Skip to main content

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Greċja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku fil-Greċja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja
Flag of Greece

Sorsi tal-liġi

  • Leġiżlazzjoni
  • Dritt konswetudinarju
  • Regoli ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali
  • Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
  • Konvenzjonijiet internazzjonali
  • Ġurisprudenza

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

Il-Kostituzzjoni (Sýntagma) (il-liġi fundamentali li fuqha hija bbażata l-leġiżlazzjoni kollha)

Id-dritt formali (typikós nómos) (strument statutorju adottat mill-Parlament u mill-President tar-Repubblika)

Strumenti leġiżlattivi (práxeis nomothetikoú periechoménou) (strumenti statutorji adottati mill-President tar-Repubblika, wara proposta mill-Kunsill tal-Ministri, għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva ta’ każijiet eċċezzjonali ta’ bżonn urġenti u imprevedibbli)

Digriet regolatorju presidenzjali(kanonistikó proedrikó diátagma) (jistabbilixxi r-regoli legali u jinħareġ mill-President tar-Repubblika wara awtorizzazzjoni leġiżlattiva speċjali jew ġenerali)

Atti amministrattivi regolatorji (kanonistikés práxeis tis dioíkisis) (maħruġin minn korpi amministrattivi; regoli legali impersonali bis-saħħa tal-liġi formali)

Trattati li jistabbilixxu l-UE (fuq il-bażi tat-Trattati, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw atti leġiżlattivi li mbagħad jiġu implimentati mill-Istati Membri)

Regolamenti (atti leġiżlattivi vinkolanti, b’implimentazzjoni immedjata u obbligatorja fil-pajjiżi kollha tal-UE).

Direttivi (atti leġiżlattivi li jistabbilixxu objettiv li għandu jinkiseb mill-pajjiżi kollha tal-UE. Madankollu, kull pajjiż huwa meħtieġ jadotta l-liġijiet tiegħu stess biex jilħaq dawn l-objettivi u jittrasponi d-Direttiva fil-liġi nazzjonali).

Konvenzjonijiet internazzjonali (ftehimiet bejn żewġ partijiet jew aktar soġġetti għal ordinament ġuridiku differenti fuq suġġett speċifiku ta’ kooperazzjoni)

Status tal-konswetudni u l-ġurisprudenza

Id-dritt konswetudinarju jinħoloq minn prattika rikorrenti b’mod kostanti minn sens ta’ obbligu legali (opinio juris) fi kwistjonijiet relatati ma’ oqsma fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kostituzzjoni sostantiva. Id-dritt konswetudinarju huwa sors tal-liġi mhux miktub

Il-ġurisprudenza hija l-korp ta’ deċiżjonijiet meħudin minn qorti, li fih tinterpreta u tapplika l-liġijiet permezz ta’ deċiżjoni legali. Il-ġurisprudenza tista’ titqies bħala sors indirett tal-liġi.

Miżuri meħudin mill-awtoritajiet lokali

L-amministrazzjoni ta’ kwistjonijiet lokali hija r-responsabbiltà tal-ewwel u tat-tieni livell tal-gvern lokali. Hemm preżunzjoni ta’ kompetenza favur l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-amministrazzjoni ta’ kwistjonijiet lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom awtonomija amministrattiva u finanzjarja. L-Istat jieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u baġitarji neċessarji sabiex jiżgura l-awtonomija finanzjarja u r-riżorsi meħtieġa għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom u jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, filwaqt li jissalvagwardja t-trasparenza fil-ġestjoni ta’ dawk ir-riżorsi. Liġi tistabbilixxi l-ħlas u l-allokazzjoni lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tat-taxxi u tal-imposti stabbiliti favurihom u miġburin mill-Istat.

Sorsi internazzjonali tad-dritt u d-dritt tal-Unjoni Ewropea

Trattati li jistabbilixxu l-UE (fuq il-bażi tat-Trattati, l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw atti leġiżlattivi li mbagħad jiġu implimentati mill-Istati Membri)

Regolamenti (atti leġiżlattivi vinkolanti, b’implimentazzjoni immedjata u obbligatorja fil-pajjiżi kollha tal-UE).

Direttivi (atti leġiżlattivi li jistabbilixxu objettiv li għandu jinkiseb mill-pajjiżi kollha tal-UE. Madankollu, kull pajjiż huwa meħtieġ jadotta l-liġijiet tiegħu stess biex jilħaq dawn l-objettivi u jittrasponi d-Direttiva fil-liġi nazzjonali).

Konvenzjonijiet internazzjonali (ftehimiet bejn żewġ partijiet jew aktar soġġetti għal ordinament ġuridiku differenti fuq suġġett speċifiku ta’ kooperazzjoni).

L-aktar atti/leġiżlazzjoni importanti

Il-liġi ċivili

Il-Kodiċi Ċivili (Astikós Kódikas)

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Kódikas Politikís Dikonomías)

Il-liġi kummerċjali

Il-liġi 4738/2020 «Is-saldu tad-dejn u l-għoti tat-tieni opportunità f’każ ta’ falliment, insolvenza, eċċ.», li ħassret il-Kodiċi dwar il-Falliment

Il-Liġi 2121/1993: Id-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet relatati, eċċ.

Liġijiet li jirregolaw il-forma u l-operat tal-kumpaniji

Il-liġi amministrattiva

Il-Kostituzzjoni

Il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva (Kódikas Dioikitikís Diadikasías)

Il-Kodiċi tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva (Kódikas Dioikitikís Dikonomías)

Il-liġi kriminali

Il-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas)

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Kódikas Poinikís Dikonomías)

Ġerarkija tal-istrumenti legali

Il-ġerarkija tal-istrumenti legali hija kif ġej: il-Kostituzzjoni, id-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-ftehimiet, il-liġijiet u d-digrieti internazzjonali, ir-regolamenti maħruġin mill-Gvern u r-regolamenti maħruġin mill-ministri. Minbarra l-atti legali applikabbli b’mod ġenerali, atti legali individwali jinħarġu wkoll fuq il-bażi ta’ liġijiet speċifiċi, u jiġu taħt il-liġijiet u r-regolamenti fil-ġerarkija normattiva. L-istrumenti legali fuq kull livell iridu jkunu konformi ma’ dawk f’livell ogħla.

Proċess leġiżlattiv

Inizjattiva leġiżlattiva

L-abbozz ta’ liġi mfassal mill-kumitat tal-abbozzar leġiżlattiv speċjali jintbagħat lill-Kumitat tal-Abbozzar Leġiżlattiv Ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern sabiex jiġi eżaminat b’mod partikolari minn perspettiva sistematika tal-abbozzar legali, filwaqt li tingħata attenzjoni lil punti oħrajn (il-legalità kostituzzjonali, il-kompatibbiltà mad-dritt internazzjonali).

Adozzjoni tal-liġi

L-abbozz ta’ liġi jiġi sottomess lill-Parlament, flimkien ma’ memorandum ta’ spjegazzjoni li jistabbilixxi r-raġunament u l-objettivi tad-dispożizzjonijiet proposti. Meta d-dispożizzjonijiet rilevanti jwasslu għal nefqa mill-baġit tal-Istat, irid jitħejja rapport speċjali dwar in-nefqa u l-Uffiċċju Kontabilistiku Ġenerali tal-Istat (Genikó Logistírio tou Krátous) jeħtieġlu jfassal rapport relatat dwar in-nefqa. Abbozz ta’ leġiżlazzjoni jrid ikun akkumpanjat ukoll minn rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt u minn rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika li ppreċeda s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

Il-President tal-Parlament jirreferi l-abbozz ta’ liġi għal dibattitu fis-Sessjoni Plenarja, fid-diviżjonijiet ta’ waqfien tal-Parlament, jew fil-kumitati parlamentari permanenti. Id-digrieti pprovduti għall-infurzar tal-liġijiet jinħarġu mill-President tar-Repubblika wara proposta mill-ministri kompetenti. Fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali speċjali, il-korpi amministrattivi huma awtorizzati joħorġu atti regolatorji fuq kwistjonijiet aktar speċifiċi jew fuq kwistjonijiet ta’ interess lokali jew ta’ natura teknika/dettaljata.

Wara li l-ministri kompetenti kollha jkunu ffirmaw liġi, il-President tar-Repubblika joħroġ u jippubblika l-liġi fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha mill-Parlament.

L-inizjattiva sabiex tiġi emendata l-liġi tittieħed mill-ministru kompetenti. Liġi tkun valida sakemm ma titneħħiex permezz ta’ liġi ġdida.

Promulgazzjoni, pubblikazzjoni u dħul fis-seħħ

Il-liġi tispeċifika meta tkun se tidħol fis-seħħ. Inkella, f’konformità mal-Artikolu 103 tal-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili, il-liġi tidħol fis-seħħ 10 ijiem wara li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

Fil-prinċipju, il-validità ta’ liġi li tirratifika konvenzjoni tibda minn meta tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, u l-konvenzjoni jkollha effett legali mid-data speċifikata fil-konvenzjoni.

Il-liġijiet kollha adottati mit-22 ta’ Ottubru 1993 jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Parlament Elleniku. Barra minn hekk, fuq is-sit web tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istampar, int tista’ tuża l-funzjoni ta’ «Tiftix» sabiex issib il-listi annwali ta’ liġijiet u ta’ digrieti presidenzjali adottati sa mill-1890, is-suġġett tagħhom u d-dettalji tal-Gazzetta tal-Gvern li fiha ġew ippubblikati.

Mezzi ta' riżoluzzjoni ta’ kunflitti bejn sorsi legali differenti

Skont l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni, mill-mument tar-ratifika bil-liġi, il-konvenzjonijiet internazzjonali jifformaw parti integrali mil-liġi domestika tal-Greċja u jieħdu preċedenza fuq kwalunkwe dispożizzjoni legali oħra, dment li jikkostitwixxu liġi sussegwenti, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni.

Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea huma vinkolanti u huma applikabbli universalment u direttament fl-Istati Membri kollha.

Id-direttivi jiġu trasposti permezz ta’ liġijiet, digrieti presidenzjali jew deċiżjonijiet ministerjali.

Bażijiet tad-data legali (b’links xierqa)

Il-bażi tad-data tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas?

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istampar iżomm u jmantni bażi tad-data legali kompluta.

L-aċċess huwa mingħajr ħlas (l-Artikolu 7 tal-Liġi 3861/2010, il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 112 tat-13 ta’ Lulju 2010).

Intracom u Hol iżommu u jmantnu bażi tad-data legali kompluta, «ΝΟΜΟS».

L-aċċess huwa soġġett għal tariffa.

Is-sit web tal-Kunsill Legali tal-Istat (Nomikó Symvoúlio tou Krátous)

L-aċċess huwa mingħajr ħlas.

B’liema lingwi hija disponibbli?

Il-kontenut huwa disponibbli bil-Grieg biss.

X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istampar:

  • Serje
  • Sena tal-pubblikazzjoni
  • Numru tal-ħarġa

Il-bażi tad-data legali ta’ NOMOS.

  • Il-leġiżlazzjoni Griega bbażata fuq in-NUMRU u s-SENA (jew il-leġiżlazzjoni kollha għas-sena)
  • Il-leġiżlazzjoni Griega bbażata fuq is-serje u n-numru tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern
  • Il-LISTA TA’ KODIĊIJIET, il-Kostituzzjoni u leġiżlazzjoni istituzzjonali oħra
  • Tiftix bl-użu ta’ KLIEM fil-MAGNA TAT-TIFTIX

Il-Kunsill Legali tal-Istat:

  • Numru tal-Appell jew tal-Opinjoni
  • Dispożizzjoni kkonċernata
  • Applikant
  • Data jew sena
  • Kliem ewlieni
Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna