1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?
Fil-kawżi ċivili u amministrattivi, l-ispejjeż tal-proċedimenti jikkonsistu fit-tariffa tal-Istat u l-garanzija, fl-ispejjeż relatati mal-għoti tax-xhieda (eż. l-ispejjeż relatati mat-taħrika ta’ xhud u l-ispejjeż tax-xhud espert), u fl-ispejjeż li jkunu ġarrbu l-partijiet fil-proċedimenti u r-rappreżentanti tagħhom (tariffi legali, spejjeż tal-ivvjaġġar, eċċ.). L-ispejjeż tal-proċedimenti jridu jitħallsu matul il-proċedimenti mill-parti li titlob l-att proċedurali li jinvolvi l-ispejjeż. Għalhekk, meta jressaq appell jew ilment, l-attur jew ir-rikorrent jeħtieġlu jħallas it-tariffa tal-Istat, filwaqt li t-tariffi tax-xhud jew tal-espert iridu jitħallsu bil-quddiem mill-parti li tixtieq tħarrek xhud jew tqabbad espert. Kull parti fil-proċedimenti jeħtiġilha tħallas it-tariffi tar-rappreżentant tagħha.
Fit-tmiem tal-proċedimenti, il-parti telliefa normalment tiġi ordnata tirrimborża l-ispejjeż li tħallsu mill-kontroparti matul il-proċedimenti. Fil-proċedimenti ċivili, iċ-ċaħda ta’ appell normalment tinvolvi obbligu għall-attur li jħallas lura lill-konvenut l-ispejjeż li jkun ġarrab b’rabta mal-proċedimenti tal-qorti; min-naħa l-oħra, jekk jintlaqa’ l-appell, il-konvenut jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż imġarrba mill-attur. F’każijiet fejn jintlaħaq kompromess, l-ispejjeż normalment jinqasmu skont dak il-kompromess.
2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?
Għajnuna legali mill-Istat
Għajnuna legali mill-Istat hija l-forniment, bi spejjeż għall-Istat, tas-servizzi legali ta’ avukat biex jirrappreżenta persuna fil-qorti jew fi proċedimenti oħrajn, biex jikteb dokument legali jew biex jagħti parir jew rappreżentanza legali oħra. L-għajnuna legali mill-Istat hija maħsuba prinċipalment għall-persuni fiżiċi li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, ma jistgħux iħallsu għal servizzi legali professjonali. L-għajnuna legali mill-Istat tingħata biss minn avukati. Meta tiddeċiedi dwar rikors għal għajnuna legali mill-Istat, il-qorti tivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent, il-prospetti ta’ suċċess tat-talba tiegħu (ilment, azzjoni, rikors) u s-sinifikat tal-kawża inkwistjoni għar-rikorrent. Rappreżentant jinħatar taħt l-iskema ta’ għajnuna legali mill-Istat, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent, f’każijiet li fihom tali ħatra hija obbligatorja (eż. għal persuni suspettati jew imputati fi proċedimenti kriminali), iżda wkoll f’każijiet fejn il-qorti tqis li dan huwa meħtieġ biex jitħarsu l-interessi tal-persuna.
Il-kundizzjonijiet u l-proċedura biex tinkiseb għajnuna legali mill-Istat huma stabbiliti fl-Att dwar l-Għajnuna Legali ffinanzjata mill-Istat (riigi õigusabi seadus)(https://www.riigiteataja.ee/en/eli/518122023002/consolide).
Barra minn hekk, jingħata parir inizjali, bl-appoġġ tal-Istat, lill-persuni kollha li jgħixu fl-Estonja bi dħul gross medju ta’ mhux aktar minn EUR 1 200 fit-trimestru li jiġi qabel ir-rikors tagħhom. Eċċezzjoni għal dan huma l-kawżi tal-familja li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ wild, fejn il-limitu tad-dħul gross huwa ta’ EUR 2 000. Il-limitu massimu fuq id-dħul lanqas ma japplika għal pariri legali lil persuni bi bżonnijiet speċjali u lil persuni anzjani mogħtija fuq bażi kuntrattwali mill-Kamra Estonjana tal-Persuni b’Diżabbiltà (Puuetega Inimeste Koda) u mill-Assoċjazzjoni Estonjana tas-Soċjetajiet tal-Pensjonanti (Eesti Pensionäride Ühenduste Liit). Aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali appoġġata mill-Istat tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium) (https://www.just.ee/kohtud-ja-oigusteenused/oigusabi/riigi-toetatud-oigusabi).
3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?
Għajnuna legali mill-Istat
Persuna fiżika tingħata għajnuna legali mill-Istat jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-mument li jkollha bżonn l-għajnuna legali tkun tali li ma tistax tħallas għal servizzi legali kompetenti jew jekk tkun tista’ tħallas għas-servizzi legali b’mod parzjali biss jew f’pagamenti rateali jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li tilħaq il-ħtiġijiet bażiċi ta’ sussistenza wara li tħallas għas-servizzi legali.
L-għajnuna legali mill-Istat tingħata mingħajr obbligu li titħallas lura t-tariffa tal-għajnuna legali mill-Istat u l-ispejjeż tal-għajnuna legali mill-Istat (jiġifieri mingħajr ħlas) jew soġġetta għal rimborż parzjali jew sħiħ (jiġifieri l-benefiċjarju jeħtieġlu sussegwentement iħallas lura l-ispejjeż tal-għajnuna legali mill-Istat b’mod parzjali jew sħiħ jekk l-ispejjeż ma jitħallsux minn persuna oħra jew mill-Istat). Meta tiddeċiedi dwar rikors għal għajnuna legali mill-Istat, il-qorti tivvaluta s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent, il-prospetti ta’ suċċess tat-talba tiegħu (ilment, azzjoni, rikors) u s-sinifikat tal-kawża inkwistjoni għar-rikorrent. Ġeneralment, il-persuni vulnerabbli u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jirċievu għajnuna legali mill-Istat li titħallas kollha kemm hi mill-Istat.
Rappreżentant jinħatar taħt l-iskema ta’ għajnuna legali mill-Istat, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant, f’każijiet li fihom tali ħatra hija obbligatorja (eż. għal persuni suspettati jew imputati fi proċedimenti kriminali), iżda wkoll f’każijiet fejn il-qorti tqis li dan huwa meħtieġ biex jitħarsu l-interessi tal-persuna.
L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll – għall-fini li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istatuti tagħhom fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-protezzjoni tal-konsumatur jew minħabba raġunijiet prevalenti oħra fl-interess pubbliku – lil persuni ġuridiċi li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, ma jkunux jistgħu jħallsu għas-servizzi legali.
L-għajnuna legali mill-Istat ma tingħatax jekk:
- l-applikant ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu stess;
- l-applikant ma jkollux id-dritt li għalih ikun qiegħed jitlob protezzjoni permezz tal-għajnuna legali;
- l-applikant ikun jista’ jħallas għall-ispejjeż tas-servizzi legali mill-proprjetà eżistenti tiegħu li tista’ tinbiegħ faċilment, bl-eċċezzjoni tal-proprjetà speċifikata fl-Artikolu 14(2) tal-Att dwar l-Għajnuna Legali ffinanzjata mill-Istat;
- l-ispejjeż tas-servizzi legali ma jkunux mistennija li jkunu aktar minn darbtejn id-dħul medju ta’ kull xahar tar-rikorrent, ikkalkulat abbażi tal-introjtu medju ta’ kull xahar għall-4 xhur qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, li minnu jitnaqqsu t-taxxi, il-ħlasijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż biex jiġu ssodisfati l-obbligi legali ta’ manteniment u l-ispejjeż raġonevoli relatati mad-dar u t-trasport;
- ikun ċar miċ-ċirkostanzi li hemm possibbiltà żgħira li l-applikant ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu;
- ir-rikors isir sabiex tiġi ppreżentata talba għal kumpens ta’ ħsara mhux materjali u ma jkun hemm l-ebda interess pubbliku konvinċenti fil-kawża;
- it-tilwima tkun tikkonċerna l-attivitajiet tan-negozju tal-applikant u ma jkollha l-ebda impatt fuq id-drittijiet tiegħu mhux relatati ma’ dawk l-attivitajiet tan-negozju;
- ir-rikors isir biex tiġi mħarsa trademark, privattiva, mudell ta’ utilità, diżinn industrijali, topografija ta’ ċirkwiti integrati jew xi forma oħra ta’ proprjetà intellettwali, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Autoriõiguse seadus);
- ir-rikors isir f’kawża li fiha ir-rikorrent ikollu interess konġunt ċar ma’ persuna li ma tkunx intitolata għal għajnuna legali mill-Istat;
- ir-rikors isir biex jiġi difiż dritt ittrasferit lir-rikorrent u jkun hemm raġuni li wieħed jemmen li d-dritt ġie ttrasferit lir-rikorrent sabiex jikseb l-għajnuna legali mill-Istat;
- il-forniment ta’ servizzi legali jkun iggarantit lill-applikant taħt kuntratt tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali jew assigurazzjoni obbligatorja;
- il-qligħ potenzjali għall-applikant mill-kawża jkun irraġonevolment żgħir meta mqabbel mal-ispiża mistennija li tiġġarrab mill-Istat biex tingħata l-għajnuna legali.
Parir inizjali
Mill-1 ta’ Ġunju 2023, il-persuni li jgħixu fl-Estonja bi dħul gross medju ta’ mhux aktar minn EUR 1 200 fit-trimestru li jiġi qabel ir-rikorsi tagħhom jikkwalifikaw għal parir inizjali appoġġat mill-Istat. Eċċezzjoni għal dan huma l-kawżi tal-familja li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ wild, fejn il-limitu tad-dħul gross huwa ta’ EUR 2 000. Il-limitu massimu fuq id-dħul lanqas ma japplika għal pariri legali lil persuni bi bżonnijiet speċjali u lil persuni anzjani mogħtija fuq bażi kuntrattwali mill-Kamra Estonjana tal-Persuni b’Diżabbiltà (Puuetega Inimeste Koda) u mill-Assoċjazzjoni Estonjana tas-Soċjetajiet tal-Pensjonanti (Eesti Pensionäride Ühenduste Liit).
4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?
Għajnuna legali mill-Istat
L-għajnuna legali mill-Istat tista’ tinkiseb fil-proċedimenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji kollha u ġeneralment għall-kwistjonijiet legali kollha, bi ftit eċċezzjonijiet. L-għajnuna legali bla ħlas mill-Istat ma tingħatax:
- għall-finijiet ta’ preżentazzjoni ta’ talba għal kumpens għal ħsara mhux materjali u meta ma jkun hemm l-ebda interess pubbliku konvinċenti fil-kawża;
- jekk it-tilwima tkun tikkonċerna l-attivitajiet tan-negozju tal-applikant u ma jkollha l-ebda impatt fuq id-drittijiet tiegħu mhux relatati ma’ dawk l-attivitajiet tan-negozju;
- ir-rikors isir biex tiġi protetta trademark, privattiva, mudell ta’ utilità, diżinn industrijali, topografija ta’ ċirkwiti integrati jew xi forma oħra ta’ proprjetà intellettwali, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur.
Parir inizjali
Il-parir inizjali jingħata fl-oqsma kollha tal-liġi, bi ftit eċċezzjonijiet.
Il-parir legali ma jinkludix rappreżentanza quddiem qorti, inkluż l-abbozzar ta’ dokument ġudizzjarju, ħlief għal:
- kwistjonijiet tal-familja relatati mad-drittijiet ta’ wild;
- il-preżentata ta’ rikors għal proċedura sommarja ta’ ordni ta’ ħlas.
5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?
Ma hemm l-ebda proċedura speċjali bħal din fis-seħħ. L-għażliet eżistenti biex wieħed jingħata għajnuna legali bla ħlas ikopru wkoll il-kawżi urġenti.
6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?
Għajnuna legali mill-Istat
Il-formolarju ta’ rikors għall-għajnuna legali mill-Istat jista’ jinkiseb minn:
Formolarju ta’ rikors għall-għajnuna legali mill-Istat | 91.3 KB | rtf
Formola biex tiġi ddikjarata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant | 104.24 KB | rtf
Il-formola ta’ rikors għall-għajnuna legali mill-Istat tinsab ukoll fit-taqsima “Għajnuna Legali mill-Istat” tas-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Estonjana (Eesti Advokatuur):https://www.riigioigusabi.ee/dokumendid-2.
Parir inizjali
Biex tagħmel appuntament għal parir legali inizjali, jeħtieġ li tikkuntattja lil HUGO.legal, tirreġistra bħala klijent u tħallas tariffa personali ta’ EUR 5. Id-dettalji ta’ kuntatt jinsabu fi: http://www.juristaitab.ee/. Tista’ wkoll itella’ l-mistoqsija tiegħek fuq il-forum li jinsab fuq l-istess paġna. Biex tibgħat mistoqsija, jeħtieġlek tirreġistra billi tuża l-karta tal-identità Estonjana tiegħek.
7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?
Persuna fiżika li titlob l-għajnuna legali mill-Istat jeħtiġilha tinkludi mar-rikors tagħha dikjarazzjoni ffirmata tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, u jekk ikun possibbli, evidenza oħra ta’ din is-sitwazzjoni. Persuna suspettata fi proċedimenti kriminali li titlob il-ħatra ta’ avukat ma għandhiex għalfejn tinkludi dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.
Jekk ir-residenza ta’ persuna ma tkunx tinsab fl-Estonja, mar-rikors tagħha hija jeħtiġilha tehmeż dikjarazzjoni dwar id-dħul tagħha u l-introjtu tal-membri tal-familja tagħha matul l-aħħar 3 snin, maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ residenza tal-persuna. Jekk din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista’ tiġi ppreżentata minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-applikant, id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna legali mill-Istat tista’ tittieħed mingħajr id-dikjarazzjoni.
Il-formola għad-dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ persuna hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja u fil-qrati u fl-uffiċċji legali kollha.
8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?
Ġeneralment, ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat jintbagħtu lill-qorti. Il-qorti speċifika li lilha għandu jintbgħat ir-rikors tiġi stabbilita kif ġej:
a) Ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat bħala parti fi proċedimenti ġudizzjarji f’kawża ċivili, amministrattiva jew għal kontravenzjoni jiġu ppreżentati lill-qorti li tkun qiegħda tittratta l-kawża jew li jkollha l-ġuriżdizzjoni li tittrattaha.
b) Jekk rikorrent ikun qiegħed jitlob għajnuna legali mill-Istat biex iħejji dikjarazzjoni ta’ talba, dikjarazzjoni ta’ petizzjoni jew ilment fi proċedimenti amministrattivi tal-qorti jew proċedimenti għal kontravenzjoni, huwa jippreżenta r-rikors tiegħu lill-qorti kompetenti biex tisma’ t-talba, id-dikjarazzjoni ta’ petizzjoni jew l-ilment.
c) Ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat għal rappreżentanza fi proċedimenti ċivili ta’ qabel il-proċess jew proċedimenti ekstraġudizzjarji għal kontravenzjoni jew għall-abbozzar ta’ dokument legali jew parir jew rappreżentanza legali oħra jiġu ppreżentati lill-qorti tal-kontea tal-post fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza tiegħu jew lill-qorti tal-kontea tal-post fejn huwa preżunt li jiġu pprovduti s-servizzi legali inkwistjoni. Jekk ir-rikorrent ma jkunx residenti fl-Estonja, huwa jista’ jippreżenta wkoll ir-rikors tiegħu lill-qorti tal-kontea li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun jinsab.
d) Ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat għal rappreżentanza fi proċedimenti amministrattivi jiġu ppreżentati lill-qorti amministrattiva tal-post fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza tiegħu jew lill-qorti amministrattiva tal-post fejn huwa preżunt li jiġu pprovduti s-servizzi legali inkwistjoni.
e) Jekk il-parteċipazzjoni ta’ avukat matul il-proċedimenti kriminali ma tkunx obbligatorja u l-persuna suspettata ma tkunx għażlet avukat iżda tixtieq li tiġi rrappreżentata minn wieħed, hija tippreżenta rikors għall-għajnuna legali mill-Istat lill-awtorità investigattiva jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.
f) Jekk persuna tapplika għal għajnuna legali mill-Istat bħala parti leża fi proċedimenti kriminali, imputat ċivili jew parti terza, il-qorti li tkun qiegħda tmexxi l-proċedimenti jew, fi proċedimenti ta’ qabel il-proċess f’kawża kriminali, il-qorti tal-kontea kompetenti biex tmexxi l-proċedimenti fil-kawża kriminali inkwistjoni tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata għajnuna legali mill-Istat.
g) Jekk persuna tapplika għal għajnuna legali mill-Istat għal ritrattazzjoni, il-Qorti Suprema tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata għajnuna legali mill-Istat.
h) Ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat għal rappreżentanza fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jiġu ppreżentati lill-qorti kompetenti biex tisma’ denunzji dwar l-azzjonijiet ta’ uffiċjal eżekuttiv li jkun qiegħed imexxi l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.
9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?
L-informazzjoni dwar l-għajnuna legali mill-Istat u l-pariri inizjali jistgħu jinkisbu mill-qrati u mill-uffiċċji legali. L-operaturi tal-uffiċċji legali jeħtiġilhom jiżguraw li dawk li jkollhom bżonn għajnuna legali mill-Istat jingħataw spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet u l-proċeduri biex tinkiseb għajnuna legali mill-Istat kif previst fl-Att dwar l-Għajnuna Legali ffinanzjata mill-Istat matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-uffiċċju, mingħajr ħlas. L-organizzaturi tal-pariri inizjali huma obbligati wkoll li jagħtu pariri lil dawk li jkollhom bżonn assistenza dwar ir-raġunijiet u l-proċeduri biex tinkiseb għajnuna legali mill-Istat u, meta jkun meħtieġ, jgħinu biex jimtlew b’mod tajjeb ir-rikorsi għall-għajnuna legali, mingħajr ħlas.
Informazzjoni dwar l-għażliet għal għajnuna legali appoġġata mill-Istat tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium) (https://www.just.ee/kohtud-ja-oigusteenused/oigusabi/riigi-toetatud-oigusabi).
10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Għajnuna legali mill-Istat
Sabiex tinkiseb għajnuna legali mill-Istat, ir-rikorsi (punt 6) iridu ġeneralment jiġu ppreżentati, flimkien ma’ dikjarazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant (punt 7), lill-qorti li tkun qiegħda tisma’ r-rikors għall-għajnuna legali mill-Istat (punt 8).
Ir-rikorsi għall-għajnuna legali mill-Istat għandhom jiġu ppreżentati bl-Estonjan jew b’lingwa oħra li hija komuni fl-Estonja (l-arranġamenti għat-traduzzjoni għandhom isiru minn min ikun qiegħed jittratta l-każ). Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat ukoll bl-Ingliż jekk ir-rikorrent tal-għajnuna legali jkun persuna fiżika residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-UE, jew persuna ġuridika bbażata fi Stat Membru ieħor tal-UE.
Fi proċedimenti li fihom il-parteċipazzjoni ta’ avukat tkun meħtieġa mil-liġi, persuna ma trid tagħmel xejn biex tirċievi għajnuna legali mill-Istat – sakemm il-persuna ma tkunx qabdet avukat hija stess, l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti huwa meħtieġ li jqabbad avukat għall-persuna u l-persuna ma għandhiex għalfejn tippreżenta rikors.
Parir inizjali
Biex tagħmel appuntament għal parir legali inizjali, jeħtieġ li tikkuntattja lil HUGO.legal, tirreġistra bħala klijent u tħallas tariffa personali ta’ €5. Id-dettalji ta’ kuntatt jinsabu fi: http://www.juristaitab.ee/. Tista’ wkoll itella’ l-mistoqsija tiegħek fuq il-forum li jinsab fuq l-istess paġna. Biex tibgħat mistoqsija, jeħtieġlek tirreġistra billi tuża l-karta tal-identità Estonjana tiegħek.
11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?
Għajnuna legali mill-Istat
Fuq talba tal-awtorità investigattiva, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jew tal-qorti, il-Kamra tal-Avukati Estonjana (Eesti Advokatuur) taħtar avukat biex jipprovdi l-għajnuna legali mill-Istat. B’mod ġenerali, individwu ma għandux id-dritt li jagħżel liema avukat jipprovdilu l-għajnuna legali mill-Istat. Madankollu, persuna għandha d-dritt li titlob l-għajnuna legali mill-Istat li trid tiġi pprovduta minn avukat partikolari jekk l-avukat ikun qabel li jipprovdi għajnuna legali mill-Istat. F’dak il-każ, isem l-avukat li jkun ta l-kunsens tiegħu jrid jiġi indikat immedjatament fir-rikors għall-għajnuna legali mill-Istat.
Il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-awtorità investigattiva ma għandhomx is-setgħa li jiftiehmu ma’ avukat dwar l-għoti ta’ għajnuna legali mill-Istat jew li jaħtru avukat biex jipprovdi għajnuna legali mill-Istat.
Parir inizjali
Fil-każ ta’ parir inizjali, il-persuna li jkollha bżonn l-assistenza tista’ tagħżel l-avukat tagħha skont il-post fejn tkun tinsab u l-qasam tal-parir jew issib uffiċċju ta’ avukat.
12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?
Le. L-għajnuna legali mill-Istat tkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni li jridu jitħallsu minn avukat jew operatur ta’ uffiċċju legali b’rabta mal-provvista tal-għajnuna legali mill-Istat, l-ispejjeż tat-traduzzjoni u l-ispejjeż relatati mal-preżentazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, il-qorti tista’ tordna li persuna – fuq talba tagħha – tiġi eżentata, b’mod sħiħ jew parzjali, mill-ispejjeż tal-proċedimenti bħala għajnuna proċedurali.
13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?
Fil-każ ta’ għajnuna proċedurali jew legali mill-Istat soġġetta għal kumpens parzjali, l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-kontroparti telliefa, minn persuna oħra jew mill-Istat.
14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?
Iva. L-għajnuna legali mill-Istat tkopri l-appelli, l-appelli ta’ kassazzjoni, l-appelli kontra d-deċiżjonijiet u l-proċedimenti ta’ ritrattazzjoni.
15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?
Jekk qorti, awtorità investigattiva jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun iddeċieda li jagħti għajnuna legali mill-Istat, huwa jista’, fuq talba tal-avukat li jipprovdi għajnuna legali mill-Istat jew fuq inizjattiva tiegħu stess, jerġa’ jivvaluta fi kwalunkwe ħin, f’konformità mal-proċedura stabbilita, fl-Att dwar l-Għajnuna Legali ffinanzjata mill-Istat, jekk ir-raġunijiet mogħtija fl-Att għall-għoti tal-għajnuna legali mill-Istat lill-applikant inkwistjoni jibqgħux jeżistu u, jekk ma jibqgħux, itemm l-għoti tal-għajnuna legali mill-Istat.
Jekk l-għajnuna legali mill-Istat ma tibqax tingħata, l-avukat li jipprovdi l-għajnuna legali mill-Istat ma jibqax ikollu l-obbligu li jagħmel dan, u l-qorti tiddetermina, fuq talba tal-avukat, l-ammont tat-tariffa għall-għajnuna legali tiegħu u kemm mill-ispejjeż tal-għajnuna legali mill-Istat għandhom jiġu rimborsati lilu. Fl-istess ħin, il-qorti tiddetermina l-obbligu tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali mill-Istat li jirrimborsa lura lill-Istat, b’mod sħiħ jew parzjali, l-ammont li għandu jitħallas lill-avukat.
16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?
F’konformità mal-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedimenti rilevanti tal-qorti jista’ jsir appell kontra ordni li tiċħad għajnuna legali mill-Istat.
17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?
Le.
Aktar informazzjoni
Għal aktar informazzjoni dwar is-sistema Estonjana ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja fl-indirizz li ġej:
Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium)
Suur-Ameerika 1, 10122 Tallinn
Tel.: (+372) 620 8100
Posta elettronika: info@just.ee