Skip to main content

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Flag of Austria
Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Jista’ jkun aħjar li wieħed jirrikorri għal mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim qabel ma wieħed jirreferi għall-Qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini preskrittivi jvarjaw skont il-każ. Din il-kwistjoni għandha tiġi ċċarata meta jingħata parir legali.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?'.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - l-Awstrija'.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - l-Awstrija'.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

F’kawżi ċivili u kummerċjali li għandhom jiġu solvuti permezz tal-qrati, it-talbiet ippreżentati fil-qrati distrettwali (Bezirksgerichte) – li bħala regola jittrattaw valuri ta’ talba sa EUR 15 000 – iridu jiġu ffirmati minn avukat jekk il-valur tat-talba jaqbeż l-EUR 5 000. Dan l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat ma japplikax għal kawżi li jridu jitressqu quddiem qorti distrettwali irrispettivament mill-valur tat-talba (jiġifieri anki jekk jaqbeż l-EUR 15 000); każijiet bħal dawn jinkludu tilwim bejn il-konjuġi, is-sħab ċivili u l-membri tal-familja, tilwim dwar il-konfini tal-art, tilwim ta’ dħul illegali fuq proprjetà tal-oħrajn, tilwim dwar il-pussess tal-proprjetà, tilwim li jirriżulta minn kuntratti bejn il-baħħara, irġiel tat-trasport u pubblikaturi / lukandiera / sidien ta’ ristoranti u min jagħtihom il-kuntratt, passiġġieri jew mistednin, u tilwim dwar bhejjem difettużi.

L-obbligu li jridu jiġu ppreżentati minn avukat ma jgħoddx lanqas għal talbiet li jsiru fi proċedimenti mhux kontenzjużi (proċedimenti ġudizzjarji ċivili, li huma aktar flessibbli u inqas formali mill-proċedimenti kontenzjużi skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili [Zivilprozessordnung – ZPO]), b’mod partikolari, kawżi mhux kontenzjużi bejn konjuġi, jew sħab ċivili u kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, kwistjonijiet ta’ protezzjoni/drittijiet tal-adulti mingħajr kapaċità legali, kwistjonijiet ta’ wirt, reġistri tal-artijiet u ta’ proprjetà, kwistjonijiet dwar il-kotba ta’ kumpaniji, kwistjonijiet dwar drittijiet residenzjali, eċċ.

Meta r-rappreżentanza legali quddiem qorti distrettwali ma tkunx obbligatorja, kulħadd jista’ jippreżenta quddiem qorti talba bil-miktub jew rikors biex jinbdew il-proċedimenti.

F’kawżi ċivili u kummerċjali li għandhom jitressqu quddiem il-qrati, it-talbiet imressqa quddiem qorti reġjonali (Landesgericht) iridu dejjem jiġu ffirmati minn avukat. Il-qrati reġjonali jittrattaw it-talbiet kollha barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ qorti distrettwali u irrispettivament mill-valur tat-talba – b’mod partikolari, tilwim li jikkonċerna l-liġi tal-proprjetà industrijali u l-kompetizzjoni inġusta, kif ukoll talbiet għal inġunzjoni ppreżentati minn assoċazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur.

Ma hemmx bżonn li avukat jiffirma talbiet skont il-liġi tax-xogħol jew tas-sigurtà soċjali li għandhom jiġu ttrattati minn qorti reġjonali skont l-Att dwar il-Qrati tax-Xogħol u Soċjali (Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz – ASGG). Dan japplika b’mod partikolari għal talbiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg tagħhom li l-impjegati jissottomettu kontra min iħaddem.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

It-talbiet bil-miktub iridu jintbagħtu fl-indirizz tal-Qorti għall-korrispondenza. Parti li tixtieq tippreżenta talba fil-qorti personalment tista’ tiddepożitaha fl-uffiċċju ta’ akkoljenza tal-qorti jew fil-kaxxa tal-ittri installata għal dak l-għan.

Jekk ma jeżisti l-ebda obbligu li wieħed ikun rappreżentat minn avukat u l-parti ma tkunx rappreżentata b’dan il-mod, talba tista’ tiġi rreġistrata bil-fomm ukoll fi kwalunkwe jum miftuħ tal-qorti (Amtstag) fil-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni fil-kawża jew fil-qorti distrettwali taż-żona li l-parti tkun qed tirrisjedi attwalment fiha.

Dwar il-possibbiltà ta’ sottomissjoni elettronika, ara l-mistoqsija 8.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwa Ġermaniża għandha tintuża bħala lingwa uffiċjali quddiem il-qrati kollha. Is-Sloven, il-Kroat jew l-Ungeriż huma aċċettati wkoll bħala lingwa uffiċjali quddiem uħud mill-qrati.

It-talbiet jew ir-rikorsi għall-bidu tal-proċedimenti jridu jitressqu bil-miktub u jiġu ffirmati manwalment. Jekk ma jkun hemm l-ebda obbligu li wieħed ikun rappreżentat minn avukat u l-parti ma tkunx hekk irrappreżentata, talba tista’ wkoll – kif spjegat taħt il-Mistoqsija 7 iktar’ il fuq – issir bil-fomm fil-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni. It-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati online permezz tas-sistema magħluqa tal-pjattaforma Awstrijaka tal-Ġustizzja elettronika (ERV). L-użu tal-pjattaforma jiddependi mir-reġistrazzjoni, li hija kosteffettiva biss għal dawk li jippreżentaw għadd kbir ta’ talbiet quddiem il-qrati Awstrijaċi. It-talbiet ma jistgħux jiġu ppreżentati bil-posta elettronika u talba sottomessa bil-posta elettronika ma tistax tiġi rettifikata wara l-iskadenza. It-talbiet ippreżentati bil-faks lanqas ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ZPO). Iżda jekk talba tintbagħat bil-fax, l-oriġinali tista’ tiġi ppreżentata aktar tard, u jitqies li tkun ġiet irrispettata d-data tal-għeluq.

Is-sottomissjonijiet u l-annessi jistgħu jintbagħtu wkoll lill-qrati u lill-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi b’mod elettroniku permezz ta’ “ID Austria” u l-formoli online disponibbli fuq is-sit web https://justizonline.gv.at.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

L-uniċi formoli disponibbli huma dawk użati biex tintalab ordni ta’ ħlas kundizzjonali (a Mahnklage). It-talbiet kollha għal ħlas sa EUR 75 000 iridu jiġu ppreżentati bħala Mahnklage (rikors għal ordni ta’ ħlas) skont il-proċedura rilevanti (il-Mahnverfahren). Il-formoli applikabbli jistgħu jinkisbu mill-qrati jew jiġu stampati mis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja https://justizonline.gv.at.

Jeżistu formoli fakultattivi għal ordni tal-qorti biex jintemm ftehim ta’ kiri residenzjali jew kiri kummerċjali għal sett wieħed jew aktar ta’ bini tan-negozju.

Bħala regola, kwalunkwe talba tista’ tkun akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn xierqa (li għandhom jiġu ppreżentati fl-istess numru ta’ kopji bħat-talba nfisha, ara l-Mistoqsija 12). Kwalunkwe ftehim bil-miktub dwar il-post tal-ġuriżdizzjoni jew l-awtorità ġudizzjarja domestika (ftehimiet dwar il-kompetenza ġudizzjarja) jista’ jiġi mehmuż mat-talba. L-istess japplika għal ftehimiet bil-miktub dwar il-post tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jekk ir-rikorrent jixtieq li l-kawża tiġi ttrattata f’dak il-post ta’ ġuriżdizzjoni, u għal fatti partikolari oħra rilevanti għall-kompetenza ġudizzjarja jew proċeduri speċjali (pereżempju, il-proċedura għall-infurzar tal-ħlas ta’ kambjala).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu meta tiġi ppreżentata talba ċivili quddiem qorti; dawn huma maħsuba biex ikopru l-ispiża globali tal-kawża fil-prim’istanza. It-tariffi normalment jiġu gradwati f’konformità mal-valur tat-talba. Dawn għandhom jitħallsu meta titressaq l-azzjoni, idealment billi jiġi awtorizzat it-tnaqqis tal-ammont ikkonċernat (eż. billi jiġi indikat “ħlas ta’ tariffa” bħala l-għan tal-pagament u jiġi pprovdut kodiċi IBAN, flimkien ma’ kodiċi BIC fil-każ ta’ ħlas internazzjonali) fl-ewwel paġna tat-talba.

Kif jitħallsu t-tariffi tal-avukat hija kwistjoni li għandha tiġi miftiehma bejn l-individwi kkonċernati; dan japplika wkoll għall-ammont ta’ dawk it-tariffi (sakemm il-ħlas ikun maqbul f’konformità mal-Att dwar it-Tariffi Legali [Rechtsanwaltstarifgesetz] jew il-Linji Gwida Ġenerali dwar it-Tariffi [Allgemeine Honorar-Kriterien]). Rimborż proporzjonat mal-eżitu tal-każ normalment jista’ jintalab mill-parti opposta biss ladarba tkun inħarġet deċiżjoni finali.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata lil persuni li ma jaffordjawx l-ispejjeż tal-proċedimenti. Rikors għal għajnuna legali jista’ jiġi ppreżentat bil-fomm jew bil-miktub lill-qorti li quddiemha l-proċedimenti jkunu se jitmexxew jew għandhom jitmexxew. Jekk dik il-qorti tkun barra mill-ambitu ġeografiku tal-qorti distrettwali responsabbli għall-post ta’ residenza permanenti jew temporanja, ir-rikors jista’ jiġi rreġistrat ukoll bil-fomm f’dik il-qorti distrettwali.

Jekk ir-rekwiżiti finanzjarji u sostantivi jiġu ssodisfati, l-għajnuna legali tista’ tintalab minn qabel għall-fini tal-preżentazzjoni tat-talba u/jew fir-rigward tal-proċedimenti sussegwenti kollha.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali fis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja (http://www.justiz.gv.at) taħt “Servizz” (Helpdesk). Il-formoli ta’ rikors rilevanti li jkun fihom informazzjoni u pariri addizzjonali jistgħu jitniżżlu wkoll mis-sit web.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Talba titqies li tkun ġiet ippreżentata meta tiġi riċevuta mill-qorti b’ġuriżdizzjoni (tal-inqas teoretika) fuqha. Talba titqies li tkun ġiet ippreżentata kif xieraq jekk ma tiġix miċħuda minnufih jew ma tiġix rettifikata mill-qorti (fi kliem ieħor, jekk ikun evidenti li t-talba tkun tista’ tiġi ttrattata f’konformità mar-regoli tal-proċedura). It-talbiet bil-miktub iridu jiġu ppreżentati f’daqstant kopji daqs kemm hemm partijiet għall-proċedimenti (kopja waħda għal kull parti opposta u kopja għall-Qorti). Jekk it-talba jkun fiha xi żbalji fl-għamla u/jew fil-kontenut, il-Qorti aktarx toħroġ struzzjonijiet biex dawn l-iżbalji jiġu kkoreġuti. Dawk l-istruzzjonijiet jindikaw il-konsegwenzi jekk il-korrezzjonijiet ma jsirux sad-data meħtieġa. Il-konferma li tkun waslet talba normalment tinħareġ biss fuq talba sakemm ma tkunx ġiet ippreżentata fuq il-pjattaforma tal-Ġustizzja elettronika Awstrijaka, f’liema każ il-konferma tkun awtomatika.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Fi proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) il-formola tat-talba diġà titlob is-sottomissjoni ta’ kopja valida tal-ordni ta’ ħlas. Għalhekk, ir-rikorrent awtomatikament jirċievi kopja eżegwibbli tal-ordni ta’ ħlas (titolu ta’ eżekuzzjoni – Exekutionstitel) jew kopja jew notifika ta’ kwalunkwe oġġezzjoni ppreżentata f’data ta’ skadenza stipulata mill-parti l-oħra, normalment flimkien ma’ ċitazzjoni għal seduta orali (li tagħti bidu għal proċedimenti ordinarji). Għad m’hemm l-ebda perjodu minimu għaċ-ċitazzjoni fi proċedimenti quddiem qorti distrettwali, filwaqt li fi proċedimenti quddiem qorti reġjonali dan huwa ta’ mill-inqas 3 ġimgħat.

Fi proċedimenti relatati ma’ ordni tal-qorti li ttemm ftehim ta’ kiri ta’ residenza jew kummerċjali, trid tintalab kopja eżegwibbli tal-ordni ta’ terminazzjoni separatament. Jekk il-persuna li tkun qed tiġi żgumbrata tressaq oġġezzjoni fi żmien erba’ ġimgħat, sid il-kera jiġi infurmat awtomatikament (u normalment tintbagħat ċitazzjoni għas-seduta).

Ħlief fi proċeduri speċjali bħal dawk relatati ma’ ordni ta’ ħlas, ħlas ta’ kambjala jew avviż ta’ terminazzjoni ta’ sid il-kera, il-wasla ta’ talba (u t-tlestija ta’ kwalunkwe proċedura ta’ rettifika) f’kawżi quddiem il-qorti distrettwali b’ġuriżdizzjoni normalment tiskatta proċess li bih it-talba u ċ-ċitazzjoni għas-seduta jiġu nnotifikati awtomatikament lill-konvenut. Fl-istess ħin ir-rikorrent jintbagħat ċitazzjoni għas-seduta. F’kawżi quddiem qorti reġjonali, il-konvenut jintalab awtomatikament iwieġeb bil-miktub għal talba li tkun ġiet innotifikata, u huwa mfakkar li tali tweġiba trid tiġi ffirmata minn avukat. Jekk il-konvenut jonqos milli jwieġeb sal-iskadenza stipulata, tinħareġ sentenza fil-kontumaċja jekk ir-rikorrent jitlob dan – inkella l-proċedimenti jiġu sospiżi. Jekk tasal risposta fil-ħin, ir-rikorrent jintbagħat kopja tagħha – normalment flimkien ma’ ċitazzjoni għas-seduta.

Fil-laqgħa preparatorja (l-ewwel sessjoni fil-proċedimenti orali), il-perjodu ta’ żmien sussegwenti u l-ordni tal-proċedimenti jiġu diskussi mal-partijiet (li jridu normalment jattendu personalment sakemm ir-rappreżentant tagħhom ma jkunx infurmat kif xieraq bil-fatti) u mbagħad jiġu deċiżi mill-Qorti. Iż-żmien u l-ordni tal-proċedimenti huma inklużi wkoll bħala l-iskeda tal-kawżi fir-reġistru tal-proċedimenti. Kopja tal-estratt tar-reġistru tal-proċedimenti trid tintbagħat lill-partijiet (jew lir-rappreżentanti tagħhom). Il-partijiet għandhom jiġu avżati dwar kwalunkwe tibdil fl-iskeda ta’ żmien tal-kawża u, fejn xieraq, dan għandu jiġi diskuss magħhom fi żmien konvenjenti.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna