Skip to main content

Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Flag of Germany
Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Restrizzjonijiet speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 30 tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jinsabu fil-liġi Ġermaniża dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola (Anerbenrecht), li taħt ċerti kundizzjonijiet tkun teħtieġ li proprjetà agrikola tkun soġġetta għal regoli speċjali ta’ wirt.

Dawn ir-regoli jinsabu fl-Ordni dwar l-irziezet (Höfeordnung), li hija liġi parzjalment federali applikabbli f’Hamburg, fis-Sassonja t’Isfel, fin-Nordrhein-Westfalen u fi Schleswig-Holstein, u fil-liġijiet dwar il-wirt ta’ proprjetajiet agrikoli ta’ Länder individwali (l-Att dwar l-azjendi agrikoli [Hofgütergesetz] u l-Att dwar il-Wirt ta’ ta’ Proprjetajiet Agrikoli [Anerbengesetz] f’Baden-Württemberg, b’dan tal-aħħar japplika biss jekk id-deċedut ikun twieled qabel l-1 ta’ Jannar 1930, l-Ordni dwar il-proprjetajiet fil-kampanja [Landgüterordnung] f’Hessen, l-Ordni dwar l-irziezet [Höfeordnung] fir-Rheinland-Pfalz, u l-Att dwar l-Irziezet [Höfegesetz] fi Bremen u l-Ordni dwar l-irziezet [Höfeordnung] fi Brandenburg). Ma hemm l-ebda regola bħal din fil-Länder l-oħrajn. L-Artikolu 36(2)(c) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE jintuża sabiex jiddetermina liema liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola għandha tapplika. Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-wirt tal-patrimonju individwali fil-Kodiċi Ċivili japplikaw ukoll (l-Artikoli 1515(2), 2049, 2312), bħalma japplika wkoll l-Artikolu 13 tal-Att dwar it-Tranżazzjonijiet ta’ Beni Immobbli (Grundstücksverkehrsgesetz), li jippermetti li razzett jiġi allokat lil kowerriet legali wieħed biss.

L-Ordni dwar l-irziezet fiha regoli speċjali dwar il-wirt għal ċerti azjendi agrikoli sabiex jiġi evitat li rziezet u operazzjonijiet tal-forestrija jinqasmu f’każ ta’ suċċessjoni. Id-dispożizzjonijiet fl-Ordni dwar l-irziezet jipprevedu li razzett jista’ jintiret minn persuna waħda biss (il-werriet tar-razzett) u b’hekk jiggarantixxu l-preservazzjoni interġenerazzjonali ta’ rziezet ekonomikament vijabbli. Dawn ir-regoli mhux biss jaqdu l-interessi privati ta’ sidien ta’ rziezet individwali, iżda wkoll l-interess pubbliku biex irziezet ma jispiċċawx jinqasmu filwaqt li jinżammu effiċjenti.

Il-kowerrieta l-oħra jistgħu jitolbu kumpens, għalkemm l-ammont li jista’ jintalab huwa aktar baxx minn dak f’tilwim ieħor dwar il-wirt sabiex l-irziezet jiġu protetti minn talbiet għal soluzzjoni u kumpens eċċessivi li jheddu s-sopravivenza tagħhom.

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Meta wieħed jikkunsidra l-għan regolatorju tal-liġi dwar il-wirt ta’ proprjetà agrikola, li huwa li jiżgura l-preservazzjoni tal-irziezet minn ġenerazzjoni għal oħra, ir-regoli speċjali msemmija aktar ’il fuq għandhom jiġu applikati għall-proprjetà agrikola domestika, ikunu liema jkunu l-liġijiet li japplikaw għas-suċċessjoni tal-mejjet.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Skont ir-Regoli tal-Proċedura għal kwistjonijiet agrikoli (Verfahrensordnung für Höfesachen), il-liġi Ġermaniża tippermetti lill-Qorti Agrikola (Landwirtschaftsgericht) twettaq ċerti proċeduri ta’ verifika, eż. biex tiddetermina jekk dispożizzjonijiet testamentarji jew ftehimiet ta’ trasferiment ta’ rziezet jiksrux il-liġi dwar is-suċċessjoni ta’ proprjetà agrikola.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna