Skip to main content

Għajnuna legali

Flag of France
Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

Fi Franza, l-għoti ta’ assistenza legali mingħajr ħlas jissejjaħ għajnuna legali (aide juridictionnelle).

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

L-ispejjeż sostnuti fil-proċedimenti jvarjaw skont in-natura u l-kumplessità tal-kawża, il-proċedura u l-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża.

L-ispejjeż jinqasmu fi tliet kategoriji:

• it-tariffi tal-avukat, li ma humiex suġġetti għal skala fissa u għalhekk jistgħu jiġu miftiehma bejn l-avukati u l-klijenti; bħala prinċipju dawn jitħallsu mill-klijenti sakemm ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna legali;

• l-ispejjeż, elenkati speċifikament fl-Artikolu 695 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Code de procédure civile) u li jinkludu prinċipalment:

a. emolumenti ta’ rappreżentanza pagabbli lill-avukati jew lil ċerti uffiċjali pubbliċi (officiers publics jew officiers ministériels); l-emolumenti huma separati mit-tariffi;

b. l-ispejjeż tal-proċedimenti pagabbli lill-uffiċjali ġudizzjarji;

c. l-ispejjeż tar-rapporti tal-esperti u investigazzjoni;

d. kwalunkwe kumpens għax-xhieda, ibbażat fuq skala;

e. it-tariffa tal-avukat għas-seduta;

f. ħlasijiet: spejjeż relatati mal-ispejjeż b’rata fissa mħallsa bil-quddiem mill-professjonisti għall-ħtiġijiet tal-proċedimenti.

L-ispejjeż jitħallsu mill-parti telliefa. Dak il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 696 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Madankollu, l-imħallfin jistgħu jagħtu deċiżjoni motivata li tordna lil parti differenti tħallas l-ispejjeż kollha jew parti minnhom; f’dan il-każ imsemmi l-aħħar, l-imħallfin jiddeterminaw kif iridu jinqasmu l-ispejjeż.

• spejjeż oħra sostnuti fil-qorti mill-partijiet fil-proċedimenti huma bħala prinċipju pagabbli minn dawk il-partijiet sakemm l-imħallef ma jiddeċidix mod ieħor. L-imħallef jista’ jeżerċita dik is-setgħa kemm f’kawżi kriminali kif ukoll f’kawżi ċivili, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ekwità jew għas-sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkundannata. L-imħallfin jistgħu wkoll jiddeċiedu ex officio li tali ordni ma tkunx meħtieġa.

F’kawżi kriminali, l-Istat iħallas it-tariffi tal-qorti. Il-persuna kkundannata hija meħtieġa tħallas tariffa fissa għall-proċedimenti, li l-ammont tagħha jiddependi mir-reat.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija parti mill-qafas legali u regolatorju għall-assistenza legali previst fil-Liġi Nru 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 u fid-digriet ta’ implimentazzjoni tagħha, id-Digriet Nru 2020-1717 tat-28 ta’ Diċembru 2020. L-għan ta’ dan il-qafas hu li jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-aċċess ugwali għall-ġustizzja u mad-dritt għal proċess ġust.

L-assistenza legali tkopri:

  • Għajnuna legali: il-ħlas sħiħ jew parzjali mill-Istat tal-ispejjeż ta’ kawża jew biex jitressaq appell quddiem il-qrati tal-appell, u tal-ispejjeż tal-proċedimenti dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u ta’ ftehimiet qabel ma jibdew il-proċedimenti jew divorzju b’kunsens reċiproku miftiehem barra mill-qorti;
  • Għajnuna għal assistenza minn avukat fi proċedimenti kriminali barra l-qorti, bħal miżuri ta’ kustodja tal-pulizija, alternattivi għall-prosekuzzjoni (ftehim, medjazzjoni, eċċ.) jew assistenza lil detenuti quddiem bord dixxiplinari ta’ ħabs;
  • Għajnuna sabiex jinkiseb aċċess għal-liġi (informazzjoni, gwida u konsultazzjoni legali mingħajr ħlas, eċċ.).

L-għajnuna legali u l-għajnuna għall-assistenza b’avukat fi proċedimenti barra l-qorti jippermettu lill-Istat ikopri t-tariffi tal-avukati, l-emolumenti pagabbli lil uffiċjali pubbliċi (uffiċjali ġudizzjarji, nutara, eċċ.) u t-tariffi tal-qorti. L-għan hu li jiġi żgurat li l-individwi ma jinżammux lura milli jiddefendu drittijiethom minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji.

