1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
Is-sistema legali Taljana tiggarantixxi li jista’ jkollok rikors għall-qrati bħala mezz ġenerali għall-protezzjoni tad-drittijiet tiegħek.
Iżda f’xi kwistjonijiet l-ewwel trid tipprova l-medjazzjoni, bl-assistenza tal-avukat tiegħek, u huwa biss jekk dan ifalli li tista’ tressaq azzjoni quddiem il-qorti: dawn l-oqsma huma tilwim li jikkonċerna l-kondominji, id-drittijiet tal-proprjetà, id-diviżjoni tal-assi, il-wirt, il-ftehimiet tal-familja, il-kera jew il-kirja, is-self għall-użu, il-kirjiet tan-negozju, il-pretensjonijiet għad-danni minħabba malprassi medika, il-malafama fl-istampa jew f’midja oħra, u tilwim relatat mal-assigurazzjoni, kuntratti bankarji u finanzjarji, ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-profitti, konsorzji, franchising, xogħlijiet, networks, ħaddiema tal-aġenziji, sħubijiet u ftehimiet ta’ sottokuntrattar. Il-proċedimenti jitmexxew f’korpi ta’ medjazzjoni awtorizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
Barra minn hekk, jekk beħsiebek tressaq kawża fil-qorti dwar kumpens għal ħsara kkawżata mill-moviment ta’ vetturi u dgħajjes jew talba għall-ħlas ta’ somom li ma jaqbżux l-EUR 50,000, inti obbligat tipprova tinnegozja mal-parti l-oħra. Madankollu, din il-proċedura tinvolvi negozjati diretti bejn il-partijiet, li jridu jkunu assistiti minn avukati.
Għażla oħra hija l-arbitraġġ, fejn it-tilwima tiġi deċiża minn arbitru privat maħtur mill-partijiet fit-tilwima. Il-partijiet ikkonċernati jridu jaqblu li jirrikorru għall-arbitraġġ bħala alternattiva għal azzjoni fil-qorti.
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
Japplikaw perjodi ta’ preskrizzjoni speċifiċi skont it-tip ta’ talba. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni standard huwa ta’ 10 snin; madankollu, xi tipi ta’ talbiet għandhom perjodi ta’ preskrizzjoni iqsar (l-Artikoli 2934–2961 tal-Kodiċi Ċivili (codice civile)).
F’ċerti każijiet speċifiċi, il-liġi tistabbilixxi wkoll limiti ta’ żmien relatati ma’ azzjonijiet speċifiċi. Pereżempju, l-Artikolu 1495 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li sabiex ifittex rimedju quddiem il-qrati, xerrej li jiskopri difetti f’oġġett mixtri jrid jinnotifika lill-bejjiegħ fi żmien tmint ijiem mill-iskoperta.
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Biex tikseb sentenza finali bis-saħħa ta’ res judicata trid tmur il-qorti. Biex tidentifika l-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni, trid tikkunsidra t-tip ta’ tilwima u r-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-UE li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni.
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Ir-regola bażika hija li l-qorti kompetenti tkun il-qorti tal-post fejn jirrisjedi l-konvenut jew fejn ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu; din hija r-regola tal-ġuriżdizzjoni territorjali li tiddetermina dak li huwa deskritt bħala l-forum ordinarju għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi (foro generale delle persone fisiche e giuridiche). Skont il-valur tat-tilwima, jew skont il-kwistjoni speċifika inkwistjoni, ikollok tirrikorri għal qorti speċifika fil-qasam rilevanti (il-Kummissarju tal-Ġustizzja (giudice di pace), jew il-Qorti Ordinarja (tribunale) sedenti bi mħallef wieħed jew b’kulleġġ ġudikanti), jew tabilħaqq quddiem qorti barra mill-forum ordinarju għall-persuni fiżiċi (f’liema każ jingħad li hemm ġuriżdizzjoni territorjali obbligatorja (competenza per territorio inderogabile)).
Ara l-iskeda informattiva dwar il-“qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?”.
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
Azzjonijiet li jikkonċernaw proprjetà mobbli b’valur sa massimu ta’ EUR 10,000 iridu jitressqu quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja huwa kompetenti wkoll għal azzjonijiet b’valur sa EUR 25,000 jekk ikunu relatati ma’ kumpens għal ħsara kkawżata mill-moviment ta’ vetturi u dgħajjes. Azzjonijiet fejn is-somma inkwistjoni tkun akbar jiġu ttrattati mill-Qorti Ordinarja sedenti b’imħallef wieħed. Ċerti kwistjonijiet jiġu assenjati irrispettivament mill-valur tagħhom lill-Kummissarju tal-Ġustizzja (l-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (codice di procedura civile)), il-Qorti Ordinarja b’imħallef uniku (l-Artikolu 409 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew il-Qorti Ordinarja sedenti b’kulleġġ ġudikanti (l-Artikolu 50-bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Ara l-iskeda informattiva dwar il-“qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?”.
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
Bħala regola ġenerali, ikollok tkun rappreżentat minn avukat: ir-rappreżentanza professjonali hija obbligatorja (obbligo di difesa tecnica). Din ir-regola ma tapplikax għal pretensjonijiet għal somom żgħar (pretensjonijiet ta’ EUR 1,100 jew inqas quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja) jew jekk inti stess tkun avukat kwalifikat (l-Artikolu 86 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
Ir-rikors irid jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra u jiġi ppreżentat lill-uffiċċju kompetenti tal-iskrivan tal-qorti.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Ir-rikors jista’ jsir bil-fomm biss f’talbiet quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja (l-Artikolu 316 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fil-każijiet l-oħra jrid isir bil-miktub u bil-lingwa Taljana. Ir-rikors ma jistax jintbagħat bil-faks jew bil-posta elettronika biss. L-avukati jridu jippreżentaw id-dokumenti b’email iċċertifikata f’sistema tal-IT iddedikata.
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
Ma hemm l-ebda formola stabbilita; ir-rikors għandu jindika l-partijiet, il-qorti, is-suġġett u l-intestatura. Fi proċedimenti ċivili ordinarji, ir-rikorrent irid jindika wkoll is-seduta li fiha l-parti l-oħra trid tidher u jrid jinfurmaha li r-rappreżentanza professjonali minn avukat hija obbligatorja u li tista’ tapplika għall-għajnuna legali (patrocinio a spese dello Stato), suġġett għal kundizzjonijiet.
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
Ikollok tħallas tariffa lill-Istat, li tiddependi mill-ammont li tkun qed titlob, fiż-żmien meta tippreżenta r-rikors (tariffa unika skont il-Liġi Konsolidata dwar l-Ispejjeż Legali, id-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002 (Testo Unico delle Spese di Giustizia, DPR 115/2002)).
L-ammont u l-perjodi tal-ħlas tat-tariffi tal-avukat jiddependu mill-arranġamenti li tikkonkludi direttament mal-avukat tiegħek.
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
Kemm iċ-ċittadini Taljani kif ukoll iċ-ċittadini barranin jistgħu jitolbu l-għajnuna legali jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti legali tal-introjtu personali (il-Liġi Konsolidata dwar l-Ispejjeż Legali, id-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002).
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
Ir-rikors jitqies li ġie ppreżentat
- meta jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra, fil-każ ta’ ċitazzjoni indirizzata lill-parti l-oħra (atto di citazione),
- meta jiġi ppreżentat fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti, fil-każ ta’ rikors indirizzat lill-qorti (ricorso).
Il-qorti ma tqisx jekk il-kawża ġietx ippreżentata b’mod xieraq sakemm tibda l-kawża, meta ż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jinstemgħu.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
It-terminu permess għad-dehra, u t-terminu tal-passi l-oħra li għandhom jittieħdu mill-partijiet jew mill-qorti, huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Kull qorti tapplika dawn ir-regoli minn stadju għall-ieħor tal-proċeduri jew billi tistabbilixxi skeda ġenerali għall-proċeduri (l-Artikolu 81-bis tad-Digriet li jimplimenta l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Ir-Reġistratur jinnotifika lill-partijiet b’ordnijiet tal-qorti mogħtija barra mis-seduta (pereżempju, bidliet fid-data tas-seduta) u sentenzi.
Ħolqa għall-Artikoli 163-166 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: https://www.normattiva.it/uri-res/N2Ls?urn:nir:stato:regio.decreto:1940-10-28;1443