollu, ir-ristrutturar tad-dejn ma jkoprix dawn li ġejjin:
- pretensjoni għall-manteniment tal-familja, dment li l-Aġenzija għas-Sigurtà Soċjali (Försäkringskassan) jew korp pubbliku barrani ma jkunx ħa kontroll tad-dritt tal-parti eliġibbli sabiex tirċievi manteniment;
- pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ieħor ta’ privileġġ skont l-Artikolu 6 jew 7 tal-Att dwar il-Privileġġi (förmånsrattslagen) (1970:979), jew dritt ta’ żamma, dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;
- pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur kiseb dritt ta’ privileġġ skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar il-Privileġġi qabel ma tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija fir-rigward ta’ beni li fuqhom kellha tiġi eżegwita l-pretensjoni;
- pretensjoni li l-ħlas tagħha jkun għadu ma huwiex dovut u li tkun marbuta mal-kundizzjoni li jingħata korrispettiv mill-kreditur; jew
- pretensjoni li tkun ikkontestata.
Jekk pretensjoni tkun subordinata, ma tkunx ta’ ammont definit, jew il-ħlas tagħha jkun għadu mhux dovut, jista’ jiġi deċiż li din taqa’ barra mir-ristrutturar tad-dejn. Jekk jista’ jiġi aċċettat li pretensjoni tkun bla bażi, irid jiġi deċiż li ma tkunx se tiġi koperta mir-ristrutturar tad-dejn.
Il-pretensjonijiet li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni tat-tnedija ma jkunux koperti mir-ristrutturar tad-dejn.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju essenzjalment ikopri l-pretensjonijiet kollha fi flus kontra d-debitur li jkunu seħħew qabel id-data li fiha tkun tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija. Għaldaqstant, il-kredituri jeħtiġilhom jirrappurtaw kwalunwke pretensjoni li tkun seħħet qabel id-deċiżjoni tat-tnedija u li tkun koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, għaliex inkella jkun hemm riskju li d-debitur jinħeles mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun inkwistjoni (jekk jogħġbok ara “Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”).
Madankollu, ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jkoprix dawn li ġejjin:
- pretensjoni għall-manteniment tal-familja, dment li l-Aġenzija għas-Sigurtà Soċjali jew korp pubbliku barrani ma jkunx ħa kontroll tad-dritt tal-parti eliġibbli sabiex tirċievi manteniment;
- pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ privileġġ skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar il-Privileġġi (1970:979), dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;
- pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ieħor ta’ privileġġ skont l-Artikolu 6 jew 7 tal-Att dwar il-Privileġġi, jew dritt ta’ żamma, dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;
- pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur kiseb dritt ta’ privileġġ skont l-Artikolu 8 tal-Att dwar il-Privileġġi qabel ma tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija fir-rigward ta’ beni li fuqhom kellha tiġi eżegwita l-pretensjoni;
- pretensjoni li l-ħlas tagħha jkun għadu ma huwiex dovut u li tkun kundizzjonali għall-għoti ta’ korrispettiv mill-kreditur; jew
- pretensjoni li tkun ikkontestata.
Jekk pretensjoni tkun subordinata, ma tkunx ta’ ammont definit, jew il-ħlas tagħha jkun għadu mhux dovut, jista’ jiġi deċiż li din taqa’ barra mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju. Jekk jista’ jiġi aċċettat li pretensjoni tkun bla bażi, irid jiġi deċiż li ma tkunx se tiġi koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
Pretensjonijiet li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni tat-tnedija ma jkunux koperti mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?
FALLIMENT
B’mod ġenerali, huma biss dawk il-pretensjonijiet li jkunu seħħew qabel ma tħabbret id-deċiżjoni ta’ falliment li jistgħu jiġu asseriti matul il-falliment. Pretensjoni tista’ tiġi asserita matul il-falliment anke jekk tkun subordinata jew jekk il-ħlas tagħha jkun għadu mhux dovut.
Għal dawk il-każijiet fejn ma tingħatax prova tad-djun, ma hemm l-ebda regola li tirrikjedi li l-kreditur jippreżenta l-pretensjoni tiegħu b’xi mod partikolari. F’każ ta’ falliment mingħajr proċedura ta’ prova tad-dejn, ir-riċevent f’falliment ikun jeħtieġlu jiżgura minn jeddu li kwalunkwe pretensjoni privileġġata tirċievi s-sehem xieraq tagħha fid-distribuzzjoni. Fil-prinċipju ma hemm xejn li jipprevjeni lil kreditur milli jasserixxi l-pretensjoni tiegħu f’termini vagi sat-terminu biex issir oġġezzjoni għad-distribuzzjoni proposta.
Jekk jista’ jiġi preżunt li l-assi huma biżżejjed għall-ħlas lill-kredituri mhux privileġġati, irid ikun hemm prova tad-djun (jekk jogħġbok ara iktar ’il fuq rigward l-prova tad-djun). Meta l-qorti distrettwali tiddeċiedi li trid issir proċedura ta’ prova tad-dejn, din tistabbilixxi perjodu ta’ bejn 4 u 10 ġimgħat għall-preżentazzjoni tal-provi. Id-deċiżjoni ta’ sejħa għall-prova tad-djun tiġi ppubblikata. Il-kredituri jkun jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom bil-miktub fil-perjodu stabbilit. Jekk kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ta’ żamma fuq il-beni, ma jkollux għalfejn jippreżenta prova tad-dejn bħala parti minn din il-proċedura sabiex jikseb ħlas mill-beni. Jekk il-proċedura ta’ prova tad-dejn tkun seħħet, kwalunkwe kreditur li jkun jixtieq jippreżenta pretensjoni jew jeżerċita d-dritt ta’ privileġġ wara t-terminu għat-tressiq tal-provi, jista’ jippreżenta l-provi bil-miktub ex post (efterbevakning). Dan irid isir mhux iktar tard mid-data li fiha r-riċevent f’falliment jistabbilixxi d-distribuzzjoni proposta, fi kliem ieħor qabel ma l-proposta tiġi ppreżentata lill-qorti u ppubblikata. Jekk kreditur ma jippreżentax prova tal-pretensjoni tiegħu, il-kreditur jitlef l-opportunità li jirċievi ħlas mill-assi koperti mid-deċiżjoni ta’ distribuzzjoni. Fil-prinċipju, imbagħad il-kreditur jista’ jirċievi ħlas fir-rigward tal-pretensjoni tiegħu biss jekk isiru disponibbli fondi ġodda (distribuzzjoni ex post, efterutdelning).
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Kif indikat iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda obbligu ġenerali li l-kredituri jippreżentaw pretensjonijiet fil-każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, iżda l-kreditur jista’ jkollu bżonn jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu f’seduta għal pjan jekk l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju ma jkunx għamel dan minn jeddu.
Jekk tkun se ssir seduta għal pjan, id-debitur ikun jeħtieġlu jfassal pjan ta’ riorganizzazzjoni bl-għajnuna tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Il-pjan jista’ jipproponi ftehim ta’ kostituzzjoni ta’ debitu li permezz tiegħu jinkitbu l-pretensjonijiet tal-kredituri jew jiġu emendati t-termini tal-ħlas.
Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jrid ikun akkumpanjat minn lista ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-patrimonju mfassla mill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Il-lista trid, fost l-oħrajn, tindika jekk il-kreditur għandux dritt ta’ privileġġ u r-raġunijiet għalih. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jrid jaqsam il-kredituri u l-azzjonisti u oħrajn b’interess azzjonarju fid-debitur (il-partijiet ikkonċernati) fi gruppi, skont il-privileġġ u l-grad ta’ prijorità tal-pretensjonijiet. Il-kredituri biss li l-pretensjonijiet tagħhom inħolqu qabel id-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u li jkunu direttament affettwati mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, pereżempju għax ikun propost li titnaqqas il-pretensjoni tal-kreditur, jiġu involuti f’seduta għal pjan.
Jekk it-talba għal seduta għal pjan titqies ammissibbli, il-qorti trid tagħti d-deċiżjoni tagħha li ssir seduta għal pjan minnufih. Fl-istess ħin, il-qorti trid tiffissa data għal laqgħa mal-partijiet ikkonċernati, li trid issir fil-qorti (laqgħa għal pjan), toħroġ taħrika għal dik il-laqgħa, u tippubblika d-deċiżjoni. Fil-laqgħa għal pjan, il-qorti trid teżamina l-għażla tal-partijiet ikkonċernati u t-tqassim tagħhom fi gruppi. Il-qorti mbagħad ikollha l-opportunità tibdel l-għażla tal-partijiet u t-tqassim fi gruppi. Wara dan, il-partijiet ikkonċernati jivvutaw fuq il-pjan tar-ristrutturar.
Qabel il-laqgħa għal pjan, l-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju, id-debitur u l-partijiet ikkonċernati, bħall-kredituri, ikollhom l-opportunità li joġġezzjonaw għal pretensjoni li tkun koperta mill-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. L-oġġezzjonijiet iridu jiġu ppreżentati bil-miktub lill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju kmieni kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, qabel il-vot fil-laqgħa għal pjan.
Oġġezzjoni magħmula kontra pretensjoni jew dritt ma żżommx lill-parti kkonċernati milli tieħu sehem fil-vot bil-pretensjoni jew bid-dritt. Jekk l-eżitu tal-vot jiddependi fuq jekk oġġezzjoni tiġix aċċettata jew le, fil-laqgħa l-qorti trid tinvestiga l-kwistjoni kkontestata u tipprova tilħaq ftehim bonarju. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim bonarju, il-qorti tkun trid teżamina l-oġġezzjonijiet.
Pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jitqies li ġie aċċettat mill-partijiet ikkonċernati jekk, f’kull grupp, mill-inqas żewġ terzi tal-votanti jkunu approvawh u l-pretensjonijiet jew id-drittijiet tagħhom jammontaw għal mill-inqas żewġ terzi tal-pretensjonijiet jew id-drittijiet li jkollhom id-dritt tal-vot. Jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jiġi aċċettat, il-qorti tapprovah, ħlief jekk ikun hemm xi ostakli biex tagħmel dan. F’ċerti kundizzjonijiet speċjali, il-qorti tista’ tapprova pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju anke jekk ma jkunx ġie aċċettat mill-partijiet ikkonċernati.
Pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju approvat huwa vinkolanti fuq id-debitur u l-partijiet kollha kkonċernati, kif ukoll fuq il-kontroparti tad-debitur fi ftehim li jirrigwarda finanzjament ġdid.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-Gazzetta Uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Il-kredituri magħrufin ukoll iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn.
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ladarba tinġabar biżżejjed informazzjoni, titfassal proposta għar-ristrutturar tad-dejn. Din tintbagħat lill-kredituri magħrufin kollha li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu koperti mill-proposta, flimkien ma’ stedina sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fi żmien ċertu perjodu. Il-fatt li kreditur ma jippreżentax kummenti ma jipprevjenix deċiżjoni li jiġi approvat ir-ristrutturar tad-dejn.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess tar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-Gazzetta Uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Il-kredituri magħrufin ukoll iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn.
Wara d-deċiżjoni tat-tnedija, ladarba tinġabar biżżejjed informazzjoni, titfassal proposta għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju. Din tintbagħat lill-kredituri magħrufin kollha li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu koperti mill-proposta, flimkien ma’ stedina sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fi żmien ċertu perjodu. Il-fatt li kreditur ma jippreżentax kummenti ma jipprevjenix deċiżjoni li jiġi approvat ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.
13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?
FALLIMENT
Jekk l-assi tal-patrimonju tal-falliment ma jkunux biżżejjed sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-patrimonju stess, il-falliment irid jitħassar (ara iktar ’il fuq dwar l-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-patrimonju). Jekk il-falliment jitħassar (avskrivas), fil-prinċipju ma ssir l-ebda distribuzzjoni lill-kredituri.
Jekk il-falliment ma jitħassarx, il-flus fil-patrimonju tal-falliment li ma jintużawx sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-patrimonju jitqassmu lill-kredituri. Fil-prinċipju, dawn il-flus iridu jiġu ddistribwiti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Privileġġi.
L-Att dwar il-Privileġġi jirregola l-jeddijiet reċiproċi tal-kredituri sabiex jirċievu ħlas fil-każ ta’ falliment. Tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni miġbura fil-qosor li ġejja rigward l-Att dwar il-Privileġġi.
Privileġġ relatat ma’ ħlas jista’ jkun speċjali jew ġenerali. Privileġġ speċjali jkun relatat ma’ ċerti beni (bħala eżempji hemm dritt ta’ rahan, dritt ta’ żamma, jew ipoteka (inteckning) fuq beni immobbli). Privileġġ ġenerali jkun relatat mal-beni kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment tad-debitur (bħall-ispejjeż imġarrbin mill-kredituri sabiex id-debitur jitqiegħed f’falliment, u r-remunerazzjoni ta’ uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jekk il-falliment inkwistjoni jkun ġie ppreċedut minn riorganizzazzjoni tan-negozju). Privileġġ speċjali jieħu preċedenza fuq privileġġ ġenerali. Il-pretensjonijiet kollha li ma jkunux privileġġati jkollhom l-istess drittijiet bejniethom. Jista’ jkun ġie previst ukoll fi ftehim li kreditur għandu jedd għall-ħlas biss wara li jkunu ġew issodisfati l-kredituri l-oħrajn kollha (pretensjoni subordinata, efterställd fordran).
Privileġġ jibqa’ jeżisti anke jekk il-pretensjoni tiġi ttrasferita jew sekwestrata jew tingħadda b’xi mod ieħor lil parti oħra.
Jekk pretensjoni tgawdi minn privileġġ speċjali fir-rigward ta’ ċerti beni, iżda l-beni inkwistjoni ma jkunux biżżejjed sabiex jissodisfaw il-pretensjoni, il-bqija tiġi ttrattata bħala pretensjoni mhux privileġġata.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ma ssir ebda distribuzzjoni bħala parti minn riorganizzazzjoni tan-negozju, sakemm ma jkunx previst arranġament tad-dejn fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.
Arranġament tad-dejn jista’, pereżempju, jieħu l-forma ta’ tnaqqis tad-dejn jew bidla fit-termini tal-ħlas. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jiġi stabbilit biss jekk il-kredituri fl-istess grupp jiġu ttrattati b’mod ugwali fi proporzjon mal-pretensjoni tagħhom. Peress li t-tnaqqis tad-dejn u t-termini tal-ħlas isegwu dak li jiġi deċiż fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, dawn jistgħu jvarjaw.
Jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jkun jinkludi arranġament tad-dejn, kreditur li l-pretensjoni tiegħu ma kinitx magħrufa fil-ħin li ġie stabbilit il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, ikollu jedd biss għal ħlas li jikkorrispondi għal dak li jkun irċieva l-grupp ta’ kredituri li l-kreditur kien jitqiegħed fih kieku kien magħruf.
Kreditur li jkun aċċetta pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju li jinkludi arranġament tad-dejn ma jitlifx id-drittijiet tiegħu fir-rigward ta’ garanti jew ta’ xi ħadd ieħor li jkun responsabbli għall-pretensjoni minbarra d-debitur.
Pretensjonijiet li jkunu inklużi fi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u li jikkostitwixxu finanzjament ġdid skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju (Lagen om företagsrekonstruktion) ikollhom dritt ta’ privileġġ sal-punt u sat-terminu speċifikat fil-pjan.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
F’deċiżjoni li tippermetti r-ristrutturar tad-dejn, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tiddetermina, fost affarijiet oħra, liema pretensjonijiet huma koperti, liema pjan ta’ ħlas japplika għad-debitur u l-ammont minn kull pretensjoni li għandu jitħallas.
Il-pretensjonijiet kollha koperti minn ristrutturar tad-dejn għandhom drittijiet indaqs. Madankollu, pretensjoni tista’ tingħata drittijiet inqas favorevoli bil-kunsens tal-kreditur inkwistjoni, jew tista’ titħallas qabel pretensjonijiet oħrajn jekk is-somma disponibbli għad-distribuzzjoni tkun żgħira u jkun raġonevoli li jsir hekk fir-rigward tal-kwantità tad-djun u ta’ ċirkostanzi oħrajn.
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet huma stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-ristrutturar tad-dejn.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
F’deċiżjoni li tippermetti r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, l-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni tiddetermina, fost affarijiet oħra, liema pretensjonijiet huma koperti, liema pjan ta’ ħlas japplika għad-debitur u l-ammont minn kull pretensjoni li għandu jitħallas.
Il-pretensjonijiet kollha koperti minn ristrutturar tad-dejn tan-negozju għandhom drittijiet indaqs. Madankollu, pretensjoni tista’ tingħata drittijiet inqas favorevoli bil-kunsens tal-kreditur inkwistjoni, jew tista’ titħallas qabel pretensjonijiet oħrajn jekk is-somma disponibbli għad-distribuzzjoni tkun żgħira u jkun raġonevoli li jsir hekk fir-rigward tal-kwantità tad-djun u ta’ ċirkostanzi oħrajn.
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet huma stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-ristrutturar tad-dejn.
14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?
FALLIMENT
Jekk id-debitur jaqbel li jħallas id-djun tiegħu, jew ikun laħaq ftehim ieħor mal-kredituri (ftehim volontarju), il-qorti distrettwali trid tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura ta’ falliment. F’każijiet ta’ falliment fejn iseħħu proċeduri ta’ prova tad-dejn, il-falliment jista’ jingħalaq ukoll b’deċiżjoni dwar arranġament tad-dejn mal-kredituri. Inkella l-falliment jingħalaq bi tħassir (jekk l-assi ma jkunux biżżejjed sabiex iħallsu għall-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-patrimonju) jew b’distribuzzjoni lill-kredituri.
Falliment ma jeħlisx lil persuna fiżika minn obbligazzjoni li tħallas id-djun tagħha (ir-regoli dwar ir-ristrutturar tad-dejn huma differenti). Għalhekk, id-djun li ma jkunux tħallsu jibqgħu wara l-falliment (iżda mhux jekk ikunu koperti minn ftehim volontarju jew minn arranġament tad-dejn mal-kredituri).
Persuna ġuridika tiġi xolta wara falliment (id-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan jistgħu jinstabu fil-leġiżlazzjoni dwar id-dritt li jiġu fformati assoċjazzjonijiet). Dan ifisser li, fil-prinċipju, il-kredituri ma jkunux jistgħu jasserixxu xi pretensjonijiet pendenti kontra l-persuna ġuridika wara l-falliment.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
F’ċerti kundizzjonijiet, il-qorti tkun trid tiddeċiedi li riorganizzazzjoni ta’ negozju għandha tintemm. Dan huwa l-każ, pereżempju, jekk l-iskop tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jitqies li jkun intlaħaq jew jekk jitqies li huwa impossibbli li jintlaħaq.
Barra minn hekk, il-qorti tkun trid tiddeċiedi li r-riorganizzazzjoni tan-negozju trid tintemm 3 xhur wara d-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni. Ir-riorganizzazzjoni tan-negozju tista’ tiġi estiża għal perjodu ieħor ta’ 3 xhur fuq talba tad-debitur, tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jew ta’ kreditur jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk. Ikunu meħtieġa raġunijiet eċċezzjonali biex tingħata estensjoni oħra.
Riorganizzazzjoni ta’ negozju ma tistax iddum aktar minn perjodu totali ta’ 12-il xahar ħlief jekk il-qorti tkun iddeċidiet minn qabel dwar seduta għal pjan. F’dan il-każ, ir-riorganizzazzjoni tan-negozju trid tintemm mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni.
Jekk ir-riorganizzazzjoni tan-negozju tintemm, id-debitur ma jibqax jingħata protezzjoni kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħas-sekwestru u l-falliment. Il-protezzjoni tintemm ukoll 12-il xahar wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, anke jekk ir-riorganizzazzjoni tkun għadha għaddejja dak iż-żmien.
Jekk ir-riorganizzazzjoni tan-negozju tintemm, pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju aċċettat jibqa’ japplika. Dan jibqa’ vinkolanti fuq id-debitur u l-partijiet ikkonċernati. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jrid jiġi kkanċellat. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk id-debitur ikun qed jikser b’mod materjali l-obbligi tiegħu skont il-pjan.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn teħles lid-debitur mill-obbligazzjoni li jħallas id-djun koperti mir-ristrutturar tad-dejn dment li dawn jitnaqqsu. Ir-ristrutturar tad-dejn jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn. Ristrutturar tad-dejn tfisser li d-dritt għall-imgħax jew għall-penali fuq l-arretrati fir-rigward ta’ pretensjoni koperta mir-ristrutturar jiskadi fir-rigward tal-perjodu ta’ wara d-data li fiha tkun tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija. Ir-ristrutturar tad-dejn ma għandu l-ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li jkun responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.
Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas ikopri 5 snin sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sostanzjali sabiex tiġi stabbilita durata iqsar. Il-pjan ta’ ħlas jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Meta tkun qed tiġi stabbilita d-data tal-iskadenza tal-pjan ta’ ħlas, il-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni li tniedi l-proċess normalment ikun irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet għat-tnaqqis ta’ perjodu iqsar fid-dawl tal-azzjonijiet tad-debitur wara d-deċiżjoni tat-tnedija.
Meta d-deċiżjoni dwar ir-ristrutturar tad-dejn ssir effettiva b’mod finali, id-debitur ma jibqax jingħata protezzjoni kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni.
Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ tiġi emendata jew titħassar f’ċerti ċirkostanzi. Fuq talba ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun koperta mir-ristrutturar tad-dejn, id-deċiżjoni tista’ titħassar, fost l-oħrajn, jekk id-debitur ikun ta informazzjoni żbaljata, jekk id-debitur ma jikkonformax mal-pjan ta’ ħlas u d-devjazzjoni mill-pjan tkun sostanzjali jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur tkun tjiebet b’mod sinifikanti.
F’każ li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi emendata, id-durata tal-pjan ta’ ħlas tista’ tiġi stabbilita għal massimu ta’ 7 snin.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju teħles lid-debitur mill-obbligazzjoni li jħallas id-djun koperti mir-ristrutturar tad-dejn dment li dawn jitnaqqsu. Ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn.
Ristrutturar tad-dejn tan-negozju tfisser li d-dritt għal imgħax jew għal penali fuq l-arretrati fir-rigward ta’ pretensjoni koperta mir-ristrutturar jiskadi fir-rigward tal-perjodu ta’ wara d-data li fiha tkun tħabbret id-deċiżjoni tat-tnedija.
Ir-ristrutturar tad-dejn ma għandu l-ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li jkun responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.
Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn tan-negozju trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas ikopri 3 snin. Dan jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar.
Meta d-deċiżjoni dwar ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju ssir effettiva b’mod finali, id-debitur ma jibqax jingħata protezzjoni kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni.
Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tista’ tiġi emendata jew titħassar f’ċerti ċirkostanzi. Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ tiġi emendata jew titħassar f’ċerti ċirkostanzi. Fuq talba ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, id-deċiżjoni tista’ titħassar, fost l-oħrajn, jekk id-debitur ikun ta informazzjoni żbaljata, jekk id-debitur ma jikkonformax mal-pjan ta’ ħlas u d-devjazzjoni mill-pjan tkun sostanzjali jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur tkun tjiebet b’mod sinifikanti.
F’każ li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tiġi emendata, id-durata tal-pjan ta’ ħlas tista’ tiġi stabbilita għal massimu ta’ 5 snin.
15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?
FALLIMENT
Kif spjegat iktar ’il fuq, il-falliment ma jeħlisx lil persuna fiżika mill-obbligazzjoni li tħallas id-djun tagħha, filwaqt li l-persuni ġuridiċi jiġu xolti wara l-falliment.
Jekk wara l-falliment isiru disponibbli riżorsi ġodda għad-distribuzzjoni, hemm dispożizzjoni għal distribuzzjoni ex post.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Ara iktar ’il fuq għal informazzjoni dwar l-effett ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju aċċettat b’arranġament tad-dejn. Jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju ma jkunx ġie aċċettat u d-debitur ma jkunx qabel mal-kredituri dwar arranġament tad-dejn volontarju, il-pretensjonijiet jibqgħu pendenti wara li tkun tlestiet ir-riorganizzazzjoni tan-negozju.
Il-kredituri bi pretensjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet li jkun daħal għalihom id-debitur bil-kunsens tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju jingħataw privileġġ ġenerali. Il-privileġġ ġenerali ma jibqax japplika jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jiġi aċċettat jew, meta dan ma jiġix aċċettat, jieqaf japplika 3 xhur wara li r-riorganizzazzjoni tan-negozju titħassar, ħlief jekk f’dak il-perjodu jiġi ppreżentat rikors għall-falliment kontra d-debitur.
Il-kredituri bi pretensjonijiet li jkunu inklużi fi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u li jikkostitwixxu finanzjament ġdid skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju jkollhom dritt ta’ privileġġ sal-punt u sat-terminu speċifikat fil-pjan.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ir-ristrutturar tad-dejn inaqqas il-pretensjonijiet koperti mir-ristrutturar tad-dejn. Jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn. Ir-ristrutturar tad-dejn ma għandu l-ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li jkun responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.
Kreditur jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jitlob li r-ristrutturar tad-dejn jiġi eżaminat mill-ġdid wara li d-debitur ikun ikkonforma mal-pjan ta’ ħlas, jekk il-pjan ta’ ħlas jiskadi inqas minn 5 snin wara d-deċiżjoni tat-tnedija.
Għal aktar informazzjoni, ara “Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jnaqqas il-pretensjonijiet koperti mir-ristrutturar tad-dejn. Jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju. Ir-ristrutturar tad-dejn ma għandu l-ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li jkun responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.
Kreditur jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jitlob li r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiġi eżaminat mill-ġdid wara li d-debitur ikun ikkonforma mal-pjan ta’ ħlas, jekk il-pjan ta’ ħlas jiskadi inqas minn 3 snin wara d-deċiżjoni tat-tnedija.
Għal aktar informazzjoni, ara “Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta’ proċedimenti ta’ insolvenza?”
16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?
FALLIMENT
Ir-remunerazzjoni tar-riċevent f’falliment u spejjeż oħrajn simili (l-ispejjeż tal-falliment), u djun oħrajn imġarrbin mill-patrimonju tal-falliment , ikunu jridu jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment qabel id-distribuzzjoni lill-kredituri tal-falliment. Min-naħa tagħhom, l-ispejjeż tal-falliment jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet l-oħrajn fuq il-patrimonju nnifsu.
Jekk il-falliment ikun tnieda fuq talba ta’ kreditur li ma jkunx l-Istat, kwalunkwe spiża tal-falliment li ma tistax titħallas mill-patrimonju tkun trid titħallas mill-kreditur suġġett għal ċerti limiti. F’każijiet oħrajn, ikunu jridu jitħallsu mill-Istat.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
L-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-qorti u r-remunerazzjoni tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju u ta’ kwalunkwe rappreżentant tal-awtorità superviżorja jridu jitħallsu mid-debitur.
Ir-remunerazzjoni ma tistax tkun ogħla minn dik li titqies bħala remunerazzjoni raġonevoli għall-kompitu, wara li jitqiesu x-xogħol, l-attenzjoni u l-ħila meħtieġa biex jitwettaq il-kompitu u l-grad tal-attività tan-negozju.
Id-dritt tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju għal kumpens irid jiġi eżaminat mill-qorti fuq it-talba tal-awtorità superviżorja, tal-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jew tad-debitur. Sakemm jitlesta l-pjan ta’ ristrutturar, kwalunkwe parti interessata li l-pretensjoni jew id-dritt tagħha jkun kopert mill-pjan tista’ wkoll titlob evalwazzjoni ta’ dan it-tip.
Ir-remunerazzjoni hija suġġetta għal privileġġ ġenerali f’każ ta’ falliment, sa fejn l-ammont ikun raġonevoli fiċ-ċirkostanzi.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn, id-debitur normalment jgħaddi l-pagamenti lill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni, li mbagħad tgħaddi l-flus lill-kredituri. L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni timponi tariffa annwali fuq id-debitur talli teħodlu ħsieb il-pagamenti tiegħu.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Matul il-proċess tar-ristrutturar tad-dejn, id-debitur normalment jgħaddi l-pagamenti lill-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni, li mbagħad tgħaddi l-flus lill-kredituri. L-Awtorità ta’ Eżekuzzjoni timponi tariffa annwali fuq id-debitur talli teħodlu ħsieb il-pagamenti tiegħu.
17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?
FALLIMENT
Ir-regoli dwar l-irkupru għall-patrimonju tal-falliment (återvinning till konkursbo) huma stabbiliti fl-Att dwar il-Falliment. Il-punt tat-tluq għall-kalkolu tat-termini stabbiliti fir-regoli dwar l-irkupru ġeneralment ikun id-data tar-rikors għal falliment.
Att jista’ jiġi rrevokat jekk ikun iffavorixxa b’mod mhux xieraq lil ċertu kreditur minn oħrajn, jew jekk il-kredituri jkunu ġew imċaħħda mill-beni tad-debitur, jekk id-djun tad-debitur ikunu żdiedu, jekk id-debitur kien insolventi jew sar insolventi b’konsegwenza tal-proċedimenti waħedhom jew b’konsegwenza tal-proċedimenti flimkien ma’ fatturi oħrajn, u jekk il-parti l-oħra kienet taf jew missha kienet taf li d-debitur kien insolventi u x’kienu ċ-ċirkostanzi li għamlu l-att legali mhux xieraq. Il-membri tal-familja tad-debitur huma meqjusin li kellhom l-għarfien imsemmi fl-ewwel sentenza, sakemm ma jkunx hemm provi konvinċenti li juru li ma kellhomx u ma setax ikollhom dan l-għarfien. Jekk l-att ikun twettaq iktar minn 5 snin qabel id-data ta’ referenza, dan jista’ jiġi rrevokat biss jekk kien jirrigwarda membru tal-familja tad-debitur.
Il-ħlas ta’ dejn iktar minn 3 xhur qabel id-data ta’ referenza b’metodu ta’ ħlas differenti minn dak tas-soltu, jew bil-quddiem, jew ta’ ammont li aggrava b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur, jista’ jiġi rrevokat ħlief jekk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala ordinarju fiċ-ċirkustanzi. Jekk il-ħlas ikun sar lil membru tal-familja tad-debitur qabel dik id-data iżda iktar minn sentejn qabel id-data ta’ referenza, dan jista’ jiġi rrevokat, ħlief jekk jintwera li d-debitur ma kienx insolventi u ma sarx insolventi bħala konsegwenza tal-att inkwistjoni.
Hemm regoli speċjali li jirregolaw aspetti bħad-donazzjonijiet, il-kondiviżjoni tad-dar u l-pagi. Ċerti pagamenti lill-Istat huma eżentati mir-regoli dwar l-irkupru, bħal ħlasijiet tat-taxxa.
Ir-riċevent f’falliment jista’ jfittex l-irkupru billi jressaq azzjoni quddiem il-qrati ordinarji jew billi jikkontesta d-djun li tinġieb prova tagħhom matul il-proċedimenti ta’ falliment. Jekk ir-riċevent f’falliment jagħżel li ma jitlobx l-irkupru, u ma jintlaħaqx ftehim bonarju, kreditur jista’ jfittex l-irkupru billi jressaq azzjoni quddiem il-qorti ġenerali.
Fil-każ ta’ rkupru, il-beni li d-debitur ikun iddispona minnhom jerġgħu lura fil-patrimonju tal-falliment.
RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU
Wara li tittieħed deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Falliment li jikkonċernaw l-irkupru fil-kuntest ta’ falliment, jekk jiġi aċċettat pjan ta’ riorganizzazzjoni li jinkludi arranġament tad-dejn (ara t-taqsima dwar il-falliment).
Jekk azzjoni għall-irkupru tkun tikkonċerna privileġġ jew pagament miksub permezz ta’ sekwestru, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tkomplix bil-proċedimenti tal-eżekuzzjoni qabel ma jingħata avviż ieħor.
Azzjoni għall-irkupru titressaq mill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju jew minn parti kkonċernata. L-azzjoni trid titressaq qabel il-laqgħa għal pjan u ma tistax tiġi eżaminata b’mod deċiżiv qabel ma jkun ġie aċċettat il-pjan tar-ristrutturar. Parti kkonċernata li tkun tixtieq tressaq azzjoni jeħtiġilha tinnotifika lill-uffiċjal tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Jekk il-parti kkonċernata ma tkunx għamlet hekk, l-azzjoni tkun inammissibbli.
L-azzjoni għall-irkupru trid tiġi miċħuda jekk ir-riorganizzazzjoni tan-negozju tintemm mingħajr ma jiġi aċċettat pjan ta’ riorganizzazzjoni u jekk id-debitur ma jiġix iddikjarat fallut wara rikors magħmul fi żmien 3 ġimgħat mit-tmiem tar-riorganizzazzjoni tan-negozju.
Ladarba l-ispejjeż tar-rikorrent ikunu ġew irrimborżati, ir-rikavat ta’ azzjoni għall-irkupru jrid jiġi allokat skont ir-raġunijiet għall-arranġament tad-dejn, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor fil-pjan tar-riorganizzazzjoni. Intimat li bħala riżultat tal-azzjoni tar-rikorrent, jista’ jkollu pretensjoni kontra d-debitur jista’ jieħu sehem fis-seduta għal pjan fuq il-bażi ta’ dik il-pretensjoni, u jkollu d-dritt li jnaqqas l-ammont dovut lilu mid-distribuzzjoni mill-ammont li, kieku, kien ikollu jħallas.
Il-qorti tista’ tordna amministrazzjoni speċjali ta’ dak li għandu jiġi assenjat lill-partijiet ikkonċernati skont l-ewwel subparagrafu, jekk waħda minnhom jew id-debitur jitlob dan fil-proċedimenti għall-irkupru. Kwalunkwe beni mqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali bħal din jistgħu jiġu ssekwestrati biss jekk ikun tħassar il-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-irkupru.
RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-irkupru.