Skip to main content

Insolvenza/falliment

Flag of Luxembourg
Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu bosta tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

Tnejn minnhom jgħoddu għall-kummerċjanti (persuni fiżiċi u ġuridiċi).

  1. Il-proċeduri ta’ falliment, li huma rregolati bil-Kodiċi Kummerċjali (Code de Commerce), għandhom l-għan li jillikwidaw l-assi ta’ kummerċjant li jkun sar insolventi u jkun tilef l-affidabbiltà kreditizja.
  2. Il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja huma mekkaniżmu li jippermetti li kumpanija f’diffikultà finanzjarja torganizza ruħha mill-ġdid biex tevita l-falliment. L-għan tiegħu huwa li, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, jippreserva il-kontinwità tal-assi jew l-attivitajiet kollha tal-kumpanija jew parti minnhom.

L-iskop li tinfetaħ proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jista’ jkun:

  • Li jinkiseb perjodu ta’ grazzja li jippermetti l-konklużjoni ta’ soluzzjoni bonarja;
  • Li jinkiseb il-qbil tal-kredituri dwar il-pjan ta’ riorganizzazzjoni;
  • Li tippermetti t-trasferiment tal-assi jew tal-attivitajiet kollha jew ta’ parti minnhom, b’digriet tal-qorti, lil terza persuna waħda jew aktar.

Il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja hija miftuħa għal:

  • Persuni ġuridiċi kummerċjali;
  • Kumpaniji mhux kummerċjali;
  • Persuni fiżiċi li jwettqu attività kummerċjali; u
  • Nies tas-sengħa.

Finalment, hemm proċeduri ta’ insolvenza speċifikament għan-nutara, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-investiment kollettiv (billi dawn huma speċifiċi għal kategorija professjonali jew settur kummerċjali, mhux se jiġu deskritti f’din l-iskeda informattiva).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

1. Falliment

Il-proċeduri ta’ falliment jinfetħu mid-debitur li jippreżenta talba għal falliment, minn wieħed jew iktar kredituri li jitolbu l-falliment tad-debitur jew minn qorti.

Il-kummerċjanti jridu jippreżentaw talba għal falliment mar-reġistru tal-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) responsabbli għall-każijiet kummerċjali għad-domiċilju jew l-uffiċċju reġistrat tal-kummerċjant. Dan irid iseħħ fi żmien xahar mid-data li fiha jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ falliment.

Meta wieħed jew iktar kredituri tad-debitur jiddeċiedu li jitolbu li l-kummerċjant jiġi ddikjarat fallut, dawn għandhom jużaw uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice) li, permezz ta’ ċitazzjoni, jordna lill-kummerċjant biex jidher quddiem il-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali fi żmien tmint ijiem (ċitazzjoni b’data fissa) sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-merti tat-talba għal falliment.

Il-proċeduri ta’ falliment jistgħu jinfetħu wkoll minn qorti fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha. F’dan il-każ, il-qorti għandha tħarrek il-fallut, permezz tar-reġistru tal-qorti, biex jispjega s-sitwazzjoni tiegħu lill-qorti f’seduta fl-awli tagħha.

Qabel ma tiddikjara l-kummerċjant bħala fallut, il-qorti distrettwali responsabbli mill-kawżi kummerċjali trid tivverifika jekk il-persuna jew il-kumpanija kkonċernata tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Status ta’ kummerċjant: persuna fiżika li twettaq, bħala l-professjoni normali (prinċipali jew supplimentari) tagħha, atti deskritti bil-liġi bħala kummerċjali (eż l-atti mniżżlin fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kummerċjali), jew persuna ġuridika inkorporata f’waħda mill-forom ipprovduti bil-Liġi emendata tal-10 ta’ Awwissu 1915 dwar il-kumpaniji kummerċjali (loi modifiée du 10 août 1915 concernant les sociétés commerciales) (eż. kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (société anonyme), kumpanija privata b’responsabbiltà limitata (société à responsabilité limitée), kooperattiva (société coopérative), eċċ); ;
  • Twaqqif tal-pagamenti: dan ifisser li d-djun inkontestabbli li jridu jitħallsu (eż pagi, sigurtà soċjali, eċċ) ma tħallsux, bid-djun b’terminu fiss jew kontinġenti u l-obbligi naturali ma jkunux biżżejjed; u
  • Telf ta’ affidabbiltà kreditizja: il-kummerċjant ma jistax ikompli jikseb kreditu mill-banek, fornituri jew kredituri.

Għalkemm ir-rifjut jew l-inabilità li jħallas anke dejn wieħed (irrispettivament mill-ammont) li huwa indiskutibbli u dovut għall-ħlas huwa suffiċjenti, fil-prinċipju, sabiex jiġi stabbilit l-istat ta’ waqfien tal-pagamenti, sempliċi problema ta’ fluss tal-flus ma timplikax l-istat ta’ falliment, sakemm il-kummerċjant jista’ jikseb il-kreditu meħtieġ biex ikompli bil-kummerċ u jonora l-impenji.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja tinfetaħ meta d-debitur jippreżenta rikors lill-qorti distrettwali kummerċjali. Għalhekk, tali proċedimenti huma volontarji. Madankollu, ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment, dekretata mill-qorti, tista’ tiġi imposta fuq id-debitur, wara rikors mill-Prosekutur tal-Istat (procureur de l’État), it-taħrika ta’ kreditur, jew kwalunkwe persuna b’interess li takkwista l-kumpanija kollha jew parti minnha.

Il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja huma kif ġej:

  • Status ta’ negozjant jew persuna tas-sengħa: Il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja hija miftuħa għall-kummerċjanti, in-nies tas-sengħa u l-kumpaniji kummerċjali.
  • Theddida għall-kapaċità tal-kumpanija li tkompli bħala negozju avvjat jew f’diffikultà finanzjarja: Il-kumpanija trid tkun f’diffikultà finanzjarja li tista’ twassal għall-waqfien tal-pagamenti. Id-diffikultà finanzjarja trid tkun gravi biżżejjed li tiġġustifika intervent ġudizzjarju, iżda l-kumpanija xorta jrid ikollha l-possibbiltà li tirkupra.
  • Falliment: L-eżistenza ta’ stat ta’ falliment ma tipprevjenix il-bidu jew il-kontinwazzjoni ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja. Kumpanija f’falliment tista’ tikkunsidra ristrutturazzjoni u b’hekk tevita likwidazzjoni sħiħa.
  • Proċedura ta’ riorganizzazzjoni preċedenti: Jekk id-debitur ikun diġà bbenefika minn riorganizzazzjoni ġudizzjarja f’dawn l-aħħar tliet snin, proċedura ġdida tkun possibbli biss jekk l-għan tagħha jkun li tittrasferixxi l-assi jew l-attivitajiet kollha tal-kumpanija jew parti minnhom permezz ta’ digriet tal-qorti.

3. Dejn eċċessiv

Id-dejn eċċessiv ta’ persuni fiżiċi huwa deskritt bħala s-sitwazzjoni meta jkun ċar li d-debitur li jkun domiċiljat fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jkunx jista’ jissodisfa d-djun kollha mhux professjonali tiegħu li jkunu dovuti u li waslu biex ikunu dovuti u ma jkunx jista’ jonora l-impenn li jkun għamel biex jiggarantixxi in solidum jew iħallas id-dejn ta’ kummerċjant waħdieni jew kumpanija, dment li dan ma kienx direttur, fil-fatt jew fil-liġi, ta’ dik il-kumpanija.

Il-proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv tinvolvi tliet stadji:

  • Soluzzjoni maqbula, li sseħħ quddiem il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni għad-Dejn Eċċessiv (Commission de médiation en matière de surendettement);
  • Riorganizzazzjoni sorveljata mill-qorti, li sseħħ quddiem il-qorti tal-maġistrati (juge de paix) għad-domiċilju tad-debitur b’dejn eċċessiv;
  • Rkupru personali, magħruf ukoll bħala “falliment personali” (faillite civile), li jseħħ quddiem il-qorti tal-maġistrati għad-domiċilju tad-debitur b’dejn eċċessiv.

Jenħtieġ li jkun innutat li l-istadju ta’ rkupru personali, li huwa sussidjarju għaż-żewġ stadji l-oħra fil-proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv, jiskatta biss meta d-debitur b’dejn eċċessiv ikun f’sitwazzjoni irreparabbilment kompromessa, li hija deskritta bħala s-sitwazzjoni meta d-debitur ma jkunx jista’ jimplimenta:

  • il-miżuri tal-pjan ta’ soluzzjoni maqbula, jew
  • il-miżuri proposti mill-Kummissjoni tal-Medjazzjoni bħala parti mis-soluzzjoni maqbula, u
  • il-miżuri determinati fil-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni sorveljati mill-qorti.

Jenħtieġ li jkun innutat li t-talbiet għall-proċedura ta’ soluzzjoni maqbula jridu jintbagħtu lill-president tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni.

Il-formola ta’ applikazzjoni għall-proċedura ta’ soluzzjoni maqbula tista’ titniżżel mis-sit web https://justice.public.lu/fr.html fl-indirizz li ġej:

https://justice.public.lu/fr/creances/surendettement.html

Barra dan, il-kredituri ta’ debitur b’dejn eċċessiv għandhom jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv (Service d’information et de conseil en matière de surendettement). Il-formola għas-sottomissjoni tal-pretensjonijiet tista’ titniżżel mis-sit web www.justice.public.lu fl-indirizz li ġej:

https://justice.public.lu/fr/creances/surendettement.html

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

1. Falliment

Meta d-digriet ta’ falliment ikun sar, il-persuni li jkunu fallew jiġu żvestiti awtomatikament mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom, anke dawk li jistgħu jiġu devoluti fuq il-fallut wara d-digriet ta’ falliment.

Dan l-iżvestiment ikopri l-assi kollha mobbli u immobbli tal-fallut. Dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jipproteġi l-interessi tal-korp ta’ kredituri.

Ġeneralment, il-fiduċjarju jmur fil-post tal-fallut biex iħejji inventarju tal-assi li jinstabu hemmhekk. F’dan ir-rigward, il-fiduċjarju jrid jiddifferenzja bejn dawk l-assi li jappartjenu kompletament lill-fallut u dawk li partijiet terzi jista’ jkollhom diversi drittijiet proprjetarji fuqhom.

Meta jkun qed iħejji l-inventarju tal-assi mobbli u immobbli, il-fiduċjarju jiżgura li kwalunkwe assi tal-fallut jinbiegħu fl-aħjar interessi tal-korp ta’ kredituri. Sabiex ibigħ dawk l-assi, il-fiduċjarju jeħtieġ l-awtorizzazzjoni mill-qorti. L-assi mobbli u immobbli jridu jinbiegħu kif stabbilit bil-Kodiċi Kummerċjali. Ir-rikavat irid jiġi depożitat fil-kont bankarju li jkun infetaħ fl-isem tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

2. Dejn eċċessiv

Il-qorti tagħmel arranġamenti biex is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tad-debitur tiġi vvalutata sabiex jiġu vverifikati l-pretensjonijiet u l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet.

Wara li tiddeċiedi li tiftaħ proċeduri ta’ rkupru personali u wara li tiddetermina li hemm assi li jridu jiġu likwidati, il-qorti tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur.

Il-qorti tal-maġistrati tiddeċiedi fuq kwalunkwe pretensjoni kontestata u tordna l-likwidazzjoni tal-assi personali tad-debitur. Huwa biss it-tagħmir meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-assi mhux professjonali essenzjali għat-twettiq ta’ attività professjonali li jiġu esklużi. L-assi tad-debitur b’dejn eċċessiv jiġu likwidati fil-proċeduri ta’ rkupru personali skont l-objettiv tal-liġi, li huwa li tiġi mtejba s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur billi dan u l-unità domestika tiegħu jitħallew jgħixu ħajja skont id-dinjità umana.

Id-drittijiet u l-azzjonijiet tad-debitur fir-rigward tal-assi tiegħu jiġu eżerċitati matul il-likwidazzjoni minn likwidatur maħtur mill-qorti.

Il-likwidatur għandu 6 xhur biex ibigħ l-assi tad-debitur fuq bażi amikevoli jew biex jorganizza bejgħ sfurzat.

L-effetti tal-proċeduri ta’ rkupru personali:

  • Meta r-rikavat mil-likwidazzjoni tal-assi jkun biżżejjed biex jissodisfa l-kredituri, il-qorti tordna l-għeluq tal-proċeduri;
  • Meta r-rikavat mil-likwidazzjoni tal-assi ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-kredituri, il-qorti tordna l-għeluq tal-proċeduri minħabba insuffiċjenza ta’ assi;
  • Meta d-debitur ma jkollu xejn ħlief it-tagħmir meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-assi mhux professjonali essenzjali għat-twettiq ta’ attività professjonali, il-qorti tordna l-għeluq tal-proċeduri minħabba insuffiċjenza ta’ assi;
  • Meta l-assi ma jkollhom l-ebda valur tas-suq jew jiġu jiswew ammont sproporzjonat biex jinbiegħu meta mqabbel mal-valur tas-suq tagħhom, il-qorti tordna l-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi.

L-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi għandu l-effett li jikkanċella d-djun kollha mhux professjonali tad-debitur.

Madankollu, dawn li ġejjin huma esklużi mill-kanċellazzjoni tad-djun mhux professjonali tad-debitur:

  • id-djun li garanti jew kondebitur ikun ħallas minflok id-debitur;
  • id-djun imsemmija fl-Artikolu 46 tal-Liġi, jiġifieri l-pagamenti kurrenti ta’ manteniment dovut u l-ammonti monetarji mogħtija lill-vittmi ta’ atti intenzjonali ta’ vjolenza minħabba ħsara sofferta fuq il-persuna.

Madankollu, id-djun imsemmija fl-Artikolu 46 tal-Liġi jistgħu jiġu kanċellati meta l-kreditur ikkonċernat jaqbel mal-maħfra, l-iskedar mill-ġdid tal-pagamenti jew il-kanċellazzjoni tad-djun inkwistjoni.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

1. Falliment

Meta d-digriet ta’ falliment ikun sar, il-falluti jiġu żvestiti awtomatikament mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom, anke dawk li jistgħu jiġu devoluti fuq il-falluti.

Wara dan id-digriet, l-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur tiġi fdata lil fiduċjarju.

Meta l-fallut huwa persuna ġuridika, il-patrimonju tal-insolvenza jikkonsisti mill-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija, minbarra d-drittijiet li s-sħab jista’ jkollhom f’dik il-kapaċità.

Il-fiduċjarji jintgħażlu minn fost dawk il-persuni li jistgħu joffru l-aħjar garanziji f’termini tal-intelliġenza u l-preċiżjoni tal-ġestjoni tagħhom.

Fil-prattika, l-imħallfin fil-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali jagħżlu l-fiduċjarji mil-lista tal-avukati. Madankollu, f’każijiet meta dan ikun meħtieġ fl-interessi tal-fallut, il-qorti tista’ taħtar ukoll nutara jew kontabilisti/awdituri.

Bħal fil-proċeduri kollha li jinvolvu l-kummerċjanti, il-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali għandha l-ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-fallimenti.

Għalhekk, hija l-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali li toħroġ id-digriet ta’ falliment, tiddetermina d-data tal-waqfien tal-pagamenti, taħtar il-parteċipanti varji (ir-riċevitur uffiċjali, il-fiduċjarju), tistabbilixxi d-data meta jridu jiġu sottomessi l-pretensjonijiet u d-data sa meta jrid jitlesta r-rapport ta’ verifika tal-pretensjoni, u tordna l-għeluq tal-proċeduri ta’ falliment.

L-amministrazzjoni tal-assi tiġi fdata lil fiduċjarju maħtur mill-qorti li jkun responsabbli għar-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur u d-distribuzzjoni tar-rikavat bejn il-kredituri differenti, skont ir-regoli dwar il-pretensjonijiet u l-imposti preferenzjali fuq il-proprjetà.

Ir-riċevitur uffiċjali huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet, il-ġestjoni u l-likwidazzjoni tal-falliment. Matul seduta, dan jirrapporta dwar kwalunkwe tilwim li jista’ jqum u jordna kwalunkwe miżuri urġenti meħtieġa biex jiġi żgurat u preservat il-patrimonju tal-insolvenza. Dan jippresjedi wkoll kwalunkwe laqgħa tal-kredituri tal-fallut.

Meta jiġi ordnat falliment, il-kummerċjanti li fallew jiġu żvestiti mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom u ma jistgħux jibqgħu jagħmlu pagamenti jew iwettqu tranżazzjonijiet jew atti oħra relatati ma’ dawk l-assi.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Fil-qafas ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jinħatar rappreżentant tal-qorti (mandataire de justice) fuq talba tad-debitur meta tali rappreżentant ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tar-riorganizzazzjoni. Ladarba jibdew il-kariga, id-dmirijiet tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-ħtiġijiet speċifiċi tad-debitur u d-deċiżjoni tal-qorti. Ir-rwol tagħhom jista’ jkun limitat għal sempliċi assistenza maniġerjali, jew jista’ jestendi għat-tħejjija u l-faċilitazzjoni ta’ ftehim. Bħala parti mir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment b’deċiżjoni tal-qorti, ir-rappreżentant tal-qorti huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u t-twettiq tat-trasferiment f’isem u għan-nom tad-debitur. Peress li kull sitwazzjoni hija unika, ir-responsabbiltajiet tar-rappreżentant tal-qorti huma mfassla għaċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tad-debitur.

Jista’ jinħatar amministratur provviżorju meta tiġi stabbilita mġiba ħażina gravi u ppruvata min-naħa tad-debitur jew ta’ wieħed mill-korpi tiegħu, fuq talba ta’ kwalunkwe terza persuna interessata jew tal-prosekutur tal-Istat. Ir-rwol tagħhom imbagħad huwa li jissostitwixxu l-ġestjoni tal-kumpanija u li jamministrawha għat-tul kollu tal-perjodu ta’ grazzja.

Id-debitur għandu rwol proattiv fit-tnedija tal-proċedimenti u fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, filwaqt li jikkollabora mal-kredituri u mal-awtoritajiet ġudizzjarji biex jirrestawra s-saħħa finanzjarja tal-kumpanija.

3. Dejn eċċessiv

Fir-rigward tal-obbligi tad-debitur u l-effett fuq l-assi tad-debitur tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv, jenħtieġ li jkun innotat li d-debitur huwa soġġett għad-dover ta’ imġiba tajba.

Matul il-perjodu ta’ imġiba tajba, id-debitur għandu:

  • jikkoopera mal-awtoritajiet u l-korpi involuti fil-proċedura billi jaqbel li jipprovdi b’mod spontanju kull informazzjoni dwar l-assi, id-dħul u d-djun tiegħu, u kull bidla li sseħħ fis-sitwazzjoni tiegħu;
  • iwettaq, sa fejn dan ikun possibbli, attività mħallsa b’konformità mal-abilitajiet tiegħu;
  • ma jaggravax l-insolvenza tiegħu u jaġixxi kif dovut biex inaqqas id-debiti tiegħu;
  • ma jiffavorix kreditur partikolari, ħlief għall-kredituri tal-manteniment għal pagamenti kurrenti, sidien tal-kera għal pagamenti kurrenti ta’ kera għall-akkomodazzjoni li tkopri l-bżonnijiet bażiċi tad-debitur, fornituri ta’ prodotti u servizzi essenzjali għal ħajja dinjituża, u kredituri għal pagamenti kurrenti relatati mal-eżekuzzjoni tal-pagament mid-debitur tad-danni mogħtija wara atti intenzjonali ta’ vjolenza minħabba l-ħsara kkawżata fuq il-persuna;
  • jonora l-impenji li saru bħala parti mill-proċedura.

Żewġ tipi ta’ korpi huma involuti skont jekk il-proċedura hijiex fi stadju ta’ soluzzjoni maqbula jew tal-qorti.

L-istadju ta’ soluzzjoni maqbula jseħħ quddiem il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni. Il-membri tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni jiġu maħtura mill-Ministru. Din għandha president u segretarju, u tiltaqa’ tal-inqas darba kull tliet xhur. Sabiex ikunu eliġibbli għall-Kummissjoni tal-Medjazzjoni, l-applikanti jridu jissottomettu ċertifikat tal-kondotta, fost dokumenti oħra. Meta jiġu maħtura, il-membri huma taħt obbligu legali biex jinformaw lill-Ministru dwar kwalunkwe proċedimenti jew kundanni kriminali kontra tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu sostitwiti. Il-membri tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni jirċievu indennizz ta’ EUR 10 għal kull sessjoni u l-president jirċievi indennizz ta’ EUR 20 għal kull sessjoni.

Il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni tiddeċiedi b’mod partikolari jekk taċċettax it-talbiet għall-proċedura u jekk il-pretensjonijiet imressqa humiex ammissibbli. Din tapprova u temenda wkoll l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ soluzzjoni maqbula li jiġu sottomessi lilha wara investigazzjoni mis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv (minn hawn ’il quddiem “is-Servizz”).

Jekk, fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni taqbel mal-proċedura, il-pjan propost ma jkunx ġie aċċettat mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tħejji rapport li jirreġistra l-falliment tal-proċedura ta’ soluzzjoni maqbula. Fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan ir-rapport jiġi ppubblikat fir-reġistru, id-debitur jista’ jibda proċeduri ta’ riorganizzazzjoni sorveljati mill-qorti quddiem il-qorti tal-maġistrati għad-domiċilju tiegħu. Jekk id-debitur ma jagħmilx din it-talba fil-limitu ta’ żmien indikat, dan jista’ jibda proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv ġdid biss wara li jkunu għaddew sentejn mid-data meta r-rapport ikun ġie ppubblikat fir-reġistru.

Jekk l-istadju ta’ riorganizzazzjoni sorveljata mill-qorti jinbeda, il-partijiet jiġu mħarrka quddiem il-qorti tal-maġistrat, li tista’ teħtieġ li dawn jipprovdu d-dokumenti jew l-informazzjoni kollha li jippermettu li jiġu stabbiliti l-assi u/jew l-obbligazzjonijiet tad-debitur.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa, il-qorti tħejji pjan ta’ riorganizzazzjoni, li se jinkludi miżuri li jippermettu lid-debitur jonora l-impenji tiegħu.

Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni mħejji mill-qorti japplika għal mhux iktar minn seba’ snin u jista’ jiskadi f’għadd limitat ta’ każijiet (b’mod partikolari jekk id-debitur ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni).

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

1. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Fil-qafas tar-riorganizzazzjoni, jista’ jiġi stipulat li l-pretensjonijiet sospiżi (créances sursitaires) ma jkunux jistgħu jiġu paċuti ma’ djun li l-kreditur jista’ jkollu mal-kumpanija wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Madankollu, hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Hija ma tapplikax għal pretensjonijiet relatati (pretensjonijiet marbutin ma’ xulxin, pereżempju taħt l-istess kuntratt jew tranżazzjoni) jew għal pretensjonijiet li, skont ftehim qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni, diġà setgħu jiġu paċuti.

2. Falliment

F’termini ta’ falliment, hija ġurisprudenza stabbilita li, wara li jkun ingħata d-digriet ta’ falliment, l-ebda tpaċija legali, dekretata mill-qorti jew miftiehma ma tkun għadha possibbli, lanqas bejn pretensjonijiet preeżistenti, jekk sa dak il-punt ma kellhomx waħda mit-tliet kwalitajiet ta’ likwidità, ta’ pagabbiltà u ta’ funġibbiltà. Għalkemm id-digriet ta’ falliment jista’ għalhekk jipprevjeni kwalunkwe tpaċija legali, ma għandux jiġi dedott li din hija assoluta jew retroattiva. Id-digriet ta’ falliment ma taffettwax it-tpaċija legali meta l-kundizzjonijiet għaliha jkunu ġew issodisfati qabel ma nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment. Il-Qorti tal-Appell (Cour d’appel) iddeċidiet li “l-perjodu sospett ma jipprekludix dan it-tip ta’ tpaċija. Tpaċija legali hija possibbli minkejja l-waqfien tal-ħlasijiet. Mhuwiex att tad-debitur, peress li jseħħ mingħajr l-għarfien tiegħu; l-Artikolu 445 tal-Kodiċi Kummerċjali ma jirreferix għalih. ”

Fir-rigward tat-tpaċija dekretata mill-qorti, din ma tistax tiġi dekretata wara li jkunu nfetħu proċeduri kollettivi. Madankollu, din tista’ sseħħ matul il-perjodu sospett, sakemm id-digriet rilevanti jkun sar finali (mhux miftuħ għal appell). F’dan il-każ, it-tpaċija tkun effettiva biss mid-data tad-digriet.

Fir-rigward tat-tpaċija miftiehma, din ovvjament ma tistax isseħħ wara li jkunu nfetħu proċeduri kollettivi. Barra dan, din ma tistax isseħħ matul il-perjodu sospett, għaliex hija meqjusa mill-Artikolu 445 tal-Kodiċi Kummerċjali bħala metodu mhux normali ta’ pagament li huwa sanzjonat minn invalidità. [1]

Madankollu, jenħtieġ li jkun innutat li l-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 2005 dwar il-garanziji finanzjarji (loi du 5 août 2005 sur les garanties financières) tipprevedi eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli deskritti hawn fuq fir-rigward, pereżempju, ta’ ftehimiet ta’ tpaċija li jistgħu jiġu konklużi bejn il-partijiet fil-jum meta jinfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza (jew anke wara – ara l-Artikolu 18 et seq. tal-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 2005 dwar il-garanziji finanzjarji).

[1] “La compensation comme garantie d’une créance sur un débiteur en faillite”, Pierre HURT, J.T., 2010, p. 30

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

1. Falliment

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin li tqum għall-fiduċjarji wara li jkunu nfetħu l-proċeduri ta’ falliment tikkonċerna l-kuntratti kurrenti konklużi qabel ma ġie ordnat il-falliment. Bl-esklużjoni ta’ kuntratti tal-impjieg li jintemmu awtomatikament fid-data meta jiġi ordnat il-falliment (l-Artikolu L.125-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol (Code du travail)), huwa tradizzjonalment aċċettat li l-kuntratti kurrenti jkomplu sakemm dawn jiġu mitmuma mill-fiduċjarju.

Il-fiduċjarju irid iqis l-interessi involuti meta jiddeċiedi jekk dawn il-kuntratti jenħtieġx li jkomplu temporanjament jew le. Jekk ikun hemm klawżoli li jipprevedu t-terminazzjoni tal-kuntratt fil-każ ta’ falliment ta’ waħda mill-partijiet, għandu jiġi deċiż jekk il-fiduċjarju jkollux l-intenzjoni li jikkontesta l-applikabbiltà ta’ dawn il-klawżoli (filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-validità ta’ dawn il-klawżoli hija dibattibbli; pereżempju, dawn il-klawżoli jitqiesu bħala invalidi fil-Belġju fil-kuntest ta’ kirjiet kummerċjali).

Fi kwalunkwe każ, fil-prinċipju, il-fiduċjarju biss huwa responsabbli biex jagħżel bejn it-twettiq jew it-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Jekk il-parti kontraenti l-oħra tikkontesta d-deċiżjoni tal-fiduċjarju u tinvoka t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt minħabba l-falliment, il-fiduċjarju jesponi ruħu għal proċeduri legali b’eżitu inċert, u għal ħolqien ta’ spejjeż ġodda għall-patrimonju tal-insolvenza [1].

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Meta jinfetħu proċeduri ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, l-effetti fuq il-kuntratti fis-seħħ jiġu rregolati b’tali mod li l-kumpanija tkun tista’ tkompli n-negozju tagħha sabiex tkun tista’ tirriorganizza ruħha b’mod effettiv matul il-proċeduri.

Il-prinċipju ta' negozju avvjat: Bħala regola ġenerali, il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ma jwassalx għat-terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti fis-seħħ. Il-kuntratti fis-seħħ jibqgħu jeżistu, u d-debitur jista’ jiddeċiedi unilateralment jekk iwettaqhomx jew le meta dan ikun essenzjali biex in-negozju tal-kumpanija jibqa’ għaddej matul ir-riorganizzazzjoni.

Klawżoli tal-penali: Il-klawżoli tal-penali maħsuba biex ikopru, fuq bażi ta’ rata fissa, kwalunkwe dannu potenzjali mġarrab b’riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità mal-impenn ewlieni, jiġu sospiżi matul il-perjodu ta’ grazzja u sal-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Madankollu, il-kreditur jista’ jinkludi fil-pretensjoni sospiża tiegħu d-dannu reali mġarrab b’riżultat tan-nuqqas ta’ konformità mal-impenn ewlieni.

Protezzjoni tal-impjegati: Il-kuntratti ta’ impjieg ma jiġux itterminati awtomatikament bil-ftuħ tal-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni. Madankollu, fil-qafas tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, jista’ jkun meħtieġ li jkun hemm sensji għal raġunijiet ekonomiċi jew li jsiru bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn il-miżuri jridu jiġu approvati mill-qorti u jirrispettaw id-drittijiet tal-impjegati.

[1] Sorsi: Les procédures collectives au Luxembourg, Yvette HAMILIUS u Brice HELLINCKX (l-awturi tal-Kapitolu 3), Editions Larcier, 2014, p. 86.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

1. Falliment

Matul il-proċeduri ta’ falliment, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni kontra n-negozjanti u l-assi tagħhom jiġu sospiżi. Madankollu, l-ebda test legali applikabbli fil-Gran Dukat ma jipprevjeni lill-kredituri milli jieħdu miżuri maħsuba biex jippreservaw l-integrità tal-assi tad-debitur tagħhom.

F’dawn il-proċeduri kollha, id-debituri ma jibqax ikollhom il-libertà li jiddisponu mill-assi tagħhom. “Mid-digriet ta’ falliment sal-għeluq tal-proċeduri, ma tista’ tittieħed l-ebda azzjoni legali validament kontra l-fallut waħdu, fir-rigward tal-assi li jifformaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza”. (Lux. 12 ta’ Jannar 1935, Pas. 14, p. 27) “Il-kredituri mhux garantiti u dawk bi kreditu preferenzjali mhumiex intitolati, matul il-falliment, li jħarrku lill-fallut jew lill-fiduċjarju biex jitlob digriet kontrihom, iżda jistgħu jaġixxu biss permezz ta’ pretensjoni jew azzjoni għall-ammissjoni sabiex il-pretensjoni tagħhom tiġi rikonoxxuta”. (Cass., 13 ta’ Novembru 1997, Pas. 30, p. 265)

F’ċerti każijiet, madankollu, jistgħu jitwettqu atti ta’ disponiment bi qbil mal-persuna delegata mill-qorti distrettwali (fir-rigward tas-sospensjoni tal-pagamenti jew l-amministrazzjoni).

Barra dan, bid-digriet ta’ falliment id-djun mhux dovuti jsiru pagabbli u tinterrompi l-applikazzjoni tal-imgħax.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Projbizzjoni proviżorja fuq ir-realizzazzjoni ta’ assi mobbli jew immobbli: Għat-tul tal-perjodu ta’ grazzja, ma jistgħux jinfetħu azzjonijiet individwali biex jiġu asseriti pretensjonijiet sospiżi jew jiġu ppreżentati kontra l-assi mobbli jew immobbli tad-debitur.

3. Dejn eċċessiv

F’termini ta’ saldu tad-dejn kollettiv, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni li taċċetta t-talba tad-debituri tissospendi b’mod awtomatiku l-miżuri ta’ eżekuzzjoni kontra l-assi tad-debitur, ħlief għall-miżuri relatati mal-obbligi ta’ manteniment, fejn tinterrompi l-applikazzjoni tal-imgħax u trendi d-djun mhux dovuti pagabbli.

Jekk l-istadju ta’ soluzzjoni maqbula ma jirnexxix, il-qorti tal-maġistrati li quddiemha jkun instema’ l-istadju tal-qorti tista’ tissospendi kwalunkwe miżuri ta’ eżekuzzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet kif indikat hawn fuq.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

1. Falliment

Il-litigazzjoni li diġà tkun għaddejja meta l-proċeduri ta’ insolvenza jinfetħu, tista’ titkompla validament mill-fiduċjarju li qed jaġixxi f’dik il-kapaċità. Madankollu, ir-rikorrenti għandhom jiżguraw li każijiet bħal dawn jitmexxew b’mod legali billi jingħaqdu mal-fiduċjarju fil-proċedimenti, minħabba li dan tal-aħħar biss għandu s-setgħa li jirrappreżenta b’mod validu lid-debitur fallut.

Meta l-każ imur kontra d-debitur, il-kredituri li jkunu bdew il-proċeduri qabel il-falliment jiksbu garanzija li jistgħu jużaw fil-likwidazzjoni. Madankollu, din il-garanzija ma tistax tiġi eżegwita jekk id-digriet ta’ falliment jirriżulta fl-iżvestiment tad-debitur mid-dritt li jamministra l-assi tiegħu.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Hekk kif jiġi ppreżentat rikors għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja, il-liġi tipprevedi miżuri protettivi biex id-debitur jingħata ż-żmien meħtieġ biex iwettaq riorganizzazzjoni effiċjenti, mingħajr ma jkun immedjatament taħt pressjoni minn proċeduri ta’ falliment jew ta’ qbid u ta’ sekwestri, bl-għan li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-kumpanija li tkompli bħala negozju avvjat. Għal dan l-għan, huma previsti l-miżuri li ġejjin:

Projbizzjoni fuq id-dikjarazzjoni ta’ falliment: Sakemm il-qorti ma tkunx iddeċidiet dwar ir-rikors għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja, anki jekk ir-rikors għal falliment ikun tressaq jew l-eżekuzzjoni tkun inbdiet, id-debitur ma jistax jiġi ddikjarat fallut. Għall-kumpaniji, dan ifisser ukoll li ma jistgħux jiġu xolti b’mod ġudizzjarju jew ikunu soġġetti għal xoljiment amministrattiv mingħajr likwidazzjoni.

