1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?
F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkostanzi li fihom ġenitur jista’ legalment jieħu wild fi stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, trid issir distinzjoni bejn dawn is-sitwazzjonijiet:
(a) meta l-ġenitur li miegħu jgħix il-wild jkun jixtieq jieħu lill-wild legalment fi stat ieħor, u
(b) meta l-ġenitur li miegħu ma jkunx qed jgħix il-wild, iżda li miegħu l-wild iżomm relazzjoni personali, ikun irid jieħu l-wild fi stat ieħor legalment.
(a) Il-ġenitur li miegħu jgħix il-wild wara d-divorzju jista’, bħala parti mit-tħaris ta’ kuljum tal-wild, jieħu lill-wild fi stat ieħor legalment (eż. vjaġġ ta’ ġurnata), sakemm dan ma jiksirx id-dritt tal-ġenitur l-ieħor li jżomm relazzjoni personali mal-wild, kif previst fl-Artikoli 95 u 119 tal-Att dwar il-Familja (Obiteljski zakon) (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 103/15 u 98/19, 47/20, 49/23 – Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni sud Republike Hrvatske), u 156/2023). Irrispettivament minn jekk il-ġenituri jeżerċitawx kustodja konġunta jew unika, kull wieħed minnhom għandu d-dritt li jieħu deċiżjonijiet ta’ kuljum rigward il-wild indipendentement minn meta l-wild ikun qed joqgħod ma dak il-ġenitur (l-Artikolu 110 tal-Att dwar il-Familja). Jekk, wara d-divorzju, il-ġenituri jeżerċitaw kustodja konġunta (l-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Familja), id-deċiżjonijiet li jkunu sinifikanti għall-wild iridu jittieħdu b’kunsens bejniethom (l-Artikolu 108 tal-Att dwar il-Familja). Peress li l-għan ta’ mawra temporanja fi stat ieħor (eż. vjaġġ ta’ ġurnata) mhuwiex li tinbidel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild, mhuwiex inkluż fil-lista eżawrjenti ta’ drittijiet personali essenzjali tal-wild skont l-Artikolu 100 tal-Att dwar il-Familja, u għalhekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99(2) tal-Att dwar il-Familja għandhom jiġu applikati b’dan il-mod. L-istess japplika meta l-ġenitur li miegħu jgħix il-wild wara d-divorzju jeżerċita kustodja unika parzjali (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Familja). Madankollu, jekk il-ġenitur li miegħu jgħix il-wild wara d-divorzju jeżerċita kustodja unika sħiħa abbażi ta’ digriet tal-qorti, dak il-ġenitur ma jkun jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex jieħu l-wild fi stat ieħor temporanjament (l-Artikolu 105(5) tal-Att dwar il-Familja).
(b) Jekk il-ġenitur li miegħu ma jkunx jgħix il-wild wara d-divorzju, iżda li miegħu l-wild iżomm relazzjoni personali, jiddeċiedi li jieħu l-wild legalment fi stat ieħor, dak il-ġenitur jista’ jagħmel dan sakemm ikun sejjer fl-istat l-ieħor temporanjament (eż. vjaġġ ta’ ġurnata) waqt iż-żmien li fih il-ġenitur ikun qed jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-wild (l-Artikolu 121 tal-Att dwar il-Familja), u sakemm dan id-dritt ma jkunx ġie pprojbit jew illimitat b’digriet tal-qorti (l-Artikoli 123–126 tal-Att dwar il-Familja). Irrispettivament minn jekk il-ġenituri jeżerċitawx kustodja konġunta jew unika, kull wieħed minnhom għandu d-dritt li jieħu deċiżjonijiet ta’ kuljum rigward il-wild indipendentement minn meta l-wild ikun qed joqgħod ma dak il-ġenitur (l-Artikolu 110 tal-Att dwar il-Familja). Jekk, wara d-divorzju, il-ġenituri jeżerċitaw kustodja konġunta (l-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Familja), id-deċiżjonijiet li jkunu sinifikanti għall-wild iridu jittieħdu b’kunsens bejniethom (l-Artikolu 108 tal-Att dwar il-Familja). Peress li l-għan ta’ mawra temporanja fi stat ieħor (eż. vjaġġ ta’ ġurnata) waqt iż-żmien li fih il-ġenitur ikun qed jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-wild mhuwiex li tinbidel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild, mhijiex inkluża fil-lista eżawrjenti ta’ drittijiet personali essenzjali tal-wild skont l-Artikolu 100 tal-Att dwar il-Familja, u għalhekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99(2) tal-Att dwar il-Familja għandhom jiġu applikati b’dan il-mod. L-istess japplika meta l-ġenitur li miegħu jgħix il-wild wara d-divorzju jeżerċita kustodja unika parzjali (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Familja), peress li l-ġenitur li jżomm relazzjoni personali diretta mal-wild għandu d-dritt li jirrappreżenta lill-wild fil-kwistjonijiet ta’ kuljum sakemm il-wild idum miegħu (f’konformità mal-Artikoli 110 u 112 flimkien mal-Artikolu 105(1) tal-Att dwar il-Familja).
F’dawn is-sitwazzjonijiet, trid tiġi enfasizzata l-importanza tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 111 tal-Att dwar il-Familja, peress li ż-żewġ ġenituri, irrispettivament minn jekk jeżerċitawx kustodja konġunta jew unika, huma obbligati li jiskambjaw informazzjoni dwar il-wild, li tinkludi informazzjoni dwar safar mal-wild. Dan mhux biss huwa obbligu legali għall-ġenituri, iżda huwa meħtieġ li l-wild, jew il-ġenitur li jakkumpanjah, irid ikollhom fuqhom dokumenti personali u dokumenti oħrajn biex jaqsmu l-fruntiera ta’ stat.
Jekk ġenitur jaħseb li l-ġenitur l-ieħor jista’ jieħu vantaġġ milli jsiefer temporanjament mal-wild, dak il-ġenitur jista’ jitlob, fi proċedimenti mhux kontenzjużi, li l-qorti timponi waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 418 tal-Att dwar il-Familja, sabiex jiġi żgurat li jiġi eżegwit id-digriet dwar iż-żamma ta’ relazzjoni personali bejn il-ġenitur u l-wild, jew li l-qorti timponi waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 419 tal-Att dwar il-Familja, sabiex jiġi żgurat ir-ritorn sikur tal-wild.
L-aktar soluzzjoni mixtieqa hija li l-ġenituri jilħqu ftehim dwar kwistjonijiet bħal dawn, u mbagħad jistgħu jirregolawhom fi pjan ta’ kustodja konġunta (l-Artikolu 106(3) tal-Att dwar il-Familja).
2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?
Kwalunkwe tneħħija (permanenti) tal-wild lejn stat ieħor bl-għan li tinbidel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild tirrikjedi l-kunsens taż-żewġ ġenituri. Irrispettivament minn jekk il-ġenituri jeżerċitawx kustodja konġunta jew jekk wieħed minnhom jeżerċitax kustodja unika parzjali, il-ġenitur li jkun jixtieq jibdel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild billi jieħdu fi stat ieħor irid jikseb il-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor (l-Artikolu 100 u 108 tal-Att dwar il-Familja). Madankollu, jekk wieħed mill-ġenituri jeżerċita kustodja unika sħiħa, hemm il-possibbiltà li dak il-ġenitur ma jkunx jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biex jieħu l-wild fi stat ieħor bl-għan li jibdel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild (l-Artikolu 105(5) tal-Att dwar il-Familja).
3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?
Jekk il-ġenitur li jkun jixtieq jibdel ir-residenza permanenti jew temporanja tal-wild billi jieħdu fi stat ieħor ma jkunx jista’ jikseb il-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor, il-qorti tiddetermina, fi proċedimenti mhux kontenzjużi, liema mill-ġenituri għandu jirrappreżenta lill-wild f’din il-kwistjoni bl-għan li jiġu mħarsa l-aħjar interessi tal-wild (l-Artikoli 100(5) u 478(1) tal-Att dwar il-Familja). Qabel ma jinbdew dawn il-proċedimenti mhux kontenzjużi, iridu jsiru proċeduri obbligatorji ta’ konsulenza barra mill-qorti, li fihom tim ta’ esperti minn ċentru tal-assistenza soċjali jipprova jgħin lill-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni (l-Artikolu 481 tal-Att dwar il-Familja – proċeduri obbligatorji ta’ konsulenza barra mill-qorti bħala rekwiżit proċedurali biex jinbdew il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 100(5) tal-Att dwar il-Familja). Jekk waqt il-proċeduri obbligatorji ta’ konsulenza l-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim, il-kwistjoni tiġi deċiża minn qorti fi proċedimenti mhux kontenzjużi, waqt li jitqiesu b’mod partikolari l-età u l-opinjoni tal-wild; id-dritt tal-wild li jżomm relazzjoni personali mal-ġenitur l-ieħor; kemm il-ġenituri jridu u huma lesti li jikkooperaw fl-eżerċizzju tal-kustodja; iċ-ċirkostanzi personali tal-ġenituri; id-distanza bejn il-postijiet tar-residenza permanenti jew temporanja tal-ġenituri u l-post fejn il-wild ikun suppost se jmur joqgħod, u l-konnessjonijiet tat-trasport bejn dawk il-postijiet; u d-drittijiet tal-ġenituri għal-libertà tal-moviment (l-Artikolu 484 tal-Att dwar il-Familja).
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li jekk wieħed mill-ġenituri jeżerċita kustodja unika sħiħa, dak il-ġenitur ma jkunx jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex jieħu l-wild fi stat ieħor bl-għan li jibdel il-post tar-residenza permanenti jew temporanja tal-wild, jiġifieri f’dak il-każ, l-oġġezzjoni tal-ġenitur l-ieħor ma jkollha l-ebda konsegwenza legali (l-Artikolu 105(5) tal-Att dwar il-Familja).
4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.
Kif intqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet 1–3, l-Att dwar il-Familja jirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri b’mod differenti, skont jekk il-wild ikunx qed jittieħed fi stat ieħor temporanjament (eż. vjaġġ ta’ ġurnata li ma jiksirx id-drittijiet tal-ġenitur l-ieħor) jew jekk il-wild ikunx qed jittieħed fi stat ieħor b’mod permanenti, bl-għan li jinbidel il-post tar-residenza permanenti jew temporanja tal-wild.