Skip to main content

Talbiet Żgħar

Awstrija
Awstrija
Flag of Austria

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Austria
Proċeduri transfruntieri Ewropej - Talbiet żgħar
* input mandatarju

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Fl-Awstrija huma l-qrati distrettwali (Bezirksgerichte) li għandhom ġurisdizzjoni għal smigħ ta’ kawżi fl-ewwel istanza skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2421/2015, li jistabbilixxi l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-ġurisdizzjoni ġeografika hija ddeterminata, sakemm ma tkunx diġà ddeterminata permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, mil-leġiżlazzjoni tal-Awstrija dwar il-ġurisdizzjoni.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

It-talbiet skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 (kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2421/2015) li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jistgħu jkunu ppreżentati fuq karta jew elettronikament permezz tas-sistema elettronika ta’ korrispondenza legali (Elektronischer Rechtsverkehr – “ERV”). L-ERV fil-prinċipju hija disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha. Il-prerekwiżiti tekniċi għal dan huma software speċjali u l-eżistenza ta’ aġenzija trażmettitriċi. Lista aġġornata ta’ aġenziji trażmettituri tinsab hawnhekk:

http://www.edikte.justiz.gv.at/edikte/km/kmhlp05.nsf/all/erv 

Is-sottomissjonijiet u d-dokumenti mehmuża jistgħu jkunu ppreżentati wkoll f’għamla elettronika billi tintuża l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika ID Austria (https://www.oesterreich.gv.at/id-austria.html) permezz tal-formoli online disponibbli fuq is-sit web tal-Ġustizzja tal-Awstrija (https://justizonline.gv.at).

Id-dokumenti ma jistgħux jintbagħtu bil-faks jew bl-email.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Fil-każijiet li fihom l-Awstrija għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, il-partijiet jirċievu assistenza u informazzjoni ġenerali mill-qorti distrettwali xierqa.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Il-qrati jistgħu jużaw is-sistema ERV tal-Awstrija għan-notifika elettronika tal-atti lill-partijiet jew lir-rappreżentanti tagħhom. Din hija għamla ta’ trażmissjoni li ssegwi regoli tekniċi preċiżi, f’ċirku ta’ utenti identifikati. L-ERV fil-prinċipju hija disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, minkejja li teħtieġ softwer speċjali u l-involviment ta’ aġenzija intermedjarja. Lista aġġornata ta’ aġenziji intermedjarji tinsab hawnhekk:

http://www.edikte.justiz.gv.at/edikte/km/kmhlp05.nsf/all/erv .

Jekk in-notifika permezz tal-ERV ma tkunx possibbli, in-notifika elettronika tal-atti tista’ ssir ukoll permezz dipartiment amministrattiv għan-notifika tad-dokumenti f’konformità mal-Parti 3 tal-Att dwar in-Notifika tad-Dokumenti (Zustellgesetz, Artikolu 28 et seq.).

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Il-persuni u l-korpi mitluba jużaw l-ERV tal-Awstrija (iżda mhux sistemi oħra ta’ notifika elettronika) huma: l-avukati (Rechtsanwälte) u persuni oħra awtorizzati li jirrappreżentaw intimat fi proċedimenti kriminali (Verteidiger in Strafsachen); in-nutara (Notare); l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu (l-Artikoli 1(1) u (2) tal-Att dwar il-Banek (Bankwesengesetz – BWG)); l-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1), il-punti 1, 2, 4, 6, 7 u 8 tal-Att dwar is-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni tal-2016 (Versicherungsaufsichtsgesetz – VAG 2016); l-istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali (l-Artikoli minn 23 sa 25 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz – ASVG), l-Artikolu 15 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali tal-Persuni li Jaħdmu għal Rashom (Gewerbliches Sozialversicherungsgesetz – GSVG), l-Artikolu 13 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali tal-Bdiewa (Bauern-Sozialversicherungsgesetz – BSVG), l-Artikolu 9 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni fuq Inċidenti u Saħħa tal-Uffiċjali taċ-Ċivil (Beamten-Kranken- und Unfallversicherungsgesetz – B-KUVG), u l-Artikolu 4 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni tan-Nutara (Notarversicherungsgesetz – NVG, 1972)); l-istituzzjonijiet tal-pensjoni (l-Artikolu 479 ASVG); il-Fond għal-Liv u għall-Kumpensi għas-Sensja tal-Ħaddiema fil-Kostruzzjoni (l-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Liv u l-Kumpensi għas-Sensja tal-Ħaddiema fil-Kostruzzjoni (Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungsgesetz – BUAG)); il-Fond għas-Salarji tal-Ħaddiema fi Spiżeriji (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Fond tas-Salarji tal-2002) (Gehaltskassengesetz)); il-Fond ta’ Kontinġenza f’każ ta’ Insolvenza (l-Artikolu 13 tal-Att dwar id-Dispożizzjoni ta’ Kontinġenza f’każ ta’ Insolvenza (Insolvenz-Entgeltsicherungsgesetz – IESG)) u IEF Service GmbH (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Fond ta’ Kontinġenza f’każ ta’ Insolvenza), (IEF-Service-GmbH-Gesetz – IEFG)); il-Konfederazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Assigurazzjoni Soċjali tal-Awstrija (l-Artikolu 31 ASVG); il-Prosekutur Finanzjarju (Finanzprokuratur) (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Prosekutur Finanzjarju (Finanzprokuraturgesetz – ProkG)); l-assoċjazzjonijiet tal-avukatura (Rechtsanwaltskammern); u l-periti u l-interpreti.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

Il-liġi tal-Awstrija dwar it-tariffi tal-qorti ma għandha l-ebda dispożizzjoni separata dwar it-tariffi tal-qorti għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Għat-talba u l-proċedura sussegwenti fil-prim’istanza, tapplika l-entrata tat-tariffa 1 (TP 1) tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Gerichtsgebührengesetz - GGG); għall-appell u l-proċedura sussegwenti fis-sekond istanza, tapplika l-entrata tat-tariffa 2 (TP 2) tal-istess Att. Dawn huma l-istess tariffi għall-kawżi ċivili domestiċi kollha.

It-tariffi tal-qorti huma kkalkulati fuq il-bażi tal-valur inkwistjoni fl-azzjoni (il-valur tat-talba oriġinali, miżjud bi kwalunkwe ammont li bih tiġi estiża t-talba), jew il-valur inkwistjoni fl-appell, u l-għadd ta’ partijiet. It-tariffi fis-seħħ bħalissa huma disponibbli fis-Sistema Federali ta’ Informazzjoni Legali (https://www.ris.bka.gv.at/Bundesrecht/; daħħal “GGG” taħt “Bundesrecht konsolidiert”, fil-kamp tad-data “Titel, Abkürzung”, u daħħal “32” fil-kamp tad-data “Paragraf von”).

Il-metodi ta’ pagament huma stipulati fl-Artikolu 4 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti, li skontu t-tariffi jistgħu jitħallsu permezz ta’ kard tal-bank b’funzjoni ta’ ATM jew permezz ta’ karta tal-kreditu, permezz ta’ depożitu jew permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti kompetenti, jew permezz ta’ depożitu ta’ flus lill-istess qorti.

It-tariffi kollha jistgħu jitħallsu wkoll permezz ta’ pagament ta’ debitu dirett, jekk il-qorti (jew is-sistema ġudizzjarja inġenerali tal-Awstrija) tkun ġiet awtorizzata li tiġbor it-tariffi tal-qorti minn kont li għandu jiġi nnotifikat mill-parti li trid tħallas it-tariffi u tiddepożitahom f’kont ġudizzjarju u jekk is-sottomissjoni tispeċifika minn tal-anqas id-dettalji tal-kont li minnu jridu jinġibdu t-tariffi u l-ammont massimu li jista’ jiġi addebitat.

Jekk it-talba tiġi sottomessa permezz tas-sistema tal-ERV, it-tariffi jridu jitħallsu permezz ta’ pagament ta’ debitu dirett. F’dan il-każ, ma jistax jiġi speċifikat l-ammont massimu li għandu jiġi addebitat.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

F’kawża magħmula skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 (kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2421/2015) li jistabbilixxi l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, sentenza mogħtija fil-prim’istanza minn qorti distrettwali tista’ tkun appellata (Berufung). L-appell irid isir bil-miktub fil-qorti distrettwali li tkun qatgħet is-sentenza fil-prim’istanza fi żmien erba’ ġimgħat min-notifika tas-sentenza. Irid ikun iffirmat minn avukat (Rechtsanwalt). Il-parti trid tkun rappreżentata wkoll minn avukat fil-proċedimenti tal-appell riżultanti.

Id-deċiżjoni dwar il-kostijiet tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell dwar il-kostijiet (Kostenrekurs) anki jekk is-sentenza nnifisha ma tkunx kontestata. Appell bħal dan irid jitressaq quddiem il-qorti li tkun qatgħet is-sentenza fi żmien 14-il jum min-notifika tas-sentenza.

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Skont il-Kapitolu 548(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Awstrija, il-qorti tal-ewwel istanza b’ġurisdizzjoni għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun kompetenti wkoll għar-ritrattazzjoni stipulata fl-Artikolu 18 tar-Regolament.

Issir ritrattazzjoni biss jekk l-intimat jitlob rikors għaliha espressament. Ir-rikors tal-intimat irid jagħti raġunijiet plawżibbli għal tali ritrattazzjoni. Il-qorti tqis biss is-sottomissjonijiet imressqa mill-intimat. Il-qorti jkollha tikkonċedi seduta orali jekk tqis biss li din tkun meħtieġa.

Jekk, fl-opinjoni tal-qorti, ir-raġunijiet għal ritrattazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ma japplikawx, din tiċħad ir-rikors f’konformità mal-Artikolu 18(3), u f’dak il-każ tibqa’ fis-seħħ is-sentenza oriġinali. Id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata fuq punt tal-liġi (Rekurs). Jekk, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) ikunu japplikaw, jiġifieri, jekk il-qorti tqis li r-raġunijiet huma ġustifikati, din tiddikjara s-sentenza oriġinali nulla u bla effett. Id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata. Il-litigazzjoni terġa’ lura għall-istatus li kellha qabel ma ttieħed il-pass proċedurali ddikjarat null u bla effett. Matul il-proċedura ta’ ritrattazzjoni skont l-Artikolu 18, l-intimat jista’ japplika fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal sospensjoni jew limitazzjoni tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23.

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Minbarra l-lingwa uffiċjali (il-Ġermaniż), kwalunkwe persuna tista’ tuża l-Ungeriż quddiem il-qrati distrettwali (Bezirksgerichten) ta’ Oberpullendorf u Oberwart, is-Sloven quddiem il-qrati distrettwali ta’ Ferlach, Eisenkappel u Bleiburg, u l-Kroat quddiem il-qrati distrettwali ta’ Eisenstadt, Güssing, Mattersburg, Neusiedl am See, Oberpullendorf u Oberwart.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

L-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni u għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23 huma l-qrati distrettwali. Il-ġurisdizzjoni ġeografika hija ddeterminata f’konformità mal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni tal-Awstrija (Exekutionsordnung).

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna