Skip to main content

Taħriġ inizjali ta’ mħallfin u prosekuturi fl-Unjoni Ewropea

Il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
Il-Kroazja
Flag of Croatia

Deskrizzjoni ġenerali

L-Iskola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Iskola tal-Istat”) hija unità organizzazzjonali tal-Akkademja Ġudizzjarja u hija inkarigata mit-taħriġ inizjali tal-imħallfin u tal-prosekuturi. L-Akkademja Ġudizzjarja hija istituzzjoni pubblika stabbilita mill-Ministeru għall-Ġustizzja u għall-Amministrazzjoni fl-2010 li tipprovdi t-taħriġ kontinwu tal-uffiċjali ġudizzjarji (jiġifieri l-imħallfin u l-prosekuturi) u l-konsulenti ġudizzjarji, it-taħriġ inizjali tal-apprendisti ġudizzjarji u tal-kandidati għall-imħallfin u għall-prosekuturi tal-futur, kif ukoll it-taħriġ professjonali tal-iskrivani fil-ġudikatura u parteċipanti oħrajn fil-proċedimenti quddiem korpi ġudizzjarji (l-Att dwar l-Akkademja Ġudizzjarja, Narodne novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Nru 54/2019).

It-taħriġ inizjali tal-imħallfin u tal-prosekuturi huwa obbligatorju u jdum sena. Fil-ġenerazzjoni ta’ studenti tal-2021-2022 tal-Iskola tal-Istat, hemm 97 student reġistrati bl-istatus ta’ impjegati taċ-ċivil imqabbdin bħala konsulenti f’korpi ġudizzjarji. L-Iskola tal-Istat tipprovdi l-kisba tal-ħiliet u tal-għarfien li huma neċessarji għall-prestazzjoni awtonoma, akkontabbli, indipendenti u mhux preġudikata tad-dmirijiet tal-imħallfin li jippresjedu l-qrati muniċipali, kummerċjali u amministrattivi, kif ukoll id-dmirijiet tad-deputati prosekuturi muniċipali.

Aċċess għat-taħriġ inizjali

Il-persuni impjegati b’mod permanenti fis-servizz ċivili u assenjati għall-karigi ta’ konsulenti ġudizzjarji huma meħtieġa jattendu l-Iskola tal-Istat. Il-konsulenti ġudizzjarji huma impjegat fis-servizz ċivili fuq il-bażi tat-tħabbiriet pubbliċi għal dawn il-karigi f’konformità mal-Att dwar il-Ħaddiema taċ-Ċivil (Narodne novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Nri. 92/2005, 140/2005, 142/2006, 77/2007, 107/2007, 27/2008, 34/2011, 49/2011, 150/2011, 34/2012, 38/2013, 37/2013, 1/2015, 138/2015, 102/2015, 61/2017, 70/2019, 98/2019). Il-kandidati għall-karigi ta’ konsulenti ġudizzjarji jeħtieġ li jkunu lestew l-istudji universitarji fil-qasam tal-liġi u jgħaddu mill-Eżami tal-Avukatura.

Il-Kummissjoni għall-Ipproċessar tas-Sejħa Pubblika tