1 X'inhu n-NĠE-ċivili?
L-Unjoni Ewropea għandha varjetà wiesgħa ta' ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, u din id-diversità, flimkien ma' leġiżlazzjoni ġdida tal-Unjoni, wasslet għall-bżonn li tingħata għajnuna u informazzjoni permezz ta' network speċifiku lill-awtoritajiet li jkunu qed jittrattaw każijiet transfruntieri. Dawn il-każijiet jistgħu jkopru tilwim ta' negozju, tal-konsumaturi jew tal-impjiegi, jew kwistjonijiet ta' divorzju, kustodja tat-tfal jew is-suċċessjoni. In-Network jiġbor fi ħdanu l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-assistenza għall-qrati lokali, u twaqqaf biex jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja u legali bejn l-Istati Membri. In-NĠE-ċivili twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 u beda jopera fl-1 ta' Diċembru 2002. Il-bażi legali ġiet immodifikata darba, fl-2009 (il-verżjoni konsolidata tinsab hawnhekk). Fin-NĠE-ċivili jipparteċipaw l-Istati Membri kollha ħlief id-Danimarka.
Agħti daqqa t’għajn lejn l-infografika tan-NĠE!
2 L-għanijiet tan-NĠE-ċivili
Sa mill-bidu tiegħu, in-NĠE-ċivili kien strument importanti biex jipprovdi appoġġ fl-implimentazzjoni ta’ strumenti tal-ġustizzja ċivili tal-UE fil-prattika ġuridika ta' kuljum. In-NĠE-ċivili jiffaċilita u joffri sostenn lir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali permezz ta' punti ta' kuntatt f'kull Stat Membru, u b'hekk jgħin biex il-każijiet transfruntieri jiġu ffaċilitati. Din il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għandha l-għan li tagħti għajnuna lil nies involuti f'kawżi ġudizzjarji ċivili u kummerċjali transfruntieri.
3 Min huma l-membri tan-NĠE-ċivili?
Hemm iktar minn 500 membru tan-Network, li jaqgħu taħt il-ħames kategoriji msemmija hawn taħt. Kull Stat Membru għandu minn tal-anqas punt ta' kuntatt wieħed.
In-Network hu magħmul minn
- punti ta’ kuntatt innominati mill-Istati Membri;
- korpi u awtoritajiet ċentrali speċifikati fid-dritt tal-Unjoni, fi strumenti internazzjonali li l-Istati Membri huma partijiet fihom, jew fid-dritt domestiku li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali;
- maġistrati ta' kollegament b'responsabilitajiet għal kooperazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali;
- awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi oħrajn responsabbli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-oqsma ċivili u kummerċjali li l-Istat Membru jkun iqis li s-sħubija tagħhom tkun utli;
- assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja li huma direttament involuti fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-istrumenti internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri
Agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.