1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
F’ċerti każijiet jista’ jkun li jagħmel iktar sens li tintuża s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-konċiljazzjoni tal-konsumatur, il-medjazzjoni, jew l-arbitraġġ. Madankollu, l-arbitraġġ mhux permess għat-tilwim kollu. Fil-qasam tal-liġi tal-familja, it-talbiet li ma jinvolvux drittijiet ta’ proprjetà (nicht-vermögensrechtliche Ansprüche) mhumiex arbitrabbli, pereżempju. Għal iktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni, agħmel referenza għall-iskeda ta’ “Medjazzjoni”.
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
M’hemmx limitu ta’ żmien proċedurali ġenerali biex titressaq azzjoni bil-qorti. Madankollu, limitu ta’ żmien jista’ jiġi impost f’sitwazzjonijiet definiti legalment, eż. għal ċertu miżuri interim. Minkejja dak li ntqal hawn fuq, hemm limiti ta’ żmien li fihom jistgħu jinġiebu talbiet. Jekk talba ssir preskritta u l-parti avversarja tinvoka dan, it-talba tiġi miċħuda. Il-limiti ta’ żmien jiddependu fuq il-liġi sostantiva tal-każ aktar milli fuq il-liġi proċedurali. Dawn ivarjaw minn każ għal ieħor. Sabiex wieħed jiċċara l-limiti ta’ żmien li japplikaw għal każ individwali, jkun aħjar li wieħed jikkonsulta ma’ konsulent ikkwalifikat legalment, bħal avukat.
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Ara Il-qorti ta’ liema pajjiż hija responsabbli?.
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Ara Il-qorti ta’ liema pajjiż hija responsabbli? - il-Ġermanja.
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
Ara Il-qorti ta’ liema pajjiż hija responsabbli? - il-Ġermanja.
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
Il-kwistjoni ta’ jekk tistax tippreżenta azzjoni inti jew jekk tridx tkun irrappreżentat minn avukat tiddependi mill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fuq it-talba. F’ċerti kawżi, l-użu ta’ avukat jista’ jkun obbligatorju minħabba s-suġġett tal-proċedimenti.
Il-partijiet f’tilwim quddiem il-qrati reġjonali (Landgerichten) u l-qrati reġjonali ogħla (Oberlandesgerichten) fil-Ġermanja jridu jkunu rappreżentati minn avukat (l-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO)). Rappreżentazzjoni minn avukat hija obbligatorja wkoll quddiem il-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof). Madankollu, quddiem din il-qorti jistgħu jidhru biss avukati awtorizzati speċjalment. L-użu ta’ avukat huwa obbligatorju wkoll f’ħafna kawżi tal-familja (eż. divorzju, tilwim dwar il-manteniment, tilwim dwar proprjetà) li jiġu quddiem il-qorti lokali (Amtsgericht).
Fil-prinċipju, fil-kawżi l-oħra kollha quddiem il-qorti lokali, tista’ tressaq azzjoni u tmexxi l-proċedimenti inti stess mingħajr avukat.
Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) (l-Artikolu 688 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), li huma intiżi biex jissimplifikaw l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet monetarji, il-qorti b’ġuriżdizzjoni f’tilwim ta’ liġi ċivili hija l-qorti lokali. Spiss ikun hemm qrati ċentrali għall-kawżi ta’ ordni ta’ ħlas (Zentrale Mahngerichte) fl-istati federali fejn tali proċedimenti jistgħu jinġiebu. Għalhekk tista’ tippreżenta rikors għal ordni ta’ ħlas quddiem dawn il-qrati anke mingħajr avukat.
Proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas jistgħu jinġiebu wkoll quddiem tribunal industrijali (Arbeitsgericht). F’dal-każ, għall-kuntrarju tal-proċedimenti tad-dritt ċivili, ir-rikors irid ikun preżentat direttament fit-tribunal industrijali li jkollu l-ġuriżdizzjoni territorjali. Fil-prinċipju, fil-proċedimenti tal-prim’istanza quddiem tribunal industrijali, tista’ tressaq azzjoni u tmexxi l-proċedimenti inti stess mingħajr avukat.
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
B’mod ġenerali, talba għandha tiġi ppreżentata bil-miktub quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni. Din tista’ tintbagħat bil-posta jew titwassal bl-idejn lill-kaxxa postali tal-qorti. Talba tista’ tiġi ppreżentata wkoll elettronikament. Metodi ta’ komunikazzjoni speċifiċi għal komunikazzjoni elettronika huma disponibbli u huma deskritti f’iktar dettall fl-iskeda “Regolament tad-Diġitalizzazzjoni”.
Madankollu, jekk il-qorti lokali jkollha ġuriżdizzjoni għall-proċedimenti, talba tista’ tiġi rreġistrata oralment fl-uffiċċju tal-qorti (Geschäftsstelle des Amtsgerichts). It-talbiet jistgħu jiġu rreġistrati b’dal-mod mhux biss fil-qorti lokali bil-ġuriżdizzjoni territorjali, iżda wkoll fl-uffiċċju tal-qorti ta’ qorti lokali oħra fil-Ġermanja. L-uffiċċju jibgħat ir-reġistrazzjoni tat-talba lill-qorti rilevanti mingħajr dewmien.
L-istess japplika għal azzjoni quddiem it-tribunal industrijali. Talba quddiem it-tribunal industrijali tista’ tiġi rreġistrata oralment ukoll fl-uffiċċju ta’ kwalunkwe tribunal industrijali.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Fil-prinċipju, il-lingwa tal-qrati hija l-Ġermaniż. Għaldaqstant, it-talba trid tiġi ppreżentata bil-Ġermaniż. Eċċezzjoni tapplika fid-distretti tal-popolazzjoni Sorba. F’dawn id-distretti s-Sorbi jistgħu jippreżentaw ukoll talbiet bil-lingwa Sorba. Eċċezzjoni oħra tapplika quddiem panels ta’ mħallfin speċifiċi li jistgħu jkunu stabbiliti biex jisimgħu tilwim ta’ liġi kummerċjali f’livell ta’ qorti reġjonali, qorti reġjonali ogħla jew qorti reġjonali suprema (Oberstes Landesgericht) (awli kummerċjali, qrati kummerċjali). Talba quddiem dawn il-panels tista’ ssir bl-Ingliż.
Ġeneralment, talba trid tiġi ppreżentata bil-miktub. F’azzjoni quddiem il-qorti lokali jew it-tribunal industrijali, it-talbiet jistgħu jiġu rreġistrati wkoll oralment fl-uffiċċju tal-qorti (ara l-mistoqsija 7). It-talbiet jistgħu jiġu rreġistrati elettronikament ukoll. L-avukati għandhom jissottomettu talbiet f’format elettroniku.
Sempliċi email mhix biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti legali għas-sottomissjoni elettronika tat-talbiet u għaldaqstant mhix permessa. Minflok l-email, diversi mezzi siguri ta’ trażmissjoni huma disponibbli għal komunikazzjoni elettronika mal-qrati u jistgħu jintużaw biex jintbagħtu dokumenti lill-qrati b’mod li jorbot legalment.
Dawn il-mezzi siguri ta’ trażmissjoni jinkludu kaxxa postali elettronika għaċ-ċittadini u organizzazzjonijiet (elektronisches Bürger- und Organisationenpostfach – eBO) u kaxxa postali u servizz ta’ konsenja (Postfach- und Versanddienst) ta’ kont tal-utent skont l-Artikolu 2(5) tal-Att sabiex jittejjeb l-aċċess online għal servizzi amministrattivi (Gesetz zur Verbesserung des Onlinezugangs zu Verwaltungsleistungen – OZG), b’mod partikolari Mein Justizpostfach (il-Kaxxa Postali Ġudizzjarja Tiegħi - MJP).
Mein Justizpostfach huwa servizz b’xejn għall-persuni fiżiċi li huwa standardizzat fil-Ġermanja. Tista’ toħloqha permezz tal-kont tal-utent tal-gvern federali (BundID) tiegħek, li fih tiġi attivata l-funzjoni ta’ identifikazzjoni online, u tista’ tużaha direttament fil-web browser mingħajr il-bżonn ta’ software addizzjonali.
L-eBO huwa mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini, kif ukoll għal entitajiet legali u organizzazzjonijiet. Jeħtieġ software speċjali u identifikazzjoni sigura.
Id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll b’fax. F’dal-każ il-firma tal-parti kkonċernata trid tkun identifikabbli fuq il-fax. Irid ikun ċar min iffirma d-dikjarazzjoni tat-talba.
L-avukati għandhom aċċess għal kaxxa postali elettronika speċjali għall-avukati (besonderes elektronisches Anwaltspostfach) bħala mezz sigur ta’ trażmissjoni.
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
Formoli uffiċjali huma meħtieġa għall-proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas – b’mod partikolari għar-rikors għal ordni ta’ ħlas (Mahnbescheid) jew ordni ta’ eżekuzzjoni (Vollstreckungsbescheid) (l-Artikolu 703c(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili flimkien mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament li jintroduċi formoli għal proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas (Verordnung zur Einführung von Vordrucken für das Mahnverfahren) jew l-Artikolu 46f tal-Att dwar it-Tribunal Industrijali (Arbeitsgerichtsgesetz) flimkien mal-Artikolu 1 tar-Regolament li jintroduċi formoli għal proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas quddiem it-tribunali industrijali (Verordnung zur Einführung von Vordrucken für das arbeitsgerichtliche Mahnverfahren)). Iridu jintużaw dawn il-formoli. Jekk ma jintużawx, ir-rikors jista’ jitqies inammissibbli.
Mhumiex meħtieġa formoli standardizzati biex titressaq talba. Madankollu, id-dikjarazzjoni tat-talba trid tkun konformi ma’ ċerti rekwiżiti formali u trid tinkludi ċertu kontenut:
- Id-dikjarazzjoni tat-talba trid tagħti d-dettalji korretti tal-partijiet u tar-rappreżentanti legali tagħhom, kif ukoll l-indirizzi tagħhom għan-notifika. Il-qorti fejn qiegħda tiġi ppreżentata t-talba trid tiġi indikata wkoll.
- It-talba trid tiddikjara b’mod ċar u mingħajr ambigwità l-ilment u dak li l-qorti qed tintalab tagħti lir-rikorrent (l-ordni mitluba).
- It-talba mressqa u l-fatti li fuqhom hi bbażata jridu jkunu deskritti b’mod komprensiv, koerenti u ċar ukoll.
- Id-dikjarazzjoni tat-talba trid tiġi ffirmata personalment. Jekk il-parti li tippreżenta l-azzjoni tkun rappreżentata minn avukat, id-dikjarazzjoni tat-talba trid tkun iffirmata mill-avukat jew ir-rappreżentant tiegħu (ara l-mistoqsija 8).
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
L-ispejjeż tal-qorti huma imposti għal proċedimenti quddiem il-qrati li jittrattaw kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Dawn it-tariffi huma t-tariffi u l-ispejjeż tal-qorti. Wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-talba, il-qorti titlob ħlas bil-quddiem akkont tal-ispejjeż tal-qorti (Gerichtskostenvorschuss) li jikkorrispondi għall-ammont tat-tariffi statutorji tal-qorti. Bħala regola, it-talba ma tiġix innotifikata lill-kontroparti qabel ma l-parti li tressaq l-azzjoni tkun ħallset akkont l-ispejjeż tal-qorti bil-quddiem.
L-istess japplika għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas.
Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ ħlas bil-quddiem fil-proċedimenti quddiem it-tribunal industrijali.
Jekk avukat ikun qed jaġixxi, it-tariffi tal-avukat ikollhom jitħallsu wkoll. It-tariffi tal-avukati huma, fil-prinċipju, dovuti biss wara t-tlestija tal-proċedimenti jew wara deċiżjoni tal-qorti dwar l-ispejjeż, iżda avukat jista’ jitlob depożitu għal xogħolu li jikkorrispondi għat-tariffi sussegwenti tiegħu anke qabel ma t-talba tiġi ppreżentata.
L-ispejjeż tal-proċedimenti, l-ispejjeż tal-qorti u t-tariffi tal-avukat, inklużi l-ispejjeż li diġà tħallsu, għandhom jitħallsu ġeneralment, fi tmiem il-proċedimenti, mill-parti li tkun ordnata mill-qorti biex tħallas l-ispejjeż. Spiss din tkun il-parti li titlef il-kawża. Fi proċedimenti fejn is-sentenza dwar l-ispejjeż issir taħt l-Att dwar proċedimenti fi kwistjonijiet tal-familja u ta’ ġuriżdizzjoni mhux kontenzjuża (Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit), il-qorti ġeneralment tiddeċiedi bid-diskrezzjoni tagħha min għandu jħallas liema porzjon tal-ispejjeż tal-proċedimenti.
Ara“Għajnuna Legali - il-Ġermanja”
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
Kull min ma jkunx jista’ jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti minħabba ċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tiegħu jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti għall-għajnuna legali (Prozesskostenhilfe/Verfahrenskostenhilfe) (l-Artikolu 114 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti teżamina jekk l-azzjoni/rikors għandux xi prospett ta’ suċċess, li mhuwiex malizzjuż, u jekk hemmx il-ħtieġa finanzjarja. Jekk il-qorti tagħti l-għajnuna legali, il-parti li tressaq l-azzjoni ma jkollhiex għalfejn tħallas bil-quddiem xi spejjeż għan-notifika tat-talba.
Dikjarazzjoni li tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tal-parti trid tkun inkluża mar-rikors. Trid tintuża formola uffiċjali għal dan l-għan (“ Erklärung über die persönlichen und wirtschaftlichen Verhältnisse bei Prozess- oder Verfahrenskostenhilfe” (“Dikjarazzjoni taċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji għall-għajnuna legali”)), li magħha trid tiġi mehmuża prova xierqa (eż. prova tad-dħul, rendikonti bankarji, eċċ.).
Jekk tingħata l-għajnuna legali, l-ispejjeż tal-qorti u, jekk ikun meħtieġ, l-ispejjeż tal-avukat tal-parti stess, ikunu koperti minn fondi pubbliċi. Skont il-mezzi finanzjarji tiegħek, il-qorti tista’ tagħti wkoll għajnuna legali soġġetta għall-kundizzjoni li jitħallsu pagamenti mensili li jikkontribwixxu għall-ispejjeż. Madankollu, jekk titlef il-kawża, ġeneralment tkun meħtieġ li tkopri l-ispejjeż tal-kontroparti inti stess (l-Artikolu 123 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
Jekk id-dikjarazzjoni tat-talba tkun kompluta u tkun ġiet ippreżentata fil-qorti kif suppost, u l-pagament bil-quddiem li spiss ikun meħtieġ jkun tħallas, il-qorti tieħu ħsieb in-notifika tal-azzjoni lill-intimat. L-azzjoni titqies li tkun bdiet meta tiġi nnotifikata lill-intimat.
Jekk id-dikjarazzjoni tat-talba ma tkunx kompluta jew ikun fiha xi żbalji, il-qorti ġeneralment tagħti l-opportunità lill-parti li ressqet l-azzjoni biex tikkoreġiha. Jekk il-korrezzjonijiet meħtieġa ma jsirux, it-talba tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Ladarba l-azzjoni tkun ġiet innotifikata l-qorti tinforma lill-partijiet dwar il-proċedura sussegwenti u tagħmel l-arranġamenti proċedurali. Tista’ jew tiskeda data bikrija għall-ewwel seduta orali jew l-ewwel tordna l-proċedimenti bil-miktub.
Fil-proċedimenti bil-miktub jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għall-intimat biex jinnotifika lill-qorti dwar jekk jixtieqx jiddefendi t-talba. Limiti ta’ żmien ulterjuri jistgħu mbagħad jiġu stabbiliti biex jingħataw dikjarazzjonijiet jew biex jiġu sottomessi dokumenti supplimentarji.
Bi tħejjija għal seduta orali, il-qorti tista’ teħtieġ li l-partijiet jiċċaraw ċerti punti f’iktar dettall, jew li jissottomettu dokumenti. Jistgħu jiġu ordnati wkoll li jidhru personalment. Il-partijiet ikunu infurmati bl-ordnijiet kollha maħruġa u l-limiti ta’ żmien kollha ffissati mill-qorti.