Introduzzjoni
Ir-regoli dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti huma stabbiliti fil-liġi konsolidata dwar l-ispejjeż legali (Testo Unico delle disposizioni legislative e regolamentari in materia di spese di giustizia - TUSG) li tinsab fid-Digriet Presidenzjali Nru 115 tat-30 ta’ Mejju 2002.
X'inhuma t-tariffi applikabbli?
Fl-azzjonijiet ċivili, kull parti tkopri l-ispejjeż tad-dokumenti tagħha u tad-dokumenti meħtieġa għall-azzjoni jekk il-liġi jew il-qorti teżiġi li dik il-parti tħallashom (l-Artikolu 8 tal-Liġi Konsolidata dwar l-ispejjeż legali, Digriet Presidenzjali Nru 115/2002).
It-tariffi fl-azzjonijiet ċivili huma kif ġej:
- it-tariffa standard biex tiftaħ kawża (l-Artikoli 9 et seq. tat-TUSG);
- il-“ħlas bil-quddiem b’rata fissa minn individwi privati lill-Istat” biex ikopri l-ispejjeż tas-servizz fuq talba tal-qorti (l-Artikolu 30 tat-TUSG);
- “tariffi għas-servizz” fuq talba tal-partijiet (l-Artikoli 32 et seq. tat-TUSG);
- “tariffi għal kopji u ċertifikati” (l-Artikolu 40 tat-TUSG);
- tariffa ta’ reġistrazzjoni għal dokumenti soġġetti għal reġistrazzjoni (Digriet Presidenzjali Nru 131 tas-26 ta’ April 1986).
Kemm għandi nħallas?
It-tariffi standard huma stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(a) sa (g) fuq il-bażi tal-valur tal-azzjoni (jiġifieri l-valur tat-talba, anki jekk ma jkunx iddeterminat); l-ammont jitnaqqas bin-nofs għall-proċedimenti speċjali previsti fil-Ktieb IV, it-Titolu I tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, inklużi proċedimenti biex tiġi opposta ordni ta’ ħlas jew biex tiġi kkontestata sentenza li tiddikjara falliment, u għal tilwim individwali dwar ir-relazzjoni tax-xogħol jew tas-servizz ċivili (ħlief għal dawk soġġetti għal eżenzjoni sħiħa).
Eżenzjonijiet speċifiċi huma previsti fil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 10 tat-TUSG: b’mod partikolari, hemm eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffa standard għall-eżekuzzjoni, l-appell u l-proċedimenti provviżorji li jikkonċernaw l-allowances għall-manteniment tat-tfal, u kwalunkwe proċediment relatat ma’ dak il-wild.
Il-ħlas bil-quddiem b’rata fissa minn individwi privati lill-Istat fi proċedimenti ċivili (l-Artikolu 30 tat-TUSG) jikkonsisti f’tariffa fissa (EUR 27,00) meħtieġa mill-Artikolu 30 tat-TUSG, li titħallas mill-“parti li tibda l-proċedimenti, tippreżenta r-rikors, jew li, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għall-esproprjazzjoni, titlob l-allokazzjoni jew il-bejgħ ta’ proprjetà maqbuda”.
It-tariffi għan-notifika fuq talba tal-partijiet (l-Artikoli 32 et seq. tat-TUSG) jikkonsistu fi drittijiet tal-ivvjaġġar u allowances pagabbli mill-partijiet lill-uffiċjal ġudizzjarju responsabbli għan-notifika ta’ dokument; l-ammont tat-tariffa unika huwa stabbilit fl-Artikolu 34 tat-TUSG, filwaqt li l-ammont għall-indennizz tal-ivvjaġġar huwa stabbilit fl-Artikolu 35 tat-TUSG.
It-tariffi għall-kopji u ċ-ċertifikati huma stabbiliti fl-Artikoli 266 et seq. tat-TUSG; għandhom jitħallsu għall-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti jew atti fil-proċess tal-kawża, jew għall-ħruġ taċ-ċertifikati mitluba mir-reġistru tal-qorti; it-tariffi għall-kopji stampati jkunu mill-inqas 50 % ogħla minn dawk għall-kopji elettroniċi; fi kwalunkwe każ, ma tiġi imposta l-ebda tariffa għal kopji li ma jeħtiġux ċertifikazzjoni ta’ “kopja vera” (certificazione di conformità) meta l-kopja tiġi estratta minn fajls elettroniċi minn persuni awtorizzati li jaċċessawhom; it-tariffi pagabbli għall-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti u atti mill-proċess tal-kawża mingħajr ċertifikazzjoni ta’ “kopja vera” huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness 6 tat-TUSG; it-tariffi pagabbli għall-ħruġ ta’ kopji awtentiċi ta’ dokumenti huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness 7 tat-TUSG; it-tariffi pagabbli għall-ħruġ ta’ kopji mhux stampati ta’ dokumenti huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness 8 tat-TUSG; it-tariffa tiġi ttriplikata għal kopji stampati li għandhom jinħarġu fi żmien jumejn, b’ċertifikazzjoni ta’ “kopja vera” jew mingħajrha (l-Artikolu 270 tat-TUSG).
Għandu jitħallas dazju ta’ reġistrazzjoni fuq id-dokumenti u l-ordnijiet ġudizzjarji speċifikament imsemmija fl-Artikolu 37 tad-Digriet Presidenzjali Nru 131/1986 (Liġi kkonsolidata tad-dispożizzjonijiet dwar id-dazju ta’ reġistrazzjoni), li jinkludu “atti tal-awtorità ġudizzjarja f’tilwim ċivili li jiddefinixxu (anke parzjalment) il-proċedimenti” u “ordnijiet ta’ ħlas eżegwibbli”; id-dazju ta’ reġistrazzjoni jrid jitħallas anki jekk ikun ġie kkontestat jew ikun għadu jista’ jiġi kkontestat fil-mument tar-reġistrazzjoni, soġġett għal aġġustament jew rimborż f’konformità ma’ sentenza finali sussegwenti. It-tariffi li għandhom jitħallsu għad-dokumenti ġudizzjarji soġġetti għar-reġistrazzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Anness dwar it-Tariffi (Tariffa) mehmuż mal-Liġi Konsolidata.
X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin it-tariffi tal-qorti?
Fil-każ ta' nuqqas ta' ħlas, il-qorti jew kumpanija għall-ġbir tad-dejn (ftehim fis-seħħ ma' Equitalia Giustizia SpA) tibgħat notifika ta' ħlas b'istruzzjonijiet dwar l-arranġamenti tal-ħlas tat-tariffa standard (l-Artikolu 248 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002).
F'każ li ma jiġux imħallsa l-ispejjeż tal-kopji u l-ammont previst fl-Artikolu 30 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002, il-qorti tista' tirrifjuta li taċċetta d-dokument (l-Artikolu 285 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002).
Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?
Jekk il-ħlas isir fl-Italja, it-tariffa standard biex titressaq il-kawża quddiem qorti ordinarja jenħtieġ li ssir permezz tal-pjattaforma tal-IT imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Amministrazzjoni Diġitali, stabbilita fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 82 tas-7 ta’ Marzu 2005 (PAGOPA).
Il-ħlas tat-tariffi għall-kopji, iċ-ċertifikati u l-ispejjeż tan-notifiki ex officio fi proċedimenti ċivili jenħtieġ li jsir permezz tal-pjattaforma tal-IT imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Amministrazzjoni Diġitali, stabbilita fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 82 tas-7 ta’ Marzu 2005 (PAGOPA).
Ħlas minn barra l-pajjiż jenħtieġ li jsir permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont ta’ hawn taħt:
Kodiċi BIC: BITAITRRENT
IBAN: IT 04 O 01000 03245 350008332100
X'għandi nagħmel wara l-pagament?
Wara li jkun sar il-ħlas, l-irċevuta rilevanti trid tiġi pprovduta lill-uffiċċju ġudizzjarju bħala prova li l-ħlas ikun sar.