Sospensjoni tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni: L-ebda realizzazzjoni ta’ assi mobbli jew immobbli li jappartjenu lid-debitur ma tista’ titwettaq wara l-użu ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni. Dan ifisser li l-kredituri ma jistgħux jaqbdu u jbigħu l-assi tad-debitur matul il-perjodu meta t-talba għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja tkun qed tiġi ttrattata mill-qorti.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

1. Falliment

Il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’waħda jew iktar mill-gazzetti distribwiti fil-Lussemburgu tinforma lill-kredituri li d-debitur tagħhom falla. Huma mbagħad iridu jressqu l-pretensjonijiet tagħhom flimkien mal-garanziji tagħhom, lir-reġistru tal-qorti distrettwali għall-kawżi kummerċjali, fil-limitu ta’ żmien stabbilit fid-digriet ta’ falliment. L-iskrivan tal-qorti jirreġistra l-pretensjonijiet u l-garanziji u jipprovdi rċevuta.

Il-pretensjonijiet iridu jiġu ffirmati u jridu jinkludu l-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz tal-kredituri, kif ukoll l-ammont tal-pretensjoni tagħhom ir-raġunijiet għall-pretensjoni, u kwalunkwe garanziji assoċjati mal-pretensjoni. Id-diversi pretensjonijiet imressqa jiġu mbagħad verifikati fil-preżenza tal-fiduċjarju, id-debitur fallut u r-riċevitur uffiċjali.

Matul din il-proċedura, jekk hemm kwalunkwe tilwim, il-kredituri jistgħu jiġu mħarrka biex jispjegaw id-dettalji tal-pretensjoni tagħhom u l-merti tagħha jew l-ammont eżatt matul kontroeżami.

Jekk il-fiduċjarju jkun irnexxielu jidentifika l-assi li jistgħu jiġu distribwiti bejn il-kredituri, dan iħarrek lil dawn tal-aħħar għal laqgħa ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet li matulha l-kredituri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-pjan ta’ distribuzzjoni.

Jekk ma hemmx biżżejjed assi, jiġi ordnat l-għeluq tal-falliment.

Jekk il-fiduċjarju ma jissodisfax id-doveri tiegħu għas-sodisfazzjon tal-kredituri, dawn tal-aħħar jistgħu jibagħtu l-ilmenti tagħhom lir-riċevitur uffiċjali li, jekk meħtieġ, jista’ jissostitwixxi l-fiduċjarju.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-parteċipazzjoni tal-kredituri fi proċeduri ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ ftehim kollettiv hija element ewlieni għas-suċċess tar-riorganizzazzjoni. L-elementi ewlenin ta’ din il-parteċipazzjoni f'reat huma:

  • Parteċipazzjoni fin-negozjati: Il-kredituri jipparteċipaw fin-negozjati rigward it-termini tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ristrutturazzjoni. Il-pjan jista’ jinkludi proposti bħal tnaqqis tad-dejn (tħassir parzjali), skedar mill-ġdid tal-pagamenti jew konverżjonijiet ta’ dejn f’ekwità.
  • Votazzjoni dwar il-pjan ta’ riorganizzazzjoni: Il-kredituri għandhom id-dritt li jivvutaw fuq il-pjan ta’ riorganizzazzjoni propost mid-debitur. Biex jiġi approvat, il-pjan normalment jeħtieġ li jikseb il-qbil ta’ maġġoranza tal-kredituri, spiss skont kategoriji ta’ pretensjonijiet (kredituri garantiti, kredituri mhux garantiti, eċċ.). Id-dettalji tal-votazzjoni u l-maġġoranzi meħtieġa jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ proċedura.
  • Superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan: Ladarba l-pjan ikun ġie approvat u aċċettat mill-qorti, il-kredituri jkollhom dritt ta’ skrutinju fuq l-implimentazzjoni tiegħu. Il-fiduċjarju tal-kompożizzjoni (commissaire au sursis) jista’ jingħata r-responsabbiltà li jissorvelja l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan u jirrapporta lill-kredituri u lill-qorti. Jekk id-debitur jonqos milli jikkonforma mal-pjan, il-kredituri jistgħu jitolbu l-intervent tal-qorti.
  • Intervent f’każ ta’ diffikultajiet: Jekk jinqalgħu diffikultajiet matul l-implimentazzjoni tal-pjan, il-kredituri jistgħu jintervjenu biex jitolbu li jsiru emendi fil-pjan jew, f’każijiet serji, li l-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni jiġu kkonvertiti fi proċeduri ta’ likwidazzjoni.
  • Rimedji legali u drittijiet ta’ kontestazzjoni: Il-kredituri jistgħu jappellaw kontra deċiżjonijiet li ma jkunux favorevoli għalihom, bħall-validazzjoni tal-pretensjonijiet kontestati jew l-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Tali appelli għandhom jiġu eżerċitati fil-limiti ta’ żmien u fil-forma stabbilita mil-liġi.

Dawn l-elementi huma maħsuba biex jiżguraw li l-kredituri jkollhom vuċi fil-proċedura ta’ riorganizzazzjoni bi ftehim kollettiv u li d-drittijiet tagħhom ikunu protetti filwaqt li jingħata ċans ta’ sopravivenza lill-kumpanija f’diffikultà.

3. Dejn eċċessiv

Fl-ewwel istanza, matul l-istadju ta’ soluzzjoni maqbula, il-kredituri jridu jressqu l-pretensjonijiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv. Il-kredituri mbagħad jistgħu jieħdu parti attiva fl-adozzjoni ta’ pjan ta’ soluzzjoni maqbula mit-tali Servizz.

Il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni għad-Dejn Eċċessiv imbagħad tlaqqa’ l-kredituri u tippreżenta l-proposti magħmula fil-pjan ta’ soluzzjoni maqbula. Mill-inqas 60 % tal-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jirrappreżentaw 60 % tal-korp ta’ pretensjonijiet iridu jiddikjaraw li jaċċettaw il-pjan ta’ soluzzjoni maqbula sabiex dan jitqies bħala aċċettat. L-ebda rispons mill-kredituri jitqies bħala qbil min-naħa tagħhom.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Il-fiduċjarji fi proċedura ta’ falliment jirrappreżentaw kemm il-persuna falluta kif ukoll il-korp tal-kredituri tagħha. F’din il-kapaċità doppja, dawn mhux biss huma responsabbli biex jamministraw l-assi tal-fallut, iżda huma awtorizzati wkoll biex jimmonitorjaw, bħala rikorrenti jew konvenuti, l-azzjonijiet kollha li jfittxu li jippreservaw l-assi li jridu jintużaw bħala garanzija għall-kredituri, kif ukoll li jirkupraw jew iżidu dawk l-assi fl-interessi komuni ta’ dawn tal-aħħar (il-Qorti tal-Appell, 2 ta’ Lulju 1880, Pas. 2, p. 49).

Il-fiduċjarju jieħu azzjonijiet relatati mal-garanzija konġunta tal-kredituri, irrappreżentati mill-assi tal-fallut, jiġifieri azzjonijiet ta’ rkupru, protezzjoni jew likwidazzjoni ta’ dawk l-assi. (Qorti tal-Appell, 25 ta’ Frar 2015, Pas. 37, p. 483).

Fir-rigward tal-kuntratti kurrenti wara d-digriet ta’ falliment, il-fiduċjarju jrid jiddeċiedi jekk dawn jenħtieġx li jiġu mitmuma jew jekk ikunx aħjar, meta dawn ikunu jistgħu jirrilaxxaw l-assi, li jitkompla t-twettiq tagħhom bl-għan li sussegwentement jiġu sodisfatti l-obbligazzjonijiet tal-fallut.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

1. Falliment

Il-kredituri kollha jridu jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom irrispettivament min-natura tal-pretensjoni u jekk għandhomx pretensjoni preferenzjali jew le. Madankollu, il-pretensjonijiet li jinqalgħu mill-patrimonju, jiġifieri dawk il-pretensjonijiet li jinqalgħu sussegwentement u fl-interessi tal-proċeduri ta’ falliment (eż. l-ispejjeż tal-fiduċjarju, il-kiri li jkun dovut wara d-digriet ta’ falliment, eċċ.) huma eżenti minn din il-proċedura.

Rigward il-pretensjonijiet li jinqalgħu mill-patrimonju wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u li jirriżultaw mill-amministrazzjoni tal-proċeduri ta’ falliment jew il-kontinwazzjoni ta’ ċerti attivitajiet tan-negozju fallut, dawn jiġu onorati l-ewwel qabel ma l-bqija tal-assi jiġu distribwiti fost il-korp tal-kredituri. Il-pretensjonijiet li jinqalgħu mill-patrimonju għalhekk jiġu onorati fil-każijiet kollha qabel dawk ta’ kredituri oħra.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Fil-qafas tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, il-pretensjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati kontra l-obbligazzjonijiet tad-debitur huma dawk li jirriżultaw qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja. Mat-talba tiegħu, id-debitur irid jehmeż lista kompluta tal-kredituri pendenti, kemm jekk rikonoxxuti kif ukoll jekk jitolbu tali status, b’isimhom inkluż.

Il-pretensjonijiet li jinqalgħu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jiġifieri pretensjonijiet li jinqalgħu matul ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja, ġeneralment jingħataw trattament speċjali. Pretensjonijiet relatati ma’ servizzi pprovduti lid-debitur matul il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, kemm jekk jinqalgħu minħabba impenji ġodda li jkun daħal għalihom id-debitur jew minn kuntratti pendenti fil-bidu tal-proċedura, jitqiesu bħala “djun tal-patrimonju” fil-każ ta’ falliment, likwidazzjoni jew trasferiment b’digriet tal-qorti. Biex dawn il-pretensjonijiet jitqiesu bħala djun tal-patrimonju fi proċeduri kollettivi sussegwenti, irid ikun hemm rabta mill-qrib bejn it-tmiem tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja u l-ftuħ tal-proċeduri kollettivi (bħall-falliment). Din ir-rabta hija preżunta li teżisti jekk il-proċeduri kollettivi jinfetħu fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Distribuzzjoni tal-kumpens: Il-kumpens mitlub mill-kreditur b’riżultat tat-terminazzjoni ta’ kuntratt jew tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jitqassam proporzjonalment skont ir-relazzjoni tiegħu mal-perjodu qabel jew wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja. Dan ifisser li jekk kuntratt jintemm matul il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni, il-parti tal-kumpens li tirrigwarda l-perjodu wara l-bidu tar-riorganizzazzjoni tiġi ttrattata b’mod differenti minn dik relatata mal-perjodu preċedenti.

Prijorità ta’ pagament fuq assi gravati bi drittijiet in rem: Pretensjonijiet li jirriżultaw minn benefiċċji li kkontribwew għaż-żamma tal-garanzija jew tas-sjieda (bħal assi li kreditur ikollu dritt in rem fuqhom) jingħataw prijorità għall-ħlas. Dan ifisser li r-rikavat mill-bejgħ ta’ dawn l-assi jintuża bħala kwistjoni ta’ prijorità biex jitħallsu lura dawn il-pretensjonijiet speċifiċi.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

1. Falliment

Fil-proċeduri ta’ falliment, id-digriet ta’ falliment jiġi ppubblikat f’diversi modi (l-istampa, reġistrazzjoni mal-qorti kummerċjali), sabiex is-sitwazzjoni tinġab għall-attenzjoni tal-kredituri tad-debitur fallut, li mbagħad ikunu jistgħu jippreżentaw ruħhom (l-Artikolu 472 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Il-kredituri mbagħad iridu jippreżentaw il-pretensjoni tagħhom mar-reġistru tal-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali u jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom (l-Artikolu 496 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Formola li tippermetti lill-kredituri jagħmlu din id-dikjarazzjoni ta’ pretensjoni tinsab online fl-indirizz li ġej: https://justice.public.lu/fr/creances/declaration-creance.html

Id-dikjarazzjonijiet huma vverifikati mill-fiduċjarju responsabbli għal-likwidazzjoni u jistgħu jiġu kontestati minn dan tal-aħħar (l-Artikolu 500 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Kull pretensjoni ppreżentata li tiġi kontestata tiġi riferuta lill-qorti.

Madankollu, jekk, minħabba n-natura tagħha, it-tilwima taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti li ma tkunx il-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali, hija tintbagħat lura lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża. Sadanittant, il-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali tibqa’ kompetenti, skont l-Artikolu 504, biex tiddetermina l-ammont massimu li l-kreditur ikkontestat jista’ jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet għalih.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Id-debitur irid jehmeż mat-talba tiegħu lista kompluta ta’ kredituri pendenti, kemm jekk rikonoxxuti kif ukoll jekk jitolbu tali status, u jindika isimhom, l-indirizz, u l-ammont tal-pretensjoni tagħhom, b’referenza speċifika għal kwalunkwe status ta’ kredituri pendenti straordinarji u ta’ kwalunkwe assi gravati minn kreditu garantit fuq proprjetà mobbli jew minn ipoteka, jew li jkunu proprjetà tal-kreditur.

L-obbligu tad-divulgazzjoni: Id-debitur irid jinforma lil kull kreditur individwalment bis-sentenza fi żmien 14-il jum minn meta tingħata s-sentenza. Dan jiżgura li l-kredituri kollha jkunu jafu bis-sitwazzjoni u jkunu jistgħu jaġixxu kif xieraq.

Konsultazzjoni tal-lista tal-kredituri: Il-kredituri għandhom id-dritt jikkonsultaw il-lista tal-kredituri ppreżentata fir-Reġistru, f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-liġi. Din il-lista fiha dettalji tal-pretensjonijiet kollha kontra l-kumpanija, li jippermettu lill-kredituri jivverifikaw il-pożizzjoni tagħhom.

Dritt ta’ kontestazzjoni: Kwalunkwe kreditur jew kreditur pretiż jista’ jikkontesta l-ammont jew il-klassifikazzjoni tal-pretensjoni tiegħu kif iddikjarati mid-debitur. Dan jinkludi kontestazzjoni tal-klassi (ordinarja jew straordinarja) li tkun ġiet assenjata mid-debitur lill-kreditur.

Proċedura ta’ Tilwim: Jekk il-kreditur u d-debitur jonqsu milli jilħqu ftehim, it-tilwima tista’ titressaq quddiem il-qorti li tkun bdiet il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Modifika tal-pretensjonijiet: Il-qorti, fuq talba konġunta tal-kreditur u tad-debitur, tista’ tibdel l-ammont jew il-klassifikazzjoni tal-pretensjoni ddeterminata inizjalment mid-debitur. Dik id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-kreditur mir-Reġistru.

Skadenza għall-kontestazzjonijiet: Jekk il-kreditur ma jippreżentax il-kontestazzjoni tiegħu quddiem il-qorti xahar qabel is-seduta, huwa għandu jitqies li jaċċetta l-ammont propost mid-debitur u jista’ jivvota biss sa dak l-ammont.

Tilwima dwar il-lista tal-kredituri: Kwalunkwe pretensjoni sospiża inkluża fil-lista uffiċjali ta’ pretensjonijiet tista’ tiġi kkontestata minn kwalunkwe parti interessata. L-azzjoni hija diretta kontra d-debitur u l-kreditur li tiġi kkontestata l-pretensjoni tiegħu. Il-qorti, wara rapport mill-imħallef delegat, tisma’ lill-partijiet ikkonċernati u tiddeċiedi dwar it-tilwima.

Ġuriżdizzjoni tal-qorti: Jekk it-tilwima tmur oltre l-ġuriżdizzjoni tal-qorti responsabbli għar-riorganizzazzjoni, dik il-qorti tista’ tiddetermina proviżorjament l-ammont u l-istatus tal-pretensjoni għall-operazzjonijiet ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tal-każ mill-qorti kompetenti. Jekk id-deċiżjoni dwar it-tilwima ma tkunx tista’ tingħata malajr, il-qorti tista’ wkoll tiddetermina proviżorjament l-ammont u l-istatus tal-pretensjoni. Is-sentenza li tiffissa proviżorjament l-ammont u l-istatus tal-pretensjoni ma tistax tiġi appellata, li jfisser li ma tistax tiġi kkontestata.

Modifika f’każ ta’ neċessità: Fuq talba tad-debitur jew tal-kreditur, il-qorti, fi kwalunkwe mument u meta jkun assolutament meħtieġ, tista’ timmodifika d-deċiżjoni tagħha rigward l-ammont u l-istatus ta’ pretensjoni sospiża, abbażi ta’ informazzjoni ġdida

Aġġorna l-lista tal-kredituri: Id-debitur irid jikkoreġi jew jikkompleta l-lista tal-kredituri jekk ikun meħtieġ u jippreżentaha lir-Reġistru qabel is-seduta skedata. Imbagħad, ir-Reġistratur ikun responsabbli għan-notifika ta’ tali bidliet lill-kredituri kkonċernati.

3. Il-proċedura ta’ dejn eċċessiv

Fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ saldu tad-dejn kollettiv fir-reġistru, il-kredituri tad-debitur b’dejn eċċessiv iridu jressqu l-pretensjonijiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv.

Id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni trid tikkonforma mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Gran Dukali tas-17 ta’ Jannar 2014 li jimplimenta l-Liġi tat-8 ta’ Jannar 2013 dwar id-dejn eċċessiv (règlement grand-ducal du 17 janvier 2014 portant exécution de la loi du 8 janvier 2013 concernant le surendettement).

Il-formola għas-sottomissjoni tal-pretensjonijiet tista’ titniżżel mis-sit web https://justice.public.lu/fr.html fl-indirizz li ġej: https://justice.public.lu/fr/creances/surendettement.html

Il-Kummissjoni ta’ Medjazzjoni tanalizza jekk il-pretensjonijiet humiex ammissibbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-prinċipju bażiku fil-liġi dwar il-falliment huwa li kull kreditur għandu jirċievi sehem identiku proporzjonali għall-ammont tal-pretensjoni tiegħu.

Xi kredituri li jkollhom garanzija jew pretensjoni preferenzjali jitħallsu l-ewwel.

Il-kredituri garantiti jiġu kklassifikati f’ordni ġuridiku li huwa l-ordni pubbliku (sidien tal-kera tal-proprjetà, l-ipotekarji, il-kredituri b’garanziji fuq il-kapital tan-negozju u, b’mod partikolari, it-teżor pubbliku fis-sens l-aktar wiesa’).

Ġeneralment, il-fiduċjarju jirreferi għall-Artikoli 2096 sa 2098, 2101 u 2102 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil).

Il-fiduċjarju jrid jivverifika kull pretensjoni billi jirreferi għal-liġi u l-ġurisprudenza.

L-assi netti disponibbli għall-kredituri li ma għandhomx garanzija jridu jiġu distribwiti fuq bażi pro rata f’konformità mal-Artikolu 561, l-ewwel paragrafu, tal-Kodiċi Kummerċjali.

Ladarba l-fiduċjarju jkun jaf l-ammont tat-tariffi stabbiliti mill-qorti, ikun ikklassifika l-kredituri garantiti u jkun jaf l-ammont li fadal x’jiġi distribwit bejn il-kredituri mhux garantiti, iħejji pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi li jiġi sottomess fl-ewwel istanza lir-riċevitur uffiċjali. Skont l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-fiduċjarju jistieden lill-kredituri kollha għal-laqgħa ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet permezz ta’ ittri reġistrata, li magħha jehmeż kopja tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi.

Il-fallut irid jingħata avviż tal-laqgħa minn uffiċjal tal-qorti, jew permezz tal-pubblikazzjoni f’gazzetta tal-Lussemburgu.

Sakemm il-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-fiduċjarju ma tiġix kontestata minn kreditur, il-fiduċjarju jissottometti l-minuti tal-laqgħa ta’ preżentazzjoni, fuq il-bażi tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi, lir-riċevituri uffiċjali u lill-iskrivan tal-qorti għall-firma.

Wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet, il-fiduċjarju jħallas il-kredituri.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

1. Falliment

Fil-proċeduri ta’ falliment, meta l-pagamenti jkunu saru, il-fiduċjarju jista’ jitlob li jingħalqu l-proċeduri, u dan jiġi segwit mid-digriet tal-għeluq li, bħalma jindika ismu, itemm il-proċeduri ta’ falliment.

Skont l-Artikolu 586 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-falluti li jħallsu bis-sħiħ is-somom kollha dovuti f’termini ta’ kapital, imgħax u spejjeż jistgħu jiġu rilaxxati mid-dejn billi jissottomettu talba f’dan ir-rigward lill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Cour supérieure de justice).

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ ftehim kollettiv jistgħu jingħalqu b’diversi kundizzjonijiet, normalment jiddependi minn tirnexxix jew le r-riorganizzazzjoni. Il-kundizzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

Implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni: Il-proċedura tista’ tingħalaq meta l-pjan ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jkun ġie implimentat sew. Dan ifisser li l-miżuri ppjanati għar-ristrutturar tal-kumpanija u għar-rimborż tal-kredituri ġew implimentati f’konformità mal-pjan approvat mill-qorti u aċċettat mill-kredituri.

Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-pjan jew il-pjan ma jirnexxix: Jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jkunx jista’ jiġi implimentat, jew jekk il-kumpanija tonqos milli tissodisfa l-impenji magħmula skont dak il-pjan, il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja tista’ tingħalaq. F’dan il-każ, il-proċedura tista’ tiġi kkonvertita fi proċedura ta’ likwidazzjoni jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija ma tippermettilhiex li tkompli topera.

Irtirar jew waqfien mid-debitur: Id-debitur jista’ jitlob l-għeluq tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni jekk iqis li l-kontinwazzjoni tal-proċedura ma tkunx għadha meħtieġa jew li jkun irnexxielu jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jkompli l-proċedura.

Ħlas sħiħ tal-kredituri: L-għeluq huwa possibbli wkoll jekk id-debitur ikun jista’ jħallas lura kompletament lill-kredituri involuti fil-proċedura, inklużi l-pretensjonijiet li jinqalgħu qabel u wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni.

Nuqqas ta’ prospetti ta’ riorganizzazzjoni: Jekk, wara analiżi, jidher ċar li l-kumpanija ma tistax tiġi riorganizzata, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura sabiex tiftaħ proċedura ta’ likwidazzjoni.

Effetti tal-għeluq tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja

L-għeluq tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja għandu bosta effetti legali u ekonomiċi kemm għad-debitur kif ukoll għall-kredituri:

It-tneħħija tal-miżuri ta’ sospensjoni: L-għeluq tal-proċedura jtemm il-miżuri ta’ protezzjoni li jgawdi d-debitur, bħas-sospensjoni ta’ azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali u l-projbizzjoni tal-qbid u s-sekwestri. Il-kredituri mbagħad jirkupraw id-dritt tagħhom li jfittxu lid-debitur individwalment biex jirkupraw il-pretensjonijiet tagħhom, soġġett għal kwalunkwe ftehim jew moratorji stabbiliti fil-qafas tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Ritorn tal-kontroll: Jekk il-maniġment tal-kumpanija jkun ġie fdat lil amministratur proviżorju, l-għeluq tal-proċedura jinvolvi r-ritorn tal-kontroll lid-debitur.

It-tmiem tal-effetti tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni: Jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jkun ġie implimentat bis-sħiħ, l-għeluq jikkonferma li l-impenji magħmula skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jkunu ġew irrispettati, u l-kredituri kkonċernati mill-pjan ma jkunu jistgħu jippretendu l-ebda ħlas addizzjonali fir-rigward tal-pretensjonijiet ittrattati fil-proċedura.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

1. Falliment

Wara l-għeluq tal-proċeduri ta’ insolvenza, jekk jifdal xi assi, il-kredituri jirċievu l-ammont sħiħ jew proporzjon tal-ammont tal-pretensjoni tagħhom skont il-kundizzjonijiet ta’ distribuzzjoni aċċettati fid-digriet tal-għeluq.

Il-kredituri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 1382 u 1383 tal-Kodiċi Ċivili biex jinvokaw l-obbligazzjoni legali ġenerali tad-diretturi tal-fallut, jew azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 441-9 u 710-16 tal-Liġi dwar il-Kumpaniji Kummerċjali (loi sur les sociétés commerciales) (obbligazzjoni tal-amministraturi u l-maniġers fit-twettiq tal-mandat tagħhom).

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Jekk il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja tkun ingħalqet minħabba l-implimentazzjoni sew tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni:

Il-ħlas tal-pretensjonijiet skont il-pjan: Il-kredituri jżommu d-dritt li jirċievu l-pagamenti f’konformità mat-termini tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Jekk il-pjan jipprevedi differimenti tal-pagamenti, tnaqqis tad-dejn, jew termini oħrajn, il-kredituri jridu jikkonformaw ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Irkupru tal-pretensjonijiet li jifdal: Jekk il-pjan ma jkunx ippreveda kwittanza sħiħa mill-pretensjoni, il-kredituri jistgħu jkomplu jirkupraw l-ammonti li jifdal f’konformità mal-iskeda stabbilita fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Rimedju limitat: Il-kredituri li jkunu aċċettaw jew li kienu sfurzati bid-deċiżjoni tal-qorti li jaċċettaw il-pjan ma jistgħux ifittxu lid-debitur għall-ammont tal-pretensjonijiet li jkun ġie kkanċellat jew imnaqqas skont il-pjan. Jistgħu jippretendu biss dak li huwa previst fil-pjan.

Drittijiet fil-każ li r-riorganizzazzjoni ma tirnexxix u konverżjoni f’likwidazzjoni

Jekk il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni tkun ingħalqet minħabba li l-pjan ma rnexxiex u kien hemm konverżjoni f’likwidazzjoni:

Parteċipazzjoni fil-likwidazzjoni: Il-kredituri għandhom id-dritt jipparteċipaw fil-proċedura ta’ likwidazzjoni wara l-konverżjoni. Huma jridu jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom f’din il-proċedura l-ġdida jekk ma jkunux diġà għamlu hekk.

Klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet: Il-pretensjonijiet huma kklassifikati u ssodisfati skont il-klassifikazzjoni ta’ prijorità tagħhom, filwaqt li l-privileġġi u l-garanziji jiġu rispettati. Il-kredituri garantiti, bħall-kredituri ipotekarji jew l-impjegati, jitħallsu bi kwistjoni ta’ prijorità mir-rikavati mil-likwidazzjoni tal-assi.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

1. Falliment

L-ispejjeż tat-talba għal falliment huma inklużi fl-ispejjeż tal-patrimonju insolventi.

Billi dawn huma spejjeż li jinqalgħu fl-interessi tal-proċedura ta’ falliment, dawn jitħallsu mill-assi tal-falliment qabel ma l-fiduċjarju jiddistribwixxi l-bqija tal-assi lill-kredituri varji.

Il-Liġi tad-29 ta’ Marzu 1893 dwar l-għajnuna legali u l-proċeduri ta’ defiċit (loi du 29 mars 1893 concernant l’assistance judiciaire et la procédure en débet) tistabbilixxi, fl-Artikoli 1 u 2, l-ispejjeż varji li jistgħu jirriżultaw mill-formalitajiet meħtieġa mill-proċeduri ta’ insolvenza u tiddetermina l-ordni tal-pagament tagħhom meta jkun hemm insuffiċjenza ta’ assi.

Il-qorti distrettwali kompetenti tistabbilixxi t-tariffi tal-fiduċjarju fuq il-bażi tar-Regolament Gran Dukali tat-18 ta’ Lulju 2003 (règlement grand-ducal du 18 juillet 2003).

Il-fiduċjarju jrid jissottometti dikjarazzjoni tal-ispejjeż u t-tariffi lill-qorti distrettwali responsabbli għall-kawżi kummerċjali abbażi tal-assi rkuprati.

L-Artikolu 536-1 tal-Kodiċi Kummerċjali jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-ispejjeż u t-tariffi tal-fallimenti li jingħalqu minħabba insuffiċjenza ta’ assi jitħallsu bil-quddiem mill-Uffiċċju tat-Taxxi Indiretti (Administration de l’Enregistrement) skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-Liġi tad-29 ta’ Marzu 1893 dwar l-għajnuna legali u l-proċeduri ta’ defiċit.

2. Riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Ir-responsabbiltà ewlenija għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja hija tad-debitur, jiġifieri tal-kumpanija f’diffikultà.

Onorarji tar-rappreżentant legali: L-onorarji tar-rappreżentanti legali, bħall-amministratur maħtur mill-qorti, il-fiduċjarju tal-arranġament, jew il-likwidatur, jitħallsu mid-debitur. Dawn l-onorarji ġeneralment jiġu ffissati mill-qorti u jitħallsu primarjament mill-assi tad-debitur.

Tariffi tal-qorti: It-tariffi tal-qorti, inklużi l-ispejjeż assoċjati mas-seduti, id-deċiżjonijiet tal-qorti u tariffi tal-qorti oħrajn, iridu jitħallsu wkoll mid-debitur.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

1. Falliment

Id-digriet ta’ falliment jista’ jistabbilixxi d-data tal-waqfien tal-pagamenti mill-fallut f’data li tippreċedi dak id-digriet. Madankollu, din id-data ma tistax tippreċedi d-digriet b’iktar minn sitt xhur.

Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri, il-perjodu bejn il-waqfien tal-pagamenti u d-digriet jitqies bħala l-“perjodu sospett”.

Ċerti atti mwettqa matul dan il-perjodu, meta dawn ikunu jistgħu jkunu ta’ detriment għad-drittijiet tal-kredituri, ikunu nulli u bla effett. Dawn huma:

  • kwalunkwe att relatat ma’ proprjetà mobbli jew immobbli li l-fallut ikun ittrasferixxa mingħajr pagament jew għal korrispettiv meta l-prezz tal-bejgħ ikun evidentement iktar baxx mill-valur tal-proprjetà ikkonċernata;
  • il-pagamenti kollha li jkunu saru bi flus kontanti jew permezz ta’ trasferiment, bejgħ, tpaċija jew mod ieħor għad-djun li għadhom mhumiex dovuti;
  • il-pagamenti kollha li jkunu saru minbarra bi flus kontanti jew bl-użu ta’ strumenti kummerċjali għad-djun li huma dovuti;
  • kull ipoteka jew kwalunkwe drittijiet fuq proprjetà oħra mogħtija mid-debitur għad-djun ikkuntrattati qabel il-waqfien tal-pagamenti.

Għal atti oħra, madankollu, il-prinċipju ta’ nullità mhuwiex awtomatiku.

B’riżultat ta’ hekk, ċerti pagamenti li jkunu saru mill-fallut għad-djun dovuti u kull att ieħor imwettaq għal korrispettiv matul il-perjodu sospett jistgħu jkunu annullati jekk jiġi ppruvat li t-terzi li rċevew il-pagamenti jew li nnegozjaw mal-fallut kienu jafu bil-waqfien tal-pagamenti.

Meta kreditur ikun jaf li debitur ma jistax jonora l-impenji tiegħu, dak il-kreditur ma għandux ifittex trattament preferenzjali għad-detriment tal-korp ġenerali ta’ kredituri.

Id-drittijiet ipotekarji u preferenzjali li jkunu nkisbu b’mod validu jistgħu jiġu rreġistrati sad-data tad-digriet ta’ falliment. Madankollu, id-drittijiet irreġistrati fl-10 ijiem li jippreċedu d-data ta’ waqfien tal-pagamenti jew wara jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett jekk ikunu għaddew iktar minn 15-il ġurnata bejn id-data tal-att ipotekarju u d-data ta’ reġistrazzjoni.

Fl-aħħar nett, kwalunkwe att mwettaq jew pagament li jkun sar bi frodi fil-konfront tal-kredituri, jiġifieri li jkun sar mid-debitur b’għarfien sħiħ tad-detriment li dan kien se jikkawża lill-kreditur (jiġifieri permezz tat-tnaqqis tal-patrimonju tal-insolvenza, in-nuqqas ta’ rispett tal-klassifikazzjoni tat-talbiet, eċċ), jitqies null u bla effett, irrispettivament mid-data ta’ meta jseħħ.

Il-kunċett tal-perjodu sospett ma japplikax għal kuntratti ta’ garanzija finanzjarja jew f’każijiet ta’ talbiet futuri trasferiti lil korp ta’ titolizzazzjoni.

2. Dejn eċċessiv

L-imħallef jista’, meta jkun applikabbli, jaħtar persuni responsabbli biex jipprovdu għajnuna soċjali, edukattiva jew ta’ ġestjoni finanzjarja biex jiżgura li l-parti tad-dħul tad-debitur li mhijiex allokata għall-ħlas lura tad-djun tintuża għall-iskopijiet li hija maħsuba għalihom.

Meta jwettqu l-ħidma tagħhom, dawn il-persuni huma awtorizzati jieħdu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipprevjeni li dik il-parti tad-dħul tiġi żvijata mill-iskop naturali tagħha jew li ssir ħsara lill-interessi tal-unità domestika tad-debituri.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna