Iċ-Ċentru tat-Taħriġ Ġudizzjarju (JTC, Judicial Training Center), li huwa istituzzjoni nazzjonali ta’ taħriġ, jipprovdi taħriġ professjonali għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati tal-istat. It-taħriġ jingħata regolarment bħala taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Taħriġ regolari fuq il-post tax-xogħol huwa disponibbli wkoll għall-konsulenti legali fil-qrati jew fl-uffiċċji tal-prosekutur tal-istat (li jkunu f’pożizzjoni li jsiru mħallfin jew prosekuturi pubbliċi).
It-taħriġ ipprovdut mill-JCT mhuwiex obbligatorju. L-uniku taħriġ obbligatorju għall-imħallfin u l-prosekuturi pprovdut mill-JTC huwa t-taħriġ ta’ 4 ijiem għall-presidenti tal-qorti u l-kapijiet tal-uffiċċji tal-prosekuturi tal-istat li jkunu għadhom kif inħatru.
It-taħriġ inizjali, jiġifieri l-fażi ta’ taħriġ postuniversitarju għal imħallfin u/jew prosekuturi futuri, huwa organizzat mill-JTC bħala t-taħriġ għall-gradwati kollha tal-liġi li jixtiequ jagħmlu eżami tal-Istat fil-qasam legali. Huwa meħtieġ eżami tal-Istat fil-qasam legali għall-maġġoranza tal-professjonijiet legali, mhux biss għall-imħallfin u l-prosekuturi, iżda wkoll għall-avukati u n-nutara.