Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti
Għall-iddeterminar ta’ liema qrati huma kompetenti fir-Repubblika Ċeka biex iwettqu Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali legali li jirregolaw il-kompetenza f’materji ċivili li jinsabu fl-Att Nru 99/1963 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili(občanský soudní řád), kif emendat l-aħħar. Il-kompetenza ratione materiae hija rregolata mill-Artikoli minn 9 sa 12 u l-kompetenza territorjali mill-Artikoli minn 84 sa 89a.
B’kunsiderazzjoni meħuda tat-tip ta’ kawżi previsti, il-qrati distrettwali (okresní soudy) normalment ikollhom il-kompetenza ratione materiae u l-kriterju għall-iddeterminat tal-kompetenza territorjali normalment ikun il-post ta’ residenza / uffiċċju rreġistrat tal-intimat.
Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni
Ir-Repubblika Ċeka b’dan tinnotifika li l-mezzi segwenti huma aċċettati bħala mezzi oħra ta’ komunikazzjoni:
(a) applikazzjonijiet ippreżentati f’għamla elettronika ffirmata permezz ta’ mezzi li l-leġiżlazzjoni speċifika tqishom li għandhom l-istess effetti bħal firma bl-idejn, skont l-Att Nru 297/2016 dwar is-servizzi fiduċjarji għat-tranżazzjonijiet elettroniċi;
(b) posta elettronika;
(c) faks.
Fil-każ ta’ (b) u (c), il-formola oriġinali trid tkun ippreżentata mhux aktar tard minn tlett ijiem wara l-preżentazzjoni tar-rikors, inkella l-qorti tinjoraha.
Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika
L-informazzjoni tinsab fl-indirizz: https://www.coi.cz/pro-spotrebitele/evropske-spotrebitelske-centrum/.
Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom
Il-“kaxxa tad-data” (datová schránka) tikkostitwixxi l-mezz ta’ notifika elettronika fir-Repubblika Ċeka. Il-“kaxxa tad-data” hija repożitorju elettroniku ddisinjat mill-awtoritajiet pubbliċi għan-notifika tal-atti (messaġġi ta’ data). Dawn il-modalitajiet huma rregolati mill-Att Nru 300/2008 dwar it-tranżazzjonijiet elettroniċi u l-konverżjoni awtorizzata tad-dokumenti.
L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi
Il-kaxxi tad-data jiġu installati bla ħlas, u mingħajr bżonn ta’ talba għalihom, għall-persuni ġuridiċi rreġistrati fir-reġistru kummerċjali, għall-persuni ġuridiċi stabbiliti bil-liġi, għall-kumpaniji spin-off ta’ persuni ġuridiċi barranin irreġistrati fir-reġistru kummerċjali, għall-avukati, konsulenti tat-taxxa u għall-amministraturi ta’ falliment; mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem dan kien possibbli wkoll għall-persuni fiżiċi involuti f’attività kummerċjali. Dawn l-entitajiet għandhom obbligu li jinstallaw kaxxa tad-data. Għal tipi oħrajn ta’ persuni ġuridiċi u għall-persuni fiżiċi mhux involuti f’attività kummerċjali, il-kaxxa tad-data jiġu installati wara li ssir talba għal hekk. Dawn il-modalitajiet huma rregolati mill-Att Nru 300/2008 dwar it-tranżazzjonijiet elettroniċi u l-konverżjoni awtorizzata tad-dokumenti.
Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas
L-ammont tat-tariffi tal-qorti fi proċedura għal talbiet żgħar huwa rregolat mill-punt 1 tal-lista tat-tariffi annessa mal-Att Nru 549/1991 dwar it-tariffi tal-qorti. Meta l-ammont mitlub ma jaqbiżx l-CZK 20 000, it-tariffa tal-qorti tkun ta’ CZK 1 000. Meta l-ammonti mitluba jkunu akbar, sal-limitu massimu ta’ EUR 5000 stabbilit mir-Regolament, it-tariffa tal-qorti tkun ta’ 5 % tal-ammont mitlub.
It-tariffi tal-qorti jistgħu jitħallsu fil-kont miftuħ fil-Bank Nazzjonali Ċek (Česká národní banka) għall-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione materiae u territorjali biex tisma’ u tiddeċiedi dwar il-kawża fl-ewwel istanza.
Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell
Il-liġi tar-Repubblika Ċeka tipprevedi r-rikors. Dan isir f’għamla ta’ appell irregolat mill-Artikoli 201 sa 226 tal-Att Nru 99/1963 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (občanský soudní řád). L-appelli jridu jiġu ppreżentati lill-qorti li d-deċiżjoni tagħhom tkun qed tiġi kkontestata mhux aktar minn 15-il jum wara li tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni bil-miktub. Dik il-qorti mbagħad tirreferi l-appell lil qorti superjuri li tmexxi l-proċedura tal-appell.
Ma huwa permess l-ebda appell minn deċiżjoni li tordna l-ħlas ta’ somom li ma jaqbżux l-CZK 10 000, skont l-Artikolu 202(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ħlief għal ħlasijiet anċillari. Dan ma japplikax għal sentenzi għar-rikonoxximent u sentenzi mogħtija f’kontumaċja.
Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami
Il-kompetenza tas-smigħ tal-proċedimenti ta’ ritrattazzjoni hija tal-qorti distrettwali (okresní soud) li tkun qatgħet is-sentenza fl-ewwel istanza. Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjonijiet tal-qorti li jiċħdu rikors għal ritrattazzjoni. Dan huwa rregolat mill-Artikoli 201 sa 226 tal-Att Nru 99/1963 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (občanský soudní řád).
Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati
L-unika lingwa aċċettata mir-Repubblika Ċeka hija ċ-Ċek.
L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni
1. Fir-Repubblika Ċeka, l-awtoritajiet li għandhom kompetenza fir-rigward tal-eżekuzzjoni huma l-qrati distrettwali (okresní soudy) u l-uffiċjali ġudizzjarji (soudní exekutoři). Il-persuna intitolata tista’:
(a) tippreżenta rikors għal eżekuzzjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjoni mal-qorti distrettwali li jkollha ġuriżdizzjoni territorjali;
(b) tippreżenta rikors għal ordni ta’ eżekuzzjoni lil kull uffiċjal ġudizzjarju.
Għad-determinazzjoni ta’ liema qorti distrettwali jkollha l-ġuriżdizzjoni territorjali, fil-każ tal-paragrafu (a) japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 84 sa 86 tal-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, filwaqt li fil-każ tal-paragrafu (b) id-dispożizzjoni li tapplika hija l-Artikolu 45 tal-Att Nru 120/2001 dwar l-uffiċjali ġudizzjarji u l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni, kif emendat, (il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni (exekuční řád)). L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni titwettaq f’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u fil-każ tal-uffiċjali ġudizzjarji l-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni japplika wkoll.
2. Ir-Repubblika Ċeka appuntat lill-qrati distrettwali (okresní soudy) bħala l-awtoritajiet b’kompetenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23. Il-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom hija rregolata mill-Artikoli 84 sa 86 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili fil-każ ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja (ara l-paragrafu (a) aktar ’il fuq) u mill-Artikolu 45 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni minn uffiċjal ġudizzjarju (ara l-paragrafu (b) aktar ’il fuq).