L-Artikolu 10 – Informazzjoni dwar il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti
Skont l-Artikolu 14(2) tal-Att dwar il-Medjazzjoni fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 56/2008 tas-6 ta’ Ġunju 2008), il-partijiet jistgħu jaqblu li l-ftehim li jsolvi tilwima jieħu l-forma ta’ reġistrazzjoni notarili immedjatament infurzabbli, ta’ ftehim fil-qorti jew ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ ibbażata fuq ftehim.
1. Il-preparazzjoni ta’ reġistrazzjoni notarili immedjatament infurzabbli:
In-nutara huma responsabbli mill-preparazzjoni tar-reġistrazzjoni notarili immedjatament infurzabbli (l-Artikoli 2 u 3 tal-Att dwar in-Nutara, Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 2/2007 – it-tielet verżjoni uffiċjali kkonsolidata, b’emendi sussegwenti fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 33/2007 u Nru 45/2008).
Tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar in-nutara mill-Kamra tan-Nutara Slovena (Notarska zbornica Slovenije).