Jien vittma ta’ reat. Lil min għandi nikkuntattja għall-appoġġ u l-assistenza?
F’konformità mal-Artikolu 66b(3) StPO (Strafprozessordnung, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), il-Ministru Federali għall-Ġustizzja daħal f’kuntratti ma’ organizzazzjonijiet xierqa u stabbiliti li jipprovdu assistenza lill-persuni msemmija fit-Taqsima 66b(1) tal-kodiċi wara li jivverifika li l-kundizzjonijiet statutorji ġew issodisfati. Id-dettalji ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jinstabu billi tikklikkja fuq il-ħolqa li ġejja, fejn ġew issortjati skont il-provinċja (Bundesland): organizzazzjonijiet għall-appoġġ tal-vittmi
il-hotline għall-appoġġ tal-vittmi
L-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali (Sozialministeriumservice): 0043 158831 u l-hotline ġenerali tal-vittmi: 0800 112 112 (kif ukoll linja għall-għajnuna Ewropea għall-vittmi: 116 006)
L-appoġġ lill-vittmi huwa mingħajr ħlas?
Iva.
X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mis-servizzi jew mill-awtoritajiet tal-Istat?
Il-vittmi ta’ reat jirċievu kumpens finanzjarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Kumpens lill-Vittmi (Verbrechensopfergesetz (VOG)), il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) 288/1972.
Skont il-VOG, il-proċedura hija l-istess għall-applikanti kollha (ċittadini Awstrijaċi u barranin). Din hi proċedura amministrattiva li matulha l-awtorità trid tistabbilixxi l-fatti rilevanti u tasal għal deċiżjoni dwar l-assistenza li tintalab. Ir-rikorrent huwa meħtieġ jikkoopera mal-proċedura u jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa (inkluż biex jiġu stabbiliti d-danni).
Ir-rikorsi skont il-VOG iridu jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju Federali tal-Protezzjoni Soċjali, li jiddeċiedi dwarhom ukoll.
X’tipi ta’ appoġġ nista’ nirċievi mingħand organizzazzjonijiet mhux governattivi?
Dawn li ġejjin huma intitolati għal assistenza psikosoċjali u legali:
- vittmi ta’ reat vjolenti, reat sesswali jew theddida perikoluża, jew vittmi li d-dipendenza personali tagħhom setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ dan l-att kriminali deliberat;
- il-konjuġi, is-sieħeb, il-qraba tal-ewwel grad, l-aħwa u dipendenti oħra ta’ persuna li tmut minħabba reat, kif ukoll qraba oħra li kienu xhieda tal-mewt ta’ qarib;
- vittmi ta’ reati terroristiċi;
- vittmi ta’ reat tipiku ta’ “mibegħda online”. Dan jinkludi stalking, fastidju kontinwu permezz tat-telekomunikazzjoni jew ta’ sistema tal-IT (“cybermobbing”) u istigazzjoni. Jinkludi wkoll reati bħall-malafama, akkużi ta’ reat kriminali li diġà ġew miċħuda bħala bla bażi, insulti u inġurji, meta jkun hemm ċerti raġunijiet biex wieħed jassumi li l-att twettaq permezz tat-telekomunikazzjoni jew bl-użu ta’ sistema tal-IT;
- minorenni li kienu xhieda ta’ atti vjolenti fiċ-ċirku soċjali tagħhom (vjolenza fil-familja, vjolenza kontra t-tfal).
Fuq talba, dawn il-vittmi jridu jingħataw assistenza psikosoċjali u legali, sakemm dan ikun meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet proċedurali tagħhom, b’kunsiderazzjoni kemm jista’ jkun tal-involviment personali tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi nnifishom huma responsabbli biex jivvalutaw jekk it-tali assistenza hijiex “meħtieġa”. Il-vittmi ta’ reat sesswali li jkollhom inqas minn 14-il sena dejjem ikunu intitolati għal assistenza psikosoċjali.
ASSISTENZA PSIKOSOĊJALI
Fil-kuntest tal-assistenza psikosoċjali, il-vittmi jitħejjew għall-istress psikoloġiku tal-proċedimenti, megħjuna fl-indirizzar tal-esperjenzi tagħhom (ansjetajiet, disprament, niket jew rabja) u jiġu akkumpanjati wkoll waqt is-seduti li jkunu parti mill-investigazzjoni jew mill-proċess.
ASSISTENZA LEGALI
L-iskop tal-għajnuna legali hu li tingħata assistenza lill-vittmi biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali. Dan hu partikolarment utli u meħtieġ jekk ċirkustanzi speċifiċi joħolqu tħassib li d-drittijiet tal-vittmi mhux se jiġu rispettati biżżejjed matul il-proċedimenti. Jekk il-vittma ġarrbet ħsara jew dannu minħabba r-reat, l-avukat jista’ jitlob kumpens (eż. għal uġigħ u tbatija) f’isem il-vittma (jekk il-vittma jkollha l-istatus ta’ rikorrent ċivili).