Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Ir-regoli nazzjonali dwar il-wirt ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri (bħal pereżempju min jiret, x'inhu l-porzjon u s-sehem riżervat, kif għandha tiġi amministrata l-proprjetà, kemm hija wiesgħa r-responsabbiltà tal-werriet għad-dejn, eċċ.).

Informazzjoni ġenerali

Pass ewlieni biex ikunu faċilitati s-suċċessjonijiet transfruntieri kien l-adozzjoni fl-4 ta’ Lulju 2012, ta’ regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea (UE) mfassla biex jagħmluha eħfef għaċ-ċittadini biex jimmaniġġaw l-aspetti legali ta' testment jew suċċessjoni internazzjonali. Dawn ir-regoli l-ġodda japplikaw għas-suċċessjoni ta' dawk li jmutu fis-17 ta’ Awwissu 2015 jew wara.

Ir-Regolament jassigura li s-suċċessjoni transfruntiera tiġi ttrattata b’mod koerenti, skont liġi waħda u minn awtorità waħda. Fil-prinċipju, il-qrati tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadini kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom ikollhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw is-suċċessjoni u hija l-liġi ta' dak l-Istat Membru li japplika. Madankollu, iċ-ċittadini jistgħu jagħżlu li l-liġi li għandha tapplika għas-suċċessjoni tagħhom għandha tkun il-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom. L-applikazzjoni ta' liġi waħda minn awtorità waħda għal suċċessjoni transfruntiera tevita proċedimenti paralleli b'deċiżjonijiet ġudizzjarji possibbilment konfliġġenti. Hija tiżgura li deċiżjonijiet mogħtija minn Stat Membru jkunu rikonoxxuti mal-Unjoni kollha mingħajr il-bżonn ta' xi proċedura speċjali.

Ir-Regolament jintroduċi wkoll Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĊES). Dan hu dokument, maħruġ mill-awtorità li tittratta s-suċċessjoni, jista' jintuża mill-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji u l-amministraturi tal-patrimonju biex ikun ta' prova għall-istatus tagħhom u biex jeżerċitaw id-drittijiet jew is-setgħat tagħhom fi Stati Membri oħra. Ladarba jinħareġ, iċ-ĊES ikun rikonoxxut fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura speċjali.

Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat ir- Regolament ta’ Implimentazzjoni li jistabbilixxi l-formoli li jridu jintużaw skont ir-Regolament dwar is-Suċċessjoni:

Il-Portal tal-e-Ġustizzja jippermetti l-possibbiltà li timtela u tinħoloq PDF tal-formula V (Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) online hawnhekk.

Id-Danimarka u l-Irlanda ma jiħdux sehem fir-Regolament. B’riżultat ta’ dan, il-proċeduri tas-suċċessjoni transfruntiera ttrattati mill-awtoritajiet ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri se jkomplu jiġu rregolati mir-regoli nazzjonali tagħhom.

Kwistjonijiet ta’ liġi tat-taxxa fuq il-wirt huma esklużi mill-ambitu tar-Regolament.

F'dan is-sit web issib informazzjoni dwar ir-regoli tas-suċċessjoni l-ġodda tal-UE.

Ikklikkja fuq il-bnadar tal-pajjiż rilevanti f'din il-paġna biex tikkonsulta d-dokumenti informattivi dwar il-liġi tas-suċċessjoni u proċeduri nazzjonali f’kull Stat Membru. Dawn id-dokumenti informattivi tħejjew min-Network Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali (European Justice Network, EJN-civil) f'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (Council of the Notaries of the EU, CNUE).

Is-suċċessjonijiet fl-Ewropa, sit propost mis-CNUE, jista' jgħinek issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar is-suċċessjoni fi 22 Stat Membru.

Jekk trid issib nutar fi Stat Membru, tista' tuża l-għodda tat-tiftix Sib nutar provduta mill-Kummissjoni Ewropea f'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-nutara parteċipanti.

Ir-regoli nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' testmenti jvarjaw konsiderevolment. F'xi Stati Membri, il-persuna li tagħmel testment (it-"testatur") ikun irid jirreġistrah. Fi Stati Membri oħra, hija rakkomandata reġistrazzjoni jew din tikkonċerna biss ċerti tipi ta' testmenti. Fi ftit Stati Membri ma jeżistux reġistri tat-testmenti.

Jekk trid tkun taf kif tirreġistra testment fi Stat Membru jew jekk xi ħadd li ġie nieqes għamiltx testment, tista' tikkonsulta d-dokumenti informattivi li tħejjew mill-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew tar-Reġistri tat-Testmenti (European Network of the Registers of Wills Association, ENRWA) u li huma fi 3-4 lingwi. Dawn id-dokumenti informattivi jispjegaw kif tirreġistra testment f'kull Stat Membru u jagħtu gwida dwar kif tfittex testment f'kull Stat Membru.

Ħoloq relatati

Suċċessjonijiet – notifiki tal-Istati Membri u għodda ta' tfittxija li tgħin fl-identifikazzjoni tal-qorti/qrati/awtorità/awtoritajiet kompetenti

Gwida għaċ-ċittadini: kif ir-regoli tal-UE jissimplifikaw il-wirt internazzjonali

Ir-riżultati tal-proġett “Further developments in the area of interconnection of registers of wills”, li jiffoka fuq il-possibiltajiet biex isiur proċedimenti tas-suċċessjoni transfruntiera b'mod aktar effiċjenti permezz ta' mezzi elettroniċi, immexxi mill-Ministeru tal-Ġustizzja Estonja u li sar bil-kooperazzjoni mal-European Network of Registers of Wills Association, il-Kunsill tan-Nutara tal-Unjoni Ewropea, il-Kamra tan-Nutara tal-Estonja, iċ-Ċentru Estonjan tar-Reġistri u s-Sistemi tal-Informazzjoni, u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea:

L-aħħar aġġornament: 16/01/2023

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.