Deskrizzjoni ġenerali
Skont il-Liġi emendata tas-7 ta’ Ġunju 2012 dwar l-attachés de justice (imħallfin subalterni), ir-reklutaġġ u t-taħriġ inizjali ta’ mħallfin u prosekuturi futuri huwa organizzat mill-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ għall-attachés de justice. Il-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ hija magħmula esklużivament minn imħallfin u prosekuturi, li kważi kollha għandhom l-istatus ta’ kap ta’ qorti jew ta’ uffiċċju tal-prosekutur.
L-imħallfin fil-qrati ordinarji u fil-qrati amministrattivi u l-prosekuturi pubbliċi kollha jsegwu l-istess taħriġ inizjali.
Aċċess għat-taħriġ inizjali
L-imħallfin fil-qrati ordinarji u fil-qrati amministrattivi u l-prosekuturi pubbliċi kollha jiġu reklutati f’konformità mal-istess arranġamenti u proċeduri.
Sabiex japplikaw, il-kandidati jridu:
- ikollhom nazzjonalità Lussemburgiża;
- ikunu jgawdu drittijiet ċivili u politiċi sħaħ;
- ikunu kapaċi jippreżentaw il-garanziji kollha meħtieġa ta’ reputazzjoni tajba;
- ikollhom lawrja ta’ Masters fil-liġi jew ekwivalenti;
- ikunu kapaċi jitkellmu u jiktbu b’mod fluwenti l-Lussemburgiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż;
- ikunu lestew traineeship ta’ avukat jew nutar ta’ mill-inqas sena;
- ikollhom il-kapaċitajiet fiżiċi u mentali meħtieġa: jagħmlu eżami mediku u eżami psikoloġiku.
Hemm żewġ toroq biex wieħed jidħol fil-ġudikatura, jiġifieri r-reklutaġġ permezz ta’ eżami tad-dħul u r-reklutaġġ abbażi ta’ fajl ta’ applikazzjoni.
Reklutaġġ permezz ta’ eżami tad-dħul
L-eżami tad-dħul jikkonsisti fi tliet testijiet bil-miktub.
L-applikanti jabbozzaw deċiżjonijiet tal-qorti jew atti proċedurali fl-oqsma li ġejjin: id-dritt ċivili u l-proċedura ċivili/id-dritt kriminali u l-proċedura kriminali/id-dritt amministrattiv u l-litigazzjoni amministrattiva.
It-testijiet ta’ reklutaġġ jiġu organizzati mill-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ. Huma l-membri ta’ dik il-Kummissjoni li jimmarkaw l-eżamijiet.
Il-kandidati jiġu reklutati fl-ordni tal-klassifikazzjoni tagħhom.
Reklutaġġ abbażi ta’ fajl ta’ applikazzjoni
Jekk l-eżami għad-dħul fil-ġudikatura jonqos milli jagħti n-numru ta’ attachés de justice stabbilit kull sena mill-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ twettaq reklutaġġ abbażi tal-fajls tal-applikazzjoni.
Dan il-metodu ta’ reklutaġġ huwa miftuħ biss għall-kandidati li jkollhom ċertifikat li jikkonferma t-tlestija ta’ traineeship ġudizzjarju u li jkunu pprattikaw bħala avukat għal perjodu totali ta’ mill-inqas 5 snin.
Il-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ tistieden lill-kandidati għal intervista personali. Fl-intervisti jieħu sehem psikologu u dan jippreżenta opinjoni motivata dwar kull kandidat.
Il-Kummissjoni tar-Reklutaġġ u t-Taħriġ tagħżel il-kandidati li jirnexxu. Il-kriterji tal-għażla huma r-riżultati tal-eżamijiet finali dwar korsijiet addizzjonali fid-dritt Lussemburgiż u l-eżami li jsir fi tmiem it-traineeship, l-esperjenza professjonali, kwalunkwe kwalifika addizzjonali u kwalunkwe pubblikazzjoni.
Forma u kontenut tat-taħriġ inizjali
L-attachés de justice għandhom perjodu ta’ prova ta’ 12-il xahar. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ 12-il xahar. Huwa maqsum f’żewġ partijiet:
L-ewwel parti tikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’korsijiet, seminars u żjarat ta’ studju. Isiru testijiet bil-miktub u orali. Hemm kollaborazzjoni mal-École Nationale de la Magistrature (Franza, ENM). It-taħriġ jiġi organizzat f’Bordeaux (Franza) u fil-Lussemburgu fuq perjodu ta’ 4 xhur.
It-tieni parti tikkonsisti f’kollokament prattiku f’qorti jew uffiċċju tal-prosekutur. L-attachés de justice ikollhom mentoraġġ ipprovdut minn membri speċjalizzati tal-ġudikatura. Huma jistgħu jinħatru biex jissostitwixxu mħallef jew prosekutur pubbliku. Jiġu vvalutati l-ħiliet professjonali u l-kwalitajiet umani tagħhom.
Tlestija tat-taħriġ inizjali u l-proċess ta’ kwalifika
Meta l-attachés de justice jkunu temmew b’suċċess il-perjodu ta’ prova tagħhom, jistgħu jinħatru għall-funzjonijiet ta’ mħallef f’qorti distrettwali, imħallef tal-qorti amministrattiva jew bħala viċi prosekutur pubbliku.
Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni vakanti fil-ġudikatura, il-persuni kkonċernati jistgħu jinħatru definittivament bħala attachés de justice.