Skip to main content

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Flag of France
Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Fi Franza, hemm regoli speċjali li jidderogaw mil-liġi ordinarja dwar is-suċċessjoni kemm fir-rigward tal-ordni tas-suċċessjoni (dévolution successorale) (1) kif ukoll tal-qsim tal-patrimonju (partage successoral) (2).

1. Regoli speċjali dwar l-ordni tas-suċċessjoni

L-ordni tas-suċċessjoni hija mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġu speċifikati l-persuni li se jirtu l-patrimonju tal-persuna deċeduta.

Regoli speċjali dwar l-ordni tas-suċċessjoni ġew stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Franċiża u l-ġurisprudenza biex iqisu n-natura speċifika ta’ ċerti assi. Dawn japplikaw għall-assi li ġejjin:

Rikordji tal-familja

Ir-regoli speċjali relatati mar-rikordji tal-familja (souvenirs de famille) ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza.

Ir-rikordji tal-familja huma oġġetti tal-familja li l-valur tagħhom huwa prinċipalment personali u soġġettiv, pereżempju, ittri lill-familja, pitturi ta’ persuni, għamara li fiha l-istemma araldika tal-familja, eċċ. Dawn l-assi “jagħtu xhieda tal-istorja tal-familja” u għalhekk jikkostitwixxu “legat emozzjonali aktar milli pekunjarju, li t-tifsira tiegħu għall-familja jirrikjedi li r-regoli applikabbli għat-trasferiment tagħhom ikunu mfassla b’mod speċifiku, b’mod partikolari, biex jiġi evitat li jinxterdu b’mod li jċaħħadhom mill-element familjali li huwa ċentrali għall-valur tagħhom.” (Grimaldi, M., Droit patrimonial de la famille, Dalloz Action, is-7 edizzjoni 2021/2022, Nru 235.221).

Skont il-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, l-ewwel Diviżjoni Ċivili, il-21 ta’ Frar 1978, appell Nru 76-10.561, ippubblikata fil-Bulettin), ir-regoli dwar l-ordni tas-suċċessjoni u l-qsim stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili (Code Civil) ma japplikawx għal dawn l-assi. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ ftehim aħjar bejn il-membri tal-familja jew dispożizzjoni testamentarja (disposition testamentaire) bil-kontra, dawn l-assi jistgħu jiġu fdati, permezz ta’ depożitu, lill-membru tal-familja li l-qrati jqisu li hu l-aktar ikkwalifikat biex iżommhom. Minflok ma jiġu ttrasferiti lil membru partikolari tal-familja, għalhekk, ir-rikordji tal-familja jiġu fdati f’idejn membru tal-familja li jeħtieġlu jżommhom għad-dispożizzjoni tal-membri l-oħrajn.

Irqajja’ f’ċimiterju

Roqgħa f’ċimiterju hija post f’ċimiterju (kamra tad-dfin jew qabar). L-irqajja’ f’ċimiterju għandhom skop tal-familja partikolarment sinifikanti li, skont il-ġurisprudenza Franċiża, jiġġustifika deroga mil-liġi ordinarja dwar is-suċċessjoni.

Għalhekk, b’deroga mill-Artikolu 815 tal-Kodiċi Ċivili, l-irqajja’ f’ċimiterju qatt ma jistgħu jkunu soġġetti għal qsim: dawn jiġu ttrasferiti lill-werrieta, li jibqgħu fi stat ta’ koproprjetà indiviża permanenti (indivision perpétuelle). Fil-kapaċità tagħhom bħala koproprjetarji, il-werrieta għandhom id-dritt li jindifnu fir-roqgħa, li jkollhom il-membri tal-familja tagħhom midfuna hemm u li jopponu għad-dfin ta’ persuni li ma humiex membri tal-familja tal-persuna li xtrat ir-roqgħa (concessionnaire).

Proprjetà letterarja u artistika

L-Artikolu L. 111-1 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali (code de la propriété intellectuelle) jistabbilixxi li d-drittijiet tal-awtur (droit d’auteur) jinkludi karatteristiċi intellettwali u morali (eż.: id-dritt li jiġi ddivulgat xogħol, id-dritt li wieħed ipoġġi ismu fuq biċċa xogħol, id-dritt għal rispett għal xogħol, eċċ.) kif ukoll karatteristiċi pekunjarji (eż.: id-dritt li wieħed jirċievi kumpens għad-divulgazzjoni ta’ xogħol).

Il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali fiha diversi regoli speċifiċi li jidderogaw mir-regoli normali dwar l-ordni tas-suċċessjoni sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-awtur.

Pereżempju, fir-rigward tal-karatteristiċi pekunjarji, l-Artikolu L.123-6 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jiddisponi li l-konjuġi superstitu għandu użufrutt speċjali fuq kwalunkwe dritt ta’ użu (usufruit spécial sur le droit d’exploitation) li l-awtur ma użax. Il-ġuristi jqisu li dan l-użufrutt speċjali “huwa spjegat mill-fatt li l-konjuġi superstitu huwa preżunt, permezz tal-appoġġ tiegħu, li rawwem ambjent li wassal għall-ħolqien ta’ xogħlijiet intellettwali u li, għalhekk, huwa leċitu li jiġi kkumpensat billi jingħata dritt li jibbenefika mill-prodott ta’ dak il-ħolqien. ” (Grimaldi, M., Droit patrimonial de la famille, Dalloz Action, is-7 edizzjoni 2021/2022, Nru 235.201).

Fir-rigward tal-karatteristiċi intellettwali u morali, l-Artikolu L. 121-2 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jipprevedi li, wara l-mewt tal-awtur, “id-dritt ta’ divulgazzjoni tax-xogħlijiet wara l-mewt tal-awtur għandu jiġi eżerċitat mill-eżekutur(i) (exécuteurs testamentaires) maħtur(a) mill-awtur matul ħajtu. Fin-nuqqas ta’ eżekuturi, jew wara mewthom, u sakemm l-awtur ma jkunx stipula mod ieħor, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat fl-ordni li ġejja: mid-dixxendenti, minn konjuġi li kontrih ma hemm l-ebda sentenza finali ta’ separazzjoni ġudizzjarja (jugement passé en force de chose jugée de séparation de corps) u li ma reġax iżżewweġ, minn werrieta għajr id-dixxendenti li se jakkwistaw il-patrimonju kollu jew parti minnu b’wirt, u mil-legatarji universali (légataires universels) jew mid-donatarji (donataires) tat-totalità tal-patrimonju futur. ”. L-ordni tal-persuni msemmija f’dan l-artikolu għalhekk hija differenti minn dik prevista fl-Artikolu 734 tal-Kodiċi Ċivili għad-determinazzjoni tal-ordni li fiha l-werrieta tal-persuna deċeduta jirtu l-patrimonju.

Kirjiet ta’ raba’ 

Kirja ta’ raba’ (bail rural) hija kuntratt għall-kiri ta’ art jew binjiet agrikoli minn sid jew sid il-kera (bailleur), lil inkwilin jew kerrej (exploitant), bil-ħlas ta’ qbiela. Dan jippermetti li l-art jew il-binjiet isiru disponibbli għal attività agrikola.

L-Artikolu L. 411-34 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu (code rural et de la pêche maritime) jipprevedi, bħala prinċipju, li kirja ta’ raba’ tibqa’ għall-benefiċċju tal-konjuġi tal-persuna deċeduta, sieħeb li miegħu kien daħal fi sħubija ċivili (pacte civil de solidarité), u axxendenti u dixxendenti tal-persuna deċeduta li jipparteċipaw fil-farm jew li pparteċipaw fih matul il-5 snin qabel il-mewt.

Din ir-regola speċifika hija ġġustifikata min-natura speċifika tal-biedja. Din tidderoga mil-liġi ordinarja minħabba li:

  • il-qraba kollaterali (jiġifieri l-aħwa), li huma werrieta tal-persuna deċeduta skont il-liġi ordinarja dwar is-suċċessjoni, ma jistgħux jibbenefikaw mid-dritt għal kiri ta’ raba’;
  • sabiex jibbenefikaw mid-dritt għal kirja ta’ raba’, il-persuni elenkati fl-Artikolu L. 411-34 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu jeħtiġilhom li jkunu pparteċipaw fil-farm qabel il-mewt.

Regoli speċifiċi għall-protezzjoni tad-dar ta’ koppja

Huma stabbiliti regoli speċifiċi biex ma jħallux lill-konjuġi jew sieħeb ċivili milli jiret b’mod konġunt id-dar matrimonjali mal-werrieta l-oħrajn tal-persuna deċeduta. Dawn ir-regoli, li ġew stabbiliti minħabba n-natura familjali tad-dar, huma maħsuba li jippreżervaw l-ambjent ta’ għajxien tal-konjuġi superstitu jew, fir-rigward ta’ kirjiet residenzjali (baux d’habitation), tas-sieħeb ċivili tal-persuna deċeduta.

L-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi l-prinċipju tal-okkupazzjoni konġunta (cotitularité) fir-rigward ta’ kirjiet residenzjali. Għalhekk jipprevedi li “d-dritt lokatizju fuq fond li la huwa ta’ natura professjonali u lanqas kummerċjali, li huwa attwalment użat miż-żewġ konjuġi bħala r-residenza tagħhom, irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom u minkejja kwalunkwe ftehim għall-kuntrarju, anke jekk il-kirja tkun saret qabel iż-żwieġ jew is-sħubija ċivili, jekk is-sħab jitolbuha b’mod konġunt, għandu jitqies li jitgawda miż-żewġ konjuġi jew sħab ċivili. ”

L-aħħar paragrafu ta’ dan l-artikolu jgħid li “f’każ ta’ mewt ta’ wieħed mill-konjuġi jew sħab ċivili, il-konjuġi jew sieħeb ċivili superstitu u l-okkupant konġunt skont il-kirja għandu jkollhom dritt esklużiv għal dik il-kirja, ħlief jekk jirrinunzjawh espressament. ”.

Meta d-dar tkun tappartjeni b’mod konġunt lill-konjuġi jew tappartjeni lill-konjuġi deċedut, l-Artikolu 764 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li konjuġi intitolat li jiret li kien qiegħed attwalment jokkupa d-dar bħala r-residenza ewlenija tiegħu fil-ħin tal-mewt, għandu, sa mewtu, id-dritt ta’ abitazzjoni (droit d’habitation) fuq id-dar u dritt għall-użu tal-għamara (droit d’usage sur le mobilier). B’kuntrast mar-regola applikabbli għall-kirjiet residenzjali, din l-eċċezzjoni tapplika biss għal koppji miżżewġin (u mhux għal dawk fi sħubijiet ċivili).

2. Regoli speċjali dwar il-qsim: allokazzjoni preferenzjali 

Il-qsim tal-patrimonju hija l-istadju finali fis-saldu ta’ suċċessjoni. Dan itemm il-koproprjetà, minħabba li jinvolvi l-allokazzjoni ta’ drittijiet individwali lil kull werriet fuq l-assi li jifformaw il-patrimonju li jrid jinqasam.

Fil-prinċipju, sabiex jinqasam il-patrimonju, iridu jiġu stabbiliti lottijiet daqskemm hemm werrieta intitolati b’mod konġunt għal sehem fih(l-Artikolu 827 tal-Kodiċi Ċivili). Fil-prinċipju, il-lottijiet kollha jkunu ta’ valur indaqs; jekk l-għamla tal-patrimonju tagħmilha impossibbli biex jiġu stabbiliti lottijiet ta’ valur indaqs, id-differenza tiġi kkumpensata billi jsir ħlas biex l-ishma jiġu ndaqs (soulte) (l-Artikolu 826 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-link tinfetaħ f’tieqa ġdida.L-Artikolu 830 tal-Kodiċi Ċivili jispeċifika li fl-istabbiliment u l-kompożizzjoni tal-lottijiet, għandhom isiru sforzi biex tiġi evitata d-diviżjoni ta’ unitajiet ekonomiċi u ġabriet ta’ assi oħrajn li jwasslu għal deprezzament jekk jitfarrku.

Il-werrieta konġunti jistgħu jaqblu dwar kif kull lott għandu jiġi allokat. Fin-nuqqas ta’ ftehim bejniethom, il-lottijiet għandhom jiġu allokati billi jittellgħu bix-xorti.

Madankollu, xi assi jistgħu jiġu esklużi mit-tlugħ bix-xorti u jiġu allokati b’mod preferenzjali lil werriet. Ir-regoli għalhekk jipprevedu li l-konjuġi superstitu jew kwalunkwe werriet konġunt jista’ jitlob l-allokazzjoni preferenzjali (attribution préférentielle) ta’:

  • kwalunkwe impriża agrikola, kummerċjali, industrijali, tas-snajja’ jew professjonali li fiha attwalment jipparteċipa jew kien ipparteċipa (l-Artikolu 831 tal-Kodiċi Ċivili). superfiċesuperfiċesuperfiċeDin l-allokazzjoni preferenzjali tapplika ipso jure għal kwalunkwe farm li ma jaqbiżx il-limiti tal-erja tas-superfiċe stipulati bid-digriet tal-Kunsill tal-Istat, sakemm il-qorti ma tkunx ordnat li dan jibqa’ taħt koproprjetà (l-Artikolu 832 tal-Kodiċi Ċivili). Huwa soġġett għad-deċiżjoni finali tal-qorti li tiġġudika dwar il-merti tal-kawża f’każijiet oħrajn;
  • dritt ta’ proprjetà jew dritt għal kirja fuq fond li attwalment juża bħala r-residenza tiegħu, jekk kien qed jirresjedi hemm fil-ħin tal-mewt, u l-għamara li hemm ġo fih, kif ukoll il-vettura tal-persuna deċeduta jekk għandu bżonnha għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tiegħu (l-Artikolu 831(2)(1) tal-Kodiċi Ċivili). Din l-allokazzjoni preferenzjali tapplika ipso jure (l-Artikolu 831(3) tal-Kodiċi Ċivili);
  • dritt ta’ proprjetà jew dritt għal kirja fuq fond kummerċjali li huwa attwalment użat fl-operat tan-negozju tiegħu, kif ukoll l-oġġetti mobbli meħtieġa għal dak in-negozju (l-Artikolu 831(2)(2) tal-Kodiċi Ċivili). Din l-allokazzjoni preferenzjali hija soġġetta għad-deċiżjoni finali tal-qorti li tiġġudika dwar il-merti tal-kawża;
  • l-oġġetti mobbli kollha meħtieġa għall-użu ta’ proprjetà agrikola (exploitation d’un bien rural) maħduma mill-persuna deċeduta bħala bidwi jew ħaddiem li jitħallas b’sehem mill-ħsad, meta l-kirja tkompli għall-benefiċċju ta’ min jagħmel it-talba jew meta kirja ġdida tingħata lil min jagħmel it-talba (l-Artikolu 831(2)(3) tal-Kodiċi Ċivili). Din l-allokazzjoni preferenzjali hija soġġetta għad-deċiżjoni finali tal-qorti li tiġġudika dwar il-merti tal-kawża.

Fil-każijiet kollha, anke meta l-allokazzjoni preferenzjali tapplika ipso jure, qatt ma tkun awtomatika. Dan ifisser li dejjem trid tintalab mill-konjuġi superstitu jew werriet li jixtieq jibbenefika minnha.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Mir-regoli dwar l-ordni tas-suċċessjoni li jidderogaw mil-liġi ordinarja stabbilita hawn fuq, tnejn biss japplikaw irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni:

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Ma hemm l-ebda proċedura speċjali skont il-liġi nazzjonali li tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet speċjali msemmija hawn fuq.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna