1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
Xi drabi jkun aħjar li jintużaw sistemi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall- medjazzjoni.
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
F’xi każijiet ikun hemm dispożizzjonijiet fis-sens li l-kawża għandha titressaq f’ċertu perjodu ta’ żmien; inkella jista’ jkun tard wisq biex issir talba għall-ħlas ta’ dejn, pereżempju. Il-perjodu ta’ żmien permess biex titressaq kawża quddiem qorti jvarja skont it-tip ta’ kawża inkwistjoni. Mistoqsijiet relatati mal-perjodu ta’ żmien biex titressaq kawża jistgħu jiġu mwieġba minn konsulent legali jew konsulent għall-affarijiet tal-konsumatur, pereżempju.
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Informazzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati tista’ tinstab hawnhekk.
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Fejn tgħix inti, fejn tgħix il-kontroparti u fatturi oħrajn jistgħu jkunu ta’ importanza għal fejn għandha titressaq il-kawża. Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawnhekk.
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
In-natura tal-kawża, l-ammont inkwistjoni u ċirkostanzi oħrajn jistgħu jkunu ta’ importanza biex jiġi ddeterminat it-tip ta’ qorti li quddiemha għandha titressaq il-kawża. Aktar informazzjoni tista’ tinstab hawnhekk.
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
L-individwi jistgħu jressqu kawża quddiem qorti fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Għalhekk ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed ikun rappreżentat jew li jkollu avukat fl-Iżvezja. Ma hemm ukoll l-ebda monopolju tal-avukati fis-sens li rappreżentant jew konsulent legali jeħtieġlu li jkun avukat.
Fil-qosor, huwa possibbli li wieħed iressaq kawża huwa stess, mingħajr ma jqabbad avukat.
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
Rikors għal taħrika jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti. Jista’ jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti, jitqiegħed fil-kaxxa postali tal-qorti jew fil-kaxxa tal-ittri, jingħata lil uffiċjal tal-qorti jew jintbagħat lill-qorti bil-posta.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Fl-Iżvezja, il-lingwa tal-qrati hija l-Iżvediż. Għalhekk rikors għal taħrika jrid jinkiteb bl-Iżvediż. Madankollu, jekk dokument ikun ġie ppreżentat b’lingwa oħra, f’xi każijiet, il-qorti tista’ tordna lil parti biex tittraduċih. F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ tittraduċi d-dokumenti hija stess.
Rikors għal taħrika jrid jiġi ppreżentat bil-miktub u ffirmat personalment. Jekk ir-rikors ma jkunx iffirmat personalment iżda jintbagħat pereżempju bil-fax jew bl-email, il-qorti jeħtieġilha tibgħat konferma tar-rikors b’dokument oriġinali u ffirmat. Jekk ma tingħata l-ebda konferma bħal din, ir-rikors jiġi miċħud. Madankollu, huwa possibbli wkoll li jitressaq rikors għal taħrika f’kawżi ċivili billi jintuża s-servizz elettroniku tal-qrati Żvediżi: Kif tiffirma u tibgħat ir-rikors għal taħrika b’mod diġitali – il-qrati Żvediżi.
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
Ma hemm l-ebda rekwiżit li jridu jintużaw formoli speċjali biex titressaq kawża. Hemm formola tar-rikors għal taħrika għal kawżi ċivili li tista’ tintuża irrispettivament mill-ammont involut fit-tilwima inkwistjoni. Il-formola hija disponibbli fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali Żvediżi (Domstolsverket) bl-Iżvediż.
Rikors għal taħrika jrid ikun fih informazzjoni dwar il-partijiet, dikjarazzjoni tat-talba, il-bażi għat-talba, informazzjoni dwar il-provi li wieħed qiegħed jibbaża fuqhom u x’se jintwera b’kull prova, u informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li jagħmlu l-qorti kompetenti biex tisma’ l-kawża.
Il-provi bil-miktub li wieħed jibbaża fuqhom għandhom jiġu ppreżentati flimkien mar-rikors.
Jekk rikors ma jkunx sħiħ, il-qorti jeħtiġilha titlob informazzjoni addizzjonali. Jekk tali informazzjoni addizzjonali ma tiġix ippreżentata, ir-rikors jiġi miċħud.
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
Ir-rikorrenti jeħtiġilhom iħallsu tariffa tar-rikors għar-rikorsi fil-kawżi ċivili. It-tariffa titħallas lill-qorti distrettwali (tingsrätt) meta jiġi ppreżentat ir-rikors. It-tariffa tar-rikors bħalissa tvarja minn SEK 900 sa SEK 2 800, skont it-tip tal-kawża. Jekk ma titħallasx it-tariffa tar-rikors, il-qorti tibgħat lir-rikorrent digriet biex jissodisfa l-obbligu tal-ħlas. Jekk il-ħlas ma jsirx minkejja dan, ir-rikors jiġi miċħud.
Il-mistoqsijiet dwar il-ħlas tal-ispejjeż tal-avukati huma kwistjoni li għandha tiġi solvuta bejn il-klijent u l-avukat. Din hija n-norma kemm f’termini ta’ talbiet għal ħlas bil-quddiem kif ukoll f’termini ta’ fatturi sussegwenti għax-xogħol li jkun sar. Hemm regoli speċjali għal każijiet fejn tingħata l-għajnuna legali.
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
L-informazzjoni tista’ tinstab hawnhekk.
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
Fl-Iżvezja, kawża titqies li tkun tressqet fid-data meta r-rikors għal taħrika jasal il-qorti. Rikors għal taħrika jitqies li jkun wasal il-qorti fid-data meta d-dokumenti jew in-notifika ta’ oġġett postali mħallas li jkun fih id-dokumenti jasal il-qorti jew jasal għand uffiċjal awtorizzat kif xieraq.
Jekk jista’ jiġi preżunt li d-dokumenti, jew in-notifika tagħhom, ingħataw fir-reġistru tal-qorti jew ġew isseparati għall-qorti fl-uffiċju postali f’ċerta data, jitqiesu li waslu f’dik id-data jekk ikunu waslu għand uffiċjal awtorizzat kif xieraq fil-jum tax-xogħol li jmiss.
Ma tinħareġ l-ebda konferma awtomatika li l-kawża titqies li tressqet kif suppost. Madankollu, informazzjoni dwar dan tista’ tinkiseb permezz ta’ kuntatt mal-qorti, pereżempju bit-telefown.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja tal-Iżvezja (rättegångsbalken), il-qorti għandha tipprepara skeda biex tisma’ l-kawża malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, jista’ jkun hemm kawżi li ma hemmx għalfejn tiġi ppreparata skeda għalihom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma jkunx hemm wisq bażi għat-tħejjija ta’ skeda qabel ma tkun waslet dikjarazzjoni ta’ difiża.
Dejjem huwa possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar kif tkun qiegħda tiġi pproċessata l-kawża permezz ta’ kuntatt mal-qorti, pereżempju bit-telefown.