1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
L-ispejjeż legali jiddependu mit-tip u mill-valur tal-każ, kif iddeterminati mir-regoli tal-qrati rilevanti, u jinkludu l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti tal-qorti. Normalment ikunu jinkludu l-ispejjeż tal-proċedimenti, l-ispejjeż tal-abbozzar tad-dokumenti proċedurali u tar-reġistrazzjoni tar-rikorsi interim, l-ispejjeż tas-seduti u tad-dehriet, qabel u wara s-seduti, l-ispejjeż tax-xhieda, l-ispejjeż tal-formulazzjoni tal-lista ta’ spejjeż u l-ispejjeż ta’ korrispondenza b’ittri qabel u matul il-proċedimenti. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kawżi ċivili u kawżi kriminali privati, fi tmiem kull kawża, il-qorti tiddeċiedi liema parti ġġarrab l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti, filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi/iċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża.
Fir-rigward ta’ kawżi ċivili, u kawżi kriminali privati, ir-regola ġenerali hija li l-parti telliefa tal-proċedimenti tal-qorti ġġarrab l-ispejjeż kollha. Dan ifisser li l-parti rebbieħa tal-proċedimenti tal-qorti normalment tkun intitolata li tirkupra l-ispejjeż raġonevoli u l-ispejjeż imġarrbin matul il-proċedimenti tal-qorti. Madankollu, ta’ min jinnota li l-qorti għandha wkoll l-awtorità li tagħmel eċċezzjonijiet u tidderoga mir-regola ġenerali rigward l-ispejjeż. Fid-dawl ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi/ċirkustanzi, il-qorti tista’ tiddeċiedi li kull parti ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess.
Rigward kawżi kriminali, il-qorti tiddetermina l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-qorti fuq il-bażi tal-kumplessità tal-kawża.
2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
L-għajnuna legali hija sistema ta’ appoġġ li tipprovdi finanzjament pubbliku għar-rappreżentanza legali u għall-aċċess għas-sistema ġudizzjarja għal dawk li ma jifilħux iħallsu l-ispejjeż tas-servizzi legali.
F’Ċipru, l-għajnuna legali tkopri diversi servizzi legali, li jinkludu l-pariri legali u l-assistenza fl-abbozzar tad-dokumenti legali u r-rappreżentanza legali quddiem qorti.
Ir-rappreżentanza legali tinkludi kwalunkwe forma ta’ assistenza li normalment tiġi pprovduta minn avukat b’rabta mal-proċedimenti, fl-istadji kollha, sal-ħruġ ta’ deċiżjoni, u mal-proċedura tal-appell; fil-każ ta’ proċedimenti kriminali, tinkludi wkoll kwalunkwe stadju relatat mal-proċedimenti qabel ma jibdew.
3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
Hemm żewġ rekwiżiti ewlenin li l-qorti teżamina qabel ma tagħti għajnuna legali bla ħlas:
(a) Il-kriterji ekonomiċi: L-applikant irid juri bil-provi li huwa ma jiflaħx iħallas għar-rappreżentanza legali u, għalhekk, ma għandux mezzi suffiċjenti biex iħallas għas-servizzi legali.
Il-kriterji ekonomiċi speċifiċi jistgħu jvarjaw, skont ir-rapport soċjoekonomiku mid-Dipartiment tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali (Tmíma Ypiresión Koinonikís Evimerías), b’kunsiderazzjoni tal-introjtu tal-applikant, tal-qligħ attwali u mistenni, ta’ kwalunkwe introjtu ieħor mix-xogħol jew minn sorsi oħrajn, l-ispejjeż tal-applikant u tal-familja tiegħu biex ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom kif ukoll mal-obbligi u l-ħtiġijiet l-oħrajn tagħhom.
(b) Is-serjetà tal-każ: Is-serjetà tal-każ tista’ titqies fl-interessi tal-ġustizzja.
4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
L-għajnuna legali tingħata fi proċedimenti quddiem il-qrati Ċiprijotti, speċifikament:
(a) proċedimenti kriminali, mill-istadju tal-investigazzjoni sal-proċess quddiem il-Qorti Distrettwali (Eparchiakó Dikastírio), l-Assize Court (Kakourgiodikeío) u l-Qorti Militari (Stratiotikó Dikastírio);
(b) proċedimenti relatati ma’ mandat ta’ arrest Ewropew;
(c) proċedimenti ċivili u kriminali għal ksur speċifiku tad-drittijiet tal-bniedem (skont il-liġi, ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa ksur tad-drittijiet previsti fil-Parti II tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, fl-Att tal-1962 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ratifika), fl-Att tal-1967 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (Ratifika), fl-Att tal-1969 tal-Ftehimiet Internazzjonali (Drittijiet Finanzjarji, Soċjali u Kulturali u Drittijiet Ċivili u Politiċi) (Ratifika), fl-Att tal-1989 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattamenti jew Pieni Inumani jew Degradanti (Ratifika), fl-Att tal-1990 tal-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (Ratifika), fl-Att tal-1985 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (Ratifika) u fl-Att tal-1990 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Ratifika));
(d) proċedimenti quddiem Qorti tal-Familja (Oikogeneiakó Dikastírio) dwar kwistjonijiet relatati mal-familja, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-manteniment, ir-rikonoxximent ta’ wild, l-adozzjoni, il-beni tal-miżżewġin u kwalunkwe tilwima oħra li tikkonċerna ż-żwieġ jew il-familja;
(e) tilwim transfruntier;
(f) appelli amministrattivi minn applikanti, benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali, quddiem il-Qorti Amministrattiva (Dioikitikó Dikastírio), skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni;
(g) vittmi ta’ traffikar ta' bnedmin inklużi vittmi minorenni ta’ solleċitazzjoni għal skopijiet sesswali, pornografija tat-tfal, sfruttament sesswali u/jew abbuż sesswali, fi proċedimenti ċivili f’azzjonijiet għad-danni (fuq il-bażi ta’ Direttivi Ewropej);
(h) debitur ipotekarju jew kwalunkwe persuna interessata, fi proċedimenti quddiem kwalunkwe qorti f’Ċipru dwar il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ipotekata;
(i) proċedura tal-appell quddiem il-Qorti Amministrattiva, skont l-Artikolu 146 tal-Kostituzzjoni, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom (fuq il-bażi ta’ Direttiva Ewropea).
5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
Jekk il-każ ikun urġenti, l-avukat jista’ jitlob lill-qorti li qed tisma’ l-kawża biex toħroġ ċertifikat għall-għajnuna legali bla ħlas. F’każijiet bħal dawn, il-qorti tagħti l-prijorità neċessarja biex tindirizza l-applikazzjoni.
6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
Formola speċjali hija disponibbli mir-reġistru tal-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni sabiex tittratta applikazzjoni għall-għajnuna legali. Imbagħad, il-formola timtela mill-applikant jew mill-avukat tiegħu, tiġi ppreżentata lill-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża u tiddaħħal fir-Reġistru Speċjali tal-istess reġistru.
7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
Sabiex issostni l-applikazzjoni tiegħek għall-għajnuna legali, trid tippreżenta d-dokumenti neċessarji kollha, bħal dokumenti ta’ identifikazzjoni, dokumenti relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek (u dik tal-persuni li jgħixu miegħek b’mod permanenti), dokumenti tal-qorti (jekk ikun hemm) u kwalunkwe evidenza oħra kif indikata hawn taħt:
- dokumenti ta’ identifikazzjoni: pereżempju, kopja ta’ passaport validu u/jew kopja ta’ karta tal-identità valida;
- dokumenti aġġornati dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek: dokumenti relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek, li jagħtu prova tal-inabilità tiegħek li tfittex rappreżentanza legali, bħal rendikonti tal-bank, slips tal-paga jew dikjarazzjonijiet tat-taxxa, ċertifikat tal-qgħad, ċertifikat li jagħti prova ta’ kwalunkwe benefiċċju mogħti mill-Istat, prova ta’ kwalunkwe sors ieħor ta’ introjtu jew ta’ assi;
- dokumenti tal-qorti: jekk diġà bdejt proċedimenti ġudizzjarji jew għandek dokumenti tal-qorti relatati mal-każ tiegħek, huwa rakkomandat li tinkludi kopji ta’ dawn id-dokumenti;
- evidenza ta’ sostenn: kwalunkwe evidenza addizzjonali relatata mal-każ tiegħek, bħal rapporti mediċi, korrispondenza jew dokumenti rilevanti oħrajn.
8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
L-applikazzjoni tiegħek tiġi ppreżentata lill-qorti fejn tkun qed tinstema’ l-kawża tiegħek.
9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
Mingħand kwalunkwe reġistratur tal-qrati f’Ċipru, u mill-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru (Pagkýprios Dikigorikós Sýllogos).
10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Ikollok tikkuntattja bil-miktub lill-qorti fejn qed tinstema’ jew se tinstema’ l-kawża tiegħek u tapplika għal ċertifikat għall-għajnuna legali bla ħlas.
11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
L-avukat jintgħażel mill-benefiċjarju tal-għajnuna legali bla ħlas minn fost l-avukati li jkunu lesti li joffru s-servizzi tagħhom. Jekk il-benefiċjarju ma jindikax avukat tal-għażla tiegħu, il-qorti li toħroġ iċ-ċertifikat għall-għajnuna legali bla ħlas tistieden lill-benefiċjarju jagħżel avukat minn lista, ifformulata mill-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru, ta’ avukati interessati li joffru servizzi ta’ għajnuna legali.
12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
Jekk il-qorti toħroġ ċertifikat għall-għajnuna legali bla ħlas, l-ispejjeż kollha tiegħek ikunu koperti.
13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ Ċipru li tagħti għajnuna legali parzjali biss. Ara t-tweġiba taħt 12 aktar ’il fuq.
14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
L-għajnuna legali tista’ tingħata f’kull istanza (il-prim’istanza jew is-sekond’istanza). Fi kliem ieħor, jekk ingħatajt l-għajnuna legali fil-proċedimenti fil-prim’istanza, tkun intitolat(a) titlob l-għajnuna legali fis-sekond’istanza wkoll b’rabta mal-kawża tiegħek.
Ma hemmx bżonn ta’ ċertifikat ġdid għal appell u l-qorti tqis ir-rapport soċjoekonomiku mid-Dipartiment tas-Servizzi tal-Assistenza Soċjali fformulat għall-finijiet tal-proċedimenti fil-prim’istanza, dment li l-applikant jiddikjara taħt ġurament li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma nbidlitx.
15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
Il-qorti tista’ tirtira ċ-ċertifikat għall-għajnuna legali meta sseħħ bidla sostanzjali fl-informazzjoni personali u finanzjarja tiegħek; iċ-ċertifikat jista’ jiġi rtirat b’mod awtomatiku jew inkella fuq it-talba tal-Avukat Ġenerali (Genikós Eisangeléas). L-irtirar ta’ ċertifikat maħruġ ma jaffettwax id-dritt ta’ kwalunkwe avukat għal tariffa għas-servizzi pprovduti sad-data tal-irtirar.
16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
Hemm dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni li ma jinħariġx iċ-ċertifikat għall-għajnuna legali, fuq il-bażi tar-regola fundamentali li d-deċiżjonijiet kollha tal-qrati huma soġġetti għal appell.
17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
It-talba għall-għajnuna legali ma għandhiex l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni.
Il-perjodu ta’ preskrizzjoni jibqa’ għaddej irrispettivament mill-applikazzjoni għall-għajnuna legali.
Madankollu, f’ċerti tipi ta’ proċedimenti, bħal proċedimenti kriminali, ġeneralment ma jkun hemm l-ebda perjodu ta’ preskrizzjoni għal reati.