L-għajnuna legali tista’ tkopri l-ispejjeż kollha, parti minnhom jew l-ebda minnhom. Din ma tkoprix l-ispejjeż kollha koperti minn polza tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali jew skema ta’ protezzjoni oħra. Meta xieraq, is-sehem mill-ispejjeż hekk kopert jitnaqqas mill-ammonti maħruġa mill-Istat għall-għajnuna legali.

3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata mill-uffiċċju tal-għajnuna legali (bureau de l’aide juridictionnelle) assoċjat mal-qorti ordinarja (tribunal judiciaire) inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ diversi kriterji relatati mar-riżorsi finanzjarji, man-nazzjonalità, mal-post ta’ residenza u mal-ammissibilità.

Tista’ tingħata wkoll b’mod awtomatiku fil-kuntest ta’ ċerti proċedimenti u f’każijiet speċifiċi, mingħajr il-bżonn li titwettaq kwalunkwe formalità addizzjonali minbarra dawk imposti mill-proċedimenti attwali.

  • Kriterji Finanzjarji:

Tista’ tikseb l-għajnuna legali jekk l-awtoritajiet rilevanti jiddeterminaw li m’għandekx biżżejjed riżorsi biex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tiegħek fil-qorti. Biex jiġi ddeterminat jekk dan ikunx il-każ, jitqiesu limiti massimi differenti:

  • Limiti massimi tal-introjtu;
  • Limiti massimi fir-rigward ta’ assi mobbli u finanzjarji;
  • Limiti massimi fir-rigward ta’ assi fil-forma ta’ proprjetà.

Ta’ min jinnota li l-limiti massimi jiddependu fuq il-kompożizzjoni tal-unità domestika għall-fini tat-taxxa. Madankollu, jekk iż-żewġ kontropartijiet fil-proċedimenti li għalihom tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-għajnuna legali jkunu mill-istess unità domestika għall-fini tat-taxxa, ir-riżorsi tagħhom jiġu eżaminati b’mod separat.

Dawn il-limiti massimi ġew aġġustati kull sena mill-2021 ’l hawn f’konformità mal-bidliet osservati fil-prezzijiet għall-konsumatur eskluż it-tabakk. L-aġġustament jiġi rreġistrat f’ċirkulari annwali, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża.

Għalhekk, l-uffiċċji tal-għajnuna legali jeżaminaw l-applikazzjonijiet kif ġej:

  • L-indikatur ewlieni użat sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limitu massimu tal-introjtu huwa l-introjtu mit-taxxa ta’ referenza (RFR). L-introjtu mit-taxxa ta’ referenza hu s-somma annwali tad-diversi tipi ta’ introjtu miksub mill-unità domestika għall-fini tat-taxxa, kif ikkalkolata mill-awtoritajiet tat-taxxa. Jidher fuq il-qoxra tal-valutazzjoni tat-taxxa. Il-limitu massimu jinbidel skont il-kompożizzjoni tal-unità domestika għall-fini tat-taxxa;
  • Fin-nuqqas ta’ introjtu mit-taxxa ta’ referenza, l-indikatur użat hu dak tar-riżorsi taxxabbli;
  • Il-limiti massimi fir-rigward ta’ assi mobbli u finanzjarji (primarjament it-tfaddil) huma stabbiliti f’regolament. Ta’ min jinnota li jekk l-applikant jiddikjara assi b’valur żero (EUR 0), ma jintalab l-ebda att jew dokument anness;
  • Il-limiti massimi fir-rigward ta’ assi fil-forma ta’ proprjetà jeskludu assi li ma jistgħux jinbiegħu jew jiġu mirhuna mingħajr ma jiġu affettwati serjament il-persuni kkonċernati. Dan hu l-każ b’mod partikolari għar-residenza ewlenija u għall-proprjetà użata għal skopijiet professjonali.

Sabiex issir taf jekk intix eliġibbli għall-għajnuna legali, tista’ tikkonsulta s-sit web service-public.fr. Is-sit web joffri għodda online sabiex jissimula l-eliġibbiltà tiegħek għall-għajnuna legali billi ddaħħal is-sorsi tal-introjtu tiegħek: https://www.aidejuridictionnelle.justice.fr/simulateur. Ta’ min jinnota li din hi għodda indikattiva li ma tistax tbassar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti u fl-ebda ċirkustanza ma tieħu post il-proċedura għall-applikazzjoni għall-għajnuna legali.

Madankollu, l-għajnuna legali tingħata mingħajr kunsiderazzjoni tal-kriterji tad-dħul lill-vittmi tar-reati l-aktar gravi (vittmi ta’ attakki bil-ħsieb li l-ħajja titpoġġa f’periklu jew li tiġi kkawżata ħsara fil-ġisem) u l-benefiċċjarji tagħhom.

Barra minn hekk, l-Artikolu 19-1 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 1991 jiggarantixxi r-remunerazzjoni ta’ avukat assenjat jew maħtur ex officio għal lista limitata ta’ proċedimenti, u ma hemm l-ebda eżami ex ante tal-eliġibbiltà tal-benefiċjarju. L-eliġibbiltà tiġi vverifikata ex post, u possibilment twassal għall-irkupru ta’ somom koperti mill-Istat fil-każ ta’ ineliġibbiltà.

  • Kriterju taċ-ċittadinanza:

L-għajnuna legali tista’ tingħata lil ċittadini Franċiżi, lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) jew lil ċittadini barranin abitwalment u legalment residenti Franza. Tista’ tingħata wkoll għal kawża f’qorti Franċiża lil barranin mhux residenti fi Franza iżda li jkunu ċittadini ta’ Stat li għandu ftehim internazzjonali jew bilaterali ma’ Franza li jrendi liċ-ċittadini tiegħu eliġibbli għall-għajnuna legali.

B’mod aktar speċifiku, ir-residenza abitwali u legali fi Franza hija r-regola ġenerali. Madankollu, il-barranin jingħataw l-għajnuna legali mingħajr ma jkunu ssodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza jekk ikunu minorenni, xhieda assistiti, persuni investigati, mixlija, akkużati, misjuba ħatja jew li qegħdin jitolbu d-danni fi proċedimenti kriminali, jekk ikunu soġġetti għal ordni ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 515-9 tal-Kodiċi Ċivili, jekk ikunu s-soġġett ta’ sentenza fuq talba tal-partijiet jew jekk ikunu soġġetti għal proċedimenti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi għad-dħul u għar-residenza ta’ barranin fi Franza u d-dritt għall-ażil fi Franza.

  • Il-kriterju tal-ammissibbiltà:

L-għajnuna legali tingħata lil persuni li l-azzjoni legali tagħhom ma tidhirx li tkun manifestament inammissibbli jew infondata. Din il-kundizzjoni tapplika min-natura tagħha stess għall-għajnuna legali biss u mhux għall-assistenza minn avukat fi proċedimenti barra l-qorti. B’hekk, azzjoni preskritta jew rikors sabiex jinfetħu proċedimenti bħala parti ċivili fuq il-bażi ta’ fatti li ma jikkostitwixxux reat jitqiesu bħala manifestament inammissibbli.

Din il-kundizzjoni ma tapplikax għall-intimati fil-kawża, għall-persuni b’responsabbiltà ċivili, għax-xhieda assistiti jew għall-persuni mixlija, akkużati jew misjuba ħatja.

L-applikanti jiġu miċħuda l-għajnuna legali għal appelli jekk ma tkun tista’ tiġi stabbilita l-ebda bażi raġonevoli għal appell.

Sitwazzjonijiet Speċifiċi

L-għajnuna legali tingħata mingħajr eżami tal-kriterji ta’ eliġibbiltà jekk l-applikant ikun diġà rċieva għajnuna legali għall-kawża tiegħu u l-avversarju tiegħu jkun appella mid-deċiżjoni mogħtija favur l-applikant (f’dan il-każ, l-għajnuna legali titqies bħala “miżmuma”).

B’mod simili, il-persuni li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà (f’termini ta’ riżorsi jew ta’ nazzjonalità) jistgħu eċċezzjonalment jingħataw l-għajnuna legali jekk l-azzjoni tagħhom tkun manifestament ta’ interess fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima jew tal-ispejjeż prevedibbli tal-proċedimenti (l-Artikoli 3 u 6 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali). Dan huwa l-każ ukoll għall-vittmi ta’ attakk b’intenzjoni li jipperikola l-ħajja jew jikkawża offiża fuq il-persuna, sabiex dawn ikunu jistgħu jiftħu proċedimenti ċivili, kif ukoll għad-dipendenti tagħhom.

Hemm ukoll għadd ta’ proċedimenti li għalihom l-għajnuna legali tingħata b’mod awtomatiku. Dan huwa l-każ għal:

- Appelli kontra deċiżjonijiet individwali meħuda skont il-Ktieb I u t-Titoli I sa III tal-Ktieb II tal-Kodiċi dwar il-Pensjonijiet għall-Invalidità Militari u l-Vittmi tal-Gwerra

- Minorenni soġġetti għas-smigħ previst fl-Artikolu 388-1 tal-Kodiċi Ċivili

- Proċedimenti quddiem il-Qorti Nazzjonali tal-Ażil sakemm l-azzjoni ma tkunx manifestament inammissibbli

- Persuni taħt arrest:

  • li jkunu soġġetti għal proċedimenti dixxiplinari b’rabta mad-detenzjoni tagħhom
  • li jkunu soġġetti għal miżura ta’ iżolament (iżolament awtomatiku, estensjoni jew waqfien tat-tqegħid f’iżolament jekk ikun intalab mill-persuna detenuta).
  • quddiem il-kummissjoni għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi skont l-Artikolu 720 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

- Persuni detenuti f’ċentru ta’ detenzjoni soċjomedika (centre socio-médico-judiciaire de sûreté) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda kontrihom sabiex jiġi żgurat l-operat mingħajr xkiel taċ-ċentru.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali tingħata lir-rikorrenti u lill-intimati fi proċedimenti mhux kontenzjużi jew kontenzjużi fi kwalunkwe qorti u għas-smigħ tal-minorenni.

Tista’ tingħata għall-proċedimenti kollha jew għal parti minnhom u bl-iskop li jintlaħaq ftehim qabel il-bidu tal-proċedimenti.

L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti jew ta’ kwalunkwe mandat ieħor ta’ eżekuzzjoni, inklużi dawk minn Stati Membri oħra tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

L-eliġibbiltà proviżorja għall-għajnuna legali tista’ tingħata f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, pereżempju meta l-proċedimenti jipperikolaw il-kundizzjonijiet essenzjali tal-għajxien tal-persuna kkonċernata, jew fil-każ ta’ eżekuzzjoni li tinvolvi l-qbid ta’ proprjetà jew żgumbrament.

L-eliġibbiltà proviżorja tiġi deċiża minn maġistrat tal-qorti li jisma’ l-kawża, wara applikazzjoni informali mill-persuna kkonċernata jew ex officio jekk il-persuna kkonċernata tkun ippreżentat applikazzjoni għal għajnuna legali li dwarha tkun għadha ma ttieħditx deċiżjoni.

Tingħata b’mod awtomatiku, jiġifieri mingħajr ebda formalità legali addizzjonali għajr dik meħtieġa mill-proċedimenti attwali, meta l-proċedimenti jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ ordni ta’ protezzjoni, mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Hemm ukoll skema ta’ għajnuna legali garantita applikabbli għal 11-il proċediment:

  • Proċedimenti ġudizzjarji għat-tneħħija u għall-kontroll ta’ miżuri għall-kura psikjatrika;
  • Assistenza ta’ persuna li tressaq rikors għal ordni ta’ protezzjoni jew li tikkontesta l-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni kif previst fl-Artikolu 515-9 tal-Kodiċi Ċivili;
  • Proċess immedjat;
  • Proċess differit;
  • Dehra quddiem maġistrat istruttur;
  • Smigħ ta’ argumenti dwar it-tqegħid jew iż-żamma taħt arrest preventiv;
  • Assistenza ta’ minorenni fir-rigward ta’ proċedimenti dwar servizz protettiv tat-tfal, proċedimenti quddiem il-maġistrat għall-minorenni f’materji kriminali jew quddiem il-qorti tal-minorenni, interrogazzjoni volontarja mingħajr arrest, interrogazzjoni preliminari dwar investigazzjoni;
  • Assistenza ta’ imputat quddiem l-Assize Court (il-qorti kriminali tal-prim’istanza li tieħu ħsieb l-aktar reati serji), il-qorti kriminali dipartimentali, l-Assize Court tal-minorenni jew il-qorti tal-minorenni li tiddeċiedi materji kriminali;
  • Proċedimenti quddiem il-maġistrat għall-arrest u l-ħelsien (juge des libertés et de la détention) b’rabta mad-dħul u mar-residenza ta’ ċittadini barranin;
  • Proċedimenti quddiem il-qorti amministrattiva dwar it-tneħħija ta’ ċittadini barranin li jkunu soġġetti għal miżura li tirrestrinġi l-libertà tagħhom;
  • Proċedimenti barra l-qorti kif imsemmijin fil-punti 2 sa 4 tal-Artikolu 11-2 tal-Liġi tal-1991.

Dan l-arranġament jippermetti lill-avukat tiegħek jitlob ħlas tar-remunerazzjoni tiegħu mingħand l-Istat. L-Istat iħallsek l-ispejjeż bil-quddiem. Għalhekk, l-eliġibbiltà tiegħek għall-għajnuna legali tiġi eżaminata wara l-proċedimenti inkwistjoni. Jekk jirriżulta li ma tkunx eliġibbli, ikollok trodd lura l-ispejjeż lill-Istat.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali tista’ titniżżel u tiġi stampata billi tiġi kkuppjata l-link li ġejja fil-browser tiegħek: https://www.justice.fr/formulaire/demande-aide-juridictionnelle

Huwa possibbli wkoll li tagħmel applikazzjoni online għall-għajnuna legali direttament mis-sit web https://www.aidejuridictionnelle.justice.fr/ jekk l-applikazzjoni tiegħek tikkonċerna proċedimenti li jkunu għaddejjin jew proċedimenti futuri quddiem qorti.

L-għajnuna legali tista’ tintalab qabel ma tiġi ppreżentata t-talba jew inkella matul il-proċedimenti.

Tista’ tapplika għall-għajnuna legali wara li jintemmu l-proċedimenti wkoll. Pereżempju, biex teżegwixxi d-deċiżjoni tal-qorti.

Tista’ tikseb formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali wkoll mingħand il-qorti ordinarja fejn tirresjedi jew fejn se tinstema’ l-kawża, kif ukoll mill-eqreb Point Justice jew “Punt tal-Ġustizzja” tiegħek (Maisons de la Justice et du Droit (Il-Kmamar tal-Ġustizzja u tal-Liġi), Point d’Accès au Droit (Il-Punt ta’ Aċċess għal-Liġi) jew Relais d’Accès au Droit (L-Uffiċċju tal-Aċċess għal-Liġi)). Sabiex issib fejn, ara s-sit web li ġej: http://www.annuaires.justice.gouv.fr/lieux-dacces-aux-droits-10111/

Jekk inti ċittadin Franċiż li tgħix barra l-pajjiż, il-formola tista’ tinkiseb ukoll mill-konsulati jew minn hawn:

Département de l’entraide, du droit international privé et européen (DEDIPE – id-dipartiment tal-assistenza reċiproka, tad-dritt internazzjonali privat u tad-dritt Ewropew) Ministère de la Justice, Direction des affaires civiles et du sceau,
13 place Vendôme, 75042 Paris Cedex 01.

Jekk inti barrani mhux residenti fi Franza, tista’ tikseb il-formola għall-għajnuna legali mingħand l-awtorità ċentrali nominata minn pajjiżek biex tibgħat talbiet internazzjonali għall-għajnuna legali. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi nnominaw il-Ministeru tal-Ġustizzja tagħhom. Franza nnominat lid-dipartiment ta’ hawn fuq fil-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Bureau du droit de l’Union, du droit international privé et de l’entraide civile, biex jipproċessa applikazzjonijiet f’kawżi ċivili, kummerċjali jew amministrattivi minn residenti tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li huma parti għall-Ftehim Ewropew tas-27 ta’ Jannar 1977 dwar it-Trażmissjoni ta’ Applikazzjonijiet għall-Għajnuna Legali bir-responsabbiltà li jirċievu u jibagħtu l-applikazzjonijiet.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, u inti residenti fi Franza jew il-kawża tiegħek qed tinstema’ f’qorti Franċiża, tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna legali transfruntiera f’kawżi ċivili u kummerċjali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta’ Jannar 2003. L-uffiċċju responsabbli għall-ipproċessar ta’ dawk ir-rikorsi fi Franza huwa il-:

Bureau de l’aide juridictionnelle
Service de l'accès au droit et à la justice et de l’aide aux victimes (SADJAV)
Ministère de la Justice 
13 place Vendôme 75042 Paris Cedex 01.

Fl-aħħar nett, jekk l-applikazzjoni tiegħek irid jiġi ppreżentata quddiem qorti amministrattiva jew qorti amministrattiva tal-appell, ma tistax timla l-applikazzjoni tiegħek għall-għajnuna legali online iżda minflok trid tuża l-formola tas-CERFA (CERFA li hija l-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni u għar-reviżjoni tal-formoli legali għal diversi finijiet fi Franza).

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali trid tkun akkumpanjata mill-annessi u mid-dokumenti mehmużin (valutazzjoni tat-taxxa, prova tas-sitwazzjoni tal-familja jew tan-nazzjonalità, eċċ.).

Tista’ ssib il-lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu pprovduti fuq is-sit web service-public.fr u fl-Ordni tat-30 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kontenut tal-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali u l-lista tal-annessi u tad-dokumenti mehmużin.

L-annessi u d-dokumenti mehmużin jippermettulek turi li s-sitwazzjoni tiegħek tintitolak għall-għajnuna legali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn:

  • ir-riżorsi finanzjarji tiegħek u dawk tan-nies li normalment jgħixu fl-unità domestika tiegħek;
  • is-suġġett tal-applikazzjoni.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Inti tista’ tippreżenta jew tibgħat ir-rikors tiegħek lill-uffiċċju tal-għajnuna legali tal-post ta’ residenza tiegħek jew lill-uffiċċju tad-distrett li fih tinsab il-qorti li qed tisma’ l-kawża.

Jeżisti uffiċċju uniku ta’ għajnuna legali f’kull qorti ordinarja (li qabel kienu l-qorti reġjonali (tribunal de grande instance), li tipproċessa l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali għall-kawżi li għandhom jinstemgħu f’dik il-qorti jew f’dawk fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħha: il-Qorti Ordinarja (tribunal judiciaire), il-Qorti Amministrattiva (tribunal administratif), it-Tribunal Industrijali (conseil de prud’hommes), il-Qorti tal-Appell (cour d’appel) u l-Qorti Amministrattiva tal-Appell (cour administrative d’appel).

Bħala eċċezzjoni għar-regola tal-uffiċċju uniku, kull waħda mill-qrati li ġejjin ukoll għandha uffiċċju:

  • il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation), l-ogħla qorti ordinarja;
  • il-Kunsill tal-Istat (Conseil d’état), l-ogħla qorti amministrattiva;
  • il-Qorti Nazzjonali tal-Ażil (Cour nationale du droit d’asile).

Tista’ tapplika wkoll għall-għajnuna legali online fuq l-indirizz li ġej: https://www.aidejuridictionnelle.justice.fr/

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Notifika tad-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-għajnuna legali tintbagħat fil-post ta’ residenza tiegħek.

Sabiex tistma kwalunkwe dritt potenzjali għall-għajnuna legali, hemm simulatur online disponibbli fuq: https://www.justice.fr/simulateurs/aide-juridictionnelle

Din is-simulazzjoni tagħtik idea ta’ jekk intix eliġibbli jew le għall-għajnuna legali. Madankollu, ma tiħux post eżami propju tal-applikazzjoni tiegħek. Għalhekk, ma tistax tbassar id-deċiżjoni li tittieħed mill-uffiċċju tal-għajnuna legali.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Għandek tikkuntattja lill-avukat tiegħek (jew uffiċjal legali, eż. uffiċjal ġudizzjarju, espert, nutar, eċċ.) jew lill-persuna assenjata lilek sabiex tispjegalha l-każ tiegħek u tagħtiha l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa għall-ħidma tagħha.

Jekk inti ngħatajt għajnuna legali parzjali, għandek tiftiehem ma’ dik il-persuna dwar it-tariffa addizzjonali li jkollok tħallasha. Dak l-ammont irid jintwera fil-ftehim li jenħtieġ li tiffirma.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Kull individwu jista’ jaħtar avukat tal-għażla tiegħu.

Jekk qed taħtar l-avukat tiegħek stess, trid tipprovdi ismu fuq ir-rikors għall-għajnuna legali.

Madankollu, jekk inti ma taf lil ebda avukat, jinħatarlek wieħed jew mill-President tal-Kamra tal-Avukati tal-Qorti Ordinarja (li qabel kienet il-Qorti Reġjonali) jew mill-President tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-għajnuna legali sħiħa tkopri t-tariffi kollha tal-qorti, li jinkludu r-remunerazzjoni tal-uffiċjali tal-qorti (avukati, uffiċjali ġudizzjarji, esperti, nutara, eċċ.), li titħallas lilhom direttament. Dak il-pagament jiġi kkalkulat skont skala jew rata skont it-tip tal-proċedimenti.

Huwa possibbli wkoll li tingħata għajnuna legali parzjali, li tkopri bejn 25 % u 55 % tal-ispejjeż tal-proċedimenti inkwistjoni.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Jekk tingħata għajnuna legali parzjali, inti tibqa’ responsabbli għall-bqija tat-tariffa mhux fissa, iddeterminata bi ftehim bejnek u l-avukat, taħt is-superviżjoni tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati li lilu tista’ tirreferi kwalunkwe tilwima.

Bħal fil-każ tal-għajnuna legali sħiħa, l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali parzjali teżenta lill-benefiċjarju milli jkollu jħallas bil-quddiem jew jiddepożita l-ispejjeż tal-proċedimenti.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

  • Jekk inti tkun l-appellant, jeħtieġlek li tippreżenta applikazzjoni ulterjuri, li tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji legalment stabbiliti.
  • Għall-kuntrarju, jekk l-appell jitressaq mill-kontroparti, kull dritt li tkun ngħatajt għall-għajnuna legali jibqa’ fis-seħħ. Madankollu, jeħtieġlek li tissottometti applikazzjoni oħra quddiem l-uffiċċju tal-għajnuna legali tal-Qorti Ordinarja jew fil-post ta’ residenza tiegħek jew fid-distrett li fih il-Qorti tal-Appell tkun twettaq l-attivitajiet tagħha. Din it-talba l-ġdida ma twassalx għal eżami ulterjuri tal-annessi u tad-dokumenti mehmużin jew tar-riżorsi tiegħek b’mod partikolari;
  • Jekk int diġà ngħatajt għajnuna legali għal proċedimenti preċedenti u tixtieq tressaq appell, id-deċiżjonijiet preċedenti dwar l-eliġibbiltà ma jibqgħux japplikaw. Inti għandek tippreżenta talba quddiem l-uffiċċju tal-għajnuna legali fil-Qorti tal-Kassazzjoni, li mbagħad tikkunsidra l-ammissibbiltà tal-azzjoni proposta kif ukoll l-ammont tal-assi tiegħek. Fir-rigward tal-appelli, l-għajnuna legali tista’ tiġi miċħuda jekk ma tkun tista’ tiġi stabbilita l-ebda bażi raġonevoli tal-appell.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Id-dritt għall-għajnuna legali jista’ jiġi rtirat kompletament jew parzjalment (l-Artikolu 50 tal-Liġi tal-1991 u l-Artikoli 65 sa 68 tad-Digriet 2020-1717 tat-28 ta’ Diċembru 2020 dwar l-għajnuna legali) matul jew wara l-proċedimenti, fil-każijiet li ġejjin:

  • meta l-għajnuna legali tkun inkisbet fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew ta’ dokumenti mhux akkurati;
  • meta l-proċedimenti jkunu abbuż tal-proċess jew ikunu nstabu li huma dilatorji jew manifestament inammissibbli;
  • meta, matul il-proċedimenti, il-valur tal-assi mobbli jew immobbli tal-benefiċjarju jiżdied b’mod sinifikanti;
  • meta d-deċiżjoni finali takkwista assi li jisbqu l-limiti massimi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna legali;
  • meta l-elementi esterni tal-istil tal-ħajja tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali jew tal-għajnuna għal assistenza minn avukat ikunu jidhru manifestament inkompatibbli mal-ammont tar-riżorsi annwali meħudin f’kunsiderazzjoni għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tiegħu.

Deċiżjonijiet li jirtiraw l-għajnuna legali jinkludu l-obbligu impost fuq ir-riċevitur sabiex iħallas lura l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-Istat. F’dan il-każ, l-awtoritajiet tal-Istat joħorġu ordni ta’ ġbir kontrik, li tindika kif għandek trodd lura l-ispejjeż legali mħallsin bil-quddiem mill-Istat.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Jekk tiġi rrifjutat l-għajnuna legali, inti tista’ tappella minn dik id-deċiżjoni.

Tista’ tappella int stess jew permezz ta’ avukat.

Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għajnuna legali b’mod totali jew kontra deċiżjoni li tikkonċedi biss għajnuna legali parzjali, jekk inti applikajt għal għajnuna sħiħa.

L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni.

Jenħtieġ li inti tindika fl-appell ir-raġunijiet għaliex inti qiegħed tikkontesta d-deċiżjoni li ttieħdet. Pereżempju: żball fin-numru ta’ persuni fl-unità domestika tiegħek jew fl-ammont tar-riżorsi tiegħek.

L-appell irid jintbagħat b’posta reġistrata b’konferma tar-riċevuta lill-uffiċċju tal-għajnuna legali li jkun ħareġ id-deċiżjoni.

Jenħtieġ li inti tinkludi kopja tad-deċiżjoni kkontestata.

L-awtorità li tkun ħarġet id-deċiżjoni tgħaddi l-applikazzjoni tiegħek lill-awtorità  kompetenti sabiex teżamina l-appell. L-awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell tiddependi mil-qorti li hija responsabbli sabiex teżamina l-każ li fir-rigward tiegħu inti applikajt għall-għajnuna legali.

L-Awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell tiddependi mill-qorti
 
Qorti L-Awtorità kompetenti sabiex teżamina l-appell
Proċedura abitwali L-ewwel President tal-Qorti tal-Appell li taħtha taqa’ l-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kawża jew tal-Qorti tal-Appell li tkun qiegħda tisma’ l-kawża
Il-Qorti Nazzjonali tal-Ażil (Cour nationale du droit d’asile – CNDA). Il-President tal-Qorti Nazzjonali tal-Ażil
Il-Qorti Amministrattiva Il-President tal-Qorti tal-Appell Amministrattiva li taqa’ taħtha l-qorti
Il-Qorti tal-Appell Amministrattiva Il-President tal-Qorti tal-Appell Amministrattiva li tkun qiegħda tisma’ l-kawża
Il-Kunsill tal-Istat Il-President tat-Taqsima Legali tal-Kunsill tal-Istat
Il-Qorti tal-Kassazzjoni L-Ewwel President tal-Qorti tal-Kassazzjoni
Il-Qorti tal-Kunflitti tal-Ġuriżdizzjoni Il-President tal-Qorti tal-Kunflitti tal-Ġuriżdizzjoni

Malli jiġi eżaminat l-appell, inti tirċievi notifika tad-deċiżjoni bil-posta.

Din it-tieni deċiżjoni tkun finali; ma tkunx tista’ tikkontestaha.

N.B.:

  • Appell ippreżentat minn avukat quddiem il-President tal-Qorti tal-Appell Amministrattiva jew il-President tat-Taqsima Legali tal-Kunsill tal-Istat irid jintbagħat bl-użu tan-notifika remota tal-appelli Télérecours.
  • L-għajnuna legali tista’ tingħata b’mod retrospettiv jekk parti tkun ressqet azzjoni u rebħet il-kawża meta l-għajnuna tkun ġiet irrifjutata għar-raġuni li ma kienx hemm prospetti raġonevoli li l-kawża setgħet tintrebaħ.

17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?

Skont l-Artikoli 43 u 44 tad-Digriet Nru 2020-1717 tat-28 ta’ Diċembru 2020, applikazzjoni għall-għajnuna legali għandha effett li tinterrompi l-perjodu għall-ftuħ ta’ kawża jew appell li għalih tintalab l-għajnuna legali, dment li l-applikazzjoni għall-għajnuna legali tiġi ppreżentata fl-istess terminu. Konsegwentement, dan il-perjodu jibda jiddekorri wara li l-uffiċċju tal-għajnuna legali jkun ta deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni. L-istess japplika għall-perjodu ta’ preskrizzjoni.

Hemm eċċezzjoni fir-rigward tal-uffiċċju tal-għajnuna legali tal-Qorti Nazzjonali tal-Ażil. L-applikazzjoni għall-għajnuna legali għandha l-effett ta’ sospensjoni tal-perjodu ta’ xahar, li jerġa’ jibda jiddekorri wara n-notifika tad-deċiżjoni li tagħti l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali (l-Artikolu 9-4 tal-Liġi tal-10 ta’ Lulju 1991).

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna