Skip to main content

Taħriġ inizjali ta’ mħallfin u prosekuturi fl-Unjoni Ewropea

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda
Flag of Ireland

Imħallfin

Deskrizzjoni ġenerali

Is-sistema legali fl-Irlanda hija kontradittorja mhux inkwiżitorja. Ma hemmx taħriġ konġunt għall-ġudikatura u s-servizz ta’ prosekuzzjoni tal-Istat (l-uffiċċju tad-DPP), entitajiet li huma indipendenti minn xulxin. L-imħallfin kollha jservu full time u jinħatru wara snin ta’ prattika.

L-entità ta’ taħriġ rilevanti hija l-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji tal-Kunsill Ġudizzjarju u dan iħarreġ biss imħallfin u mhux prosekuturi, avukati jew persunal tal-qorti.

Il-Kunsill Ġudizzjarju nħoloq fl-2019 u, minn dakinhar, kien hemm proċess formali ta’ taħriġ ġudizzjarju. Mill-ħatra ta’ Direttur tal-Istudji Ġudizzjarji, kull imħallef maħtur ġdid ġie offrut taħriġ ta’ induzzjoni. Dan it-taħriġ ta’ induzzjoni nħoloq għall-imħallfin ġodda kollha, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni. Filwaqt li ma huwiex obbligatorju, kull imħallef huwa meħtieġ jirrispetta d-direzzjonijiet raġonevoli tal-President tiegħu.

L-imħallfin kollha li jieħdu l-kors huma familjari mal-litigazzjoni u, normalment, jinħatru għal qorti partikolari sabiex jittieħed vantaġġ mill-ispeċjalità jew ħila ta’ dak l-imħallef. Għalhekk, it-taħriġ inizjali għandu jiżgura l-eċċellenza fl-approċċ għall-etika u l-imġiba ġudizzjarja u jippermetti t-taħriġ fil-ġestjoni tal-qorti għal dawk li kellhom ftit esperjenza jew l-ebda esperjenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Hemm workshops tal-etika, workshops tad-dinamika u l-ġestjoni tal-qorti u workshops tal-ġustizzja proċedurali. Il-konsulenti huma assenjati għall-imħallfin ġodda kollha u l-konsulenti nfushom huma mħarrġa formalment fil-ħiliet effettivi ta’ mentoraġġ u komunikazzjoni, anke b’fokus fuq l-imġiba etika.

It-taħriġ ġudizzjarju huwa kompletament imfassal u mmexxi mill-imħallfin. Id-Direttur tal-Istudji Ġudizzjarji, li huwa Mħallef tal-Qorti Superjuri fis-servizz, huwa assistit mill-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji, li jinkludi mħallfin minn kull ġuriżdizzjoni, fil-ħolqien ta’ programm annwali ta’ taħriġ għall-imħallfin kollha. Peress li għadu biss fit-tieni sena tiegħu, għadu fl-istadji ta’ żvilupp bikrin tiegħu u għalhekk hemm oqsma ta’ taħriġ li għad iridu jiġu indirizzati.

L-għadd ta’ apprendisti jiddependi kompletament fuq il-ħatriet f’sena partikolari. L-Irlanda għandha l-iżgħar għadd ta’ mħallfin per capita fl-Ewropa kif ukoll għandha popolazzjoni żgħira. Ma huwiex rari li t-taħriġ jiġi pprovdut b’avviż ta’ ġimgħa, lil imħallef wieħed. Hemm anqas minn 170 imħallef fil-pajjiż u jistgħu jgħaddu x-xhur bejn ħatra u oħra li tagħmilha diffiċli biex jiġi skedat taħriġ ta’ induzzjoni minn qabel jew li jiġi organizzat it-taħriġ fi gruppi.

Żur is-sit web għall-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji hawnhekk.

Aċċess għat-taħriġ inizjali

Sabiex jinħatar fil-ġudikatura wieħed jeħtieġlu jkun serva għal perjodu minimu fil-prattika bħala avukat u jkun wera fil-prattika grad ta’ kompetenza u grad ta’ integrità xierqa u konsistenti mal-ħatra kkonċernata. Għalhekk, informazzjoni dwar l-aċċess u r-reklutaġġ hija diffiċli biex tiġi applikata għall-ġudikatura fl-Irlanda. Hemm Bord Konsultattiv għall-Ħatriet Ġudizzjarji, entità statutorja indipendenti magħmula minn membri ġudizzjarji u membri mhux esperti li tirċievi applikazzjonijiet, tagħżel lil dawk bil-kwalifiki xierqa u tibgħat dawk l-ismijiet lill-Gvern għall-ħatra f’konformità mal-Kostituzzjoni. Huwa possibbli għal kandidat li jinħatar fil-gradi tal-ġudikatura mingħajr ma japplika mal-Bord Konsultattiv għall-Ħatriet Ġudizzjarji iżda dan rari ħafna jiġi eżerċitat.

Sabiex tinħatar fil-Qorti Suprema, fil-Qorti tal-Appell jew fil-Qorti Superjuri persuna jeħtiġilha tkun prattikat il-liġi għal minimu ta’ 12-il sena. Sabiex tinħatar fil-Qorti taċ-Ċirkwit jew fil-Qorti Distrettwali persuna trid tkun prattikat il-liġi għal minimu ta’ 10 snin. Fil-verità dawk maħtura għandhom ħafna aktar snin ta’ prattika mir-rekwiżit minimu. Il-persuni kollha rrakkomandati mill-bord jeħtiġilhom li jkunu wrew fil-prattika legali, grad ta’ kompetenza u grad ta’ integrità xierqa u konsistenti mal-ħatra kkonċernata u jkunu adattati abbażi tal-karattru u t-temperament. Ir-rapporti annwali tal-Bord huma hawnhekk.

Żur is-sit web tal-Bord Konsultattiv għall-Ħatriet Ġudizzjarji hawnhekk.

Format u kontenut tat-taħriġ inizjali

It-taħriġ ġudizzjarju għal imħallfin ġodda, issa fit-tieni sena tiegħu, ta prijorità lill-etika, lill-mentoraġġ, lill-induzzjoni u lix-xhieda vulnerabbli fil-qorti. Matul ix-xahar li għadda, it-taħriġ kollu sar online iżda sa dakinhar kien possibbli li jiġi organizzat taħriġ ta’ induzzjoni wiċċ imb wiċċ fi gruppi żgħar. Il-mentoraġġ u t-taħriġ fl-etika saru fil-biċċa l-kbira online.

L-etika – l-apprendisti jiġu diretti għall-Kostituzzjoni tal-Irlanda u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem iżda d-diskussjoni dwar l-etika ddur madwar il-Prinċipji ta’ Bangalore. Inħolqot preżentazzjoni bl-islajds, inizjalment immudellata fuq preżentazzjoni maħluqa mill-Kulleġġ Ġudizzjarju tal-Ingilterra u Wales iżda issa fiha ħafna aktar materjal u referenzi nazzjonali. Il-gruppi, mhux akbar minn 6 imħallfin f’kull grupp, iltaqgħu biex jiddiskutu l-islajds, li jimxu mal-prinċipji wieħed wieħed, filwaqt li jħarsu lejn varji eżempji prattiċi ta’ kwistjonijiet etiċi. Serje ta’ każijiet imbagħad jiġi mqassma, flimkien mal-islajds, sabiex ifakkru lill-parteċipanti dwar il-kontenut tal-kors. L-objettivi tal-apprendiment huma biex jiżguraw li l-imħallfin ikunu familjari mal-prinċipji li jiggwidaw l-imġiba ġudizzjarja u huma kapaċi japplikaw dawn il-prinċipji għal kwalunkwe dilemma etika li tqum matul il-ħin tagħhom fis-sedja.

Il-mentoraġġ – l-imħallfin kollha tal-prim’istanza huma assenjati konsulent għall-ewwel sena tagħhom. Il-qrati kolleġjali għandhom dinamika differenti u, normalment, il-persuna maħtura tkun diġà serviet bħala mħallef tal-prim’istanza. It-taħriġ jitwettaq minn kowċ tal-mentoraġġ esperjenzat, avukat preċedenti li rebaħ il-pożizzjoni wara proċess kompetittiv tal-akkwist li fih tliet entitajiet applikaw għall-kuntratt biex iħarrġu konsulenti ġudizzjarji.

Induzzjoni tal-Qorti – kull imħallef ġdid jagħmel il-kors tal-etika bħala prijorità u jingħata nofs jum fil-qorti mal-kollegi li matulu jiġu spjegati u diskussi l-ġustizzja proċedurali u d-dinamika tal-qorti. Ukoll, imħallef ġdid għandu l-opportunità li jisma’ diversi rikorsi ppreżentati u jiddiskutihom mal-kollegi qabel l-ewwel seduta tiegħu.

Xhieda Vulnerabbli – l-iskola tat-Taħriġ Ġudizzjarju Olandiż, l-SSR, assistiet fit-tfassil ta’ programm għall-implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva dwar il-Vittmi fl-Irlanda u dan jikkonsisti minn jum sħiħ ta’ taħriġ esperjenzali li jwassal għal logħob ta’ rwol b’attur fil-parti tal-vittma. It-taħriġ inizjali kien jinkludi jumejn għaliex l-imħallfin li qed jiġu mħarrġa kienu wkoll qed jitgħallmu jipprovdu t-taħriġ min-naħa tagħhom lill-kollegi tagħhom. L-objettiv tal-apprendiment kien, primarjament, li tkun evitata trawmatizzazzjoni mill-ġdid bla bżonn tal-vittmi fis-seduti tal-qorti. Il-metodoloġija kienet taħlita ta’ kelliema minn organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti (li jagħtu l-fehmiet tal-vittmi fir-rigward tal-proċess tal-qorti), eżerċizzji u informazzjoni biex jitwessa’ u jiġi approfondit l-għarfien ġudizzjarju tat-trawma, ir-reċensjonijiet tad-dritt Irlandiż u tal-UE rilevanti dwar il-vittmi u logħob ta’ simulazzjoni sabiex l-informazzjoni titqiegħed għal użu prattiku. Għall-aħħar żewġ korsijiet bħal dawn, il-ħarrieġa kienu mħallfin Irlandiżi mħarrġa mill-kollegi Olandiżi li jibqgħu disponibbli għas-superviżjoni u r-reċensjonijiet.

Id-Direttur qattgħet il-biċċa l-kbira tal-ewwel sena ta’ ħatra tagħha tattendi korsijiet ta’ taħriġ ġudizzjarju, fejn inizjalment iffokat fuq prinċipji ta’ taħriġ, induzzjoni u etika. F’dan ir-rigward, id-Direttur attendiet mill-anqas 15-il kors u lekċer tal-EJTN fl-2020/21, tliet korsijiet immexxija mill-Kulleġġ Ġudizzjarju tal-Ingilterra u Wales u anke diversi seminars fl-Iskozja u fl-Irlanda ta’ Fuq.

Peress li l-imħallfin ġodda kollha għandhom kwalifika fil-liġi u pprattikaw il-liġi għal ħafna snin, it-taħriġ lingwistiku fl-Ingliż legali ma huwiex meħtieġ. Wara l-ħatra tagħhom, saru disponibbli korsijiet speċifiċi għal imħallfin li jixtiequ jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom fl-ewwel lingwa uffiċjali, l-Irlandiż, sabiex tassistihom biex jippresjedu fuq kawżi mwettqa bil-lingwa Irlandiża.

Apparti dan ta’ hawn fuq, il-ġudikatura għandha għad-dispożizzjoni tagħha diversi kotba u manwali dwar is-sedja li ġew ikkompilati minn riċerkaturi ġudizzjarji impjegati mis-servizz tal-Qrati.

Għall-2022, se jkun hemm aktar fokus fuq proġetti dwar id-dritt tal-UE u d-dritt sostantiv għal imħallfin ġodda fit-taħriġ ipprovdut mill-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji.

Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u l-proċess tal-kwalifika

Il-mistoqsija finali rigward eżami jew proċedura ta’ aktar reklutaġġ mat-tlestija tat-taħriġ ma hijiex applikabbli fl-Irlanda. Ladarba jinħatru, l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew ħlief bi proċess ta’ denunzja għal imġiba ħażina jew inkapaċità ddikjarata li jkun jirrikjedi li tgħaddi riżoluzzjoni f’kull waħda miż-żewġ kmamar tal-Oireachtas (il-parlament Irlandiż).

Prosekuturi

Dan il-kontenut ma ġiex ipprovdut.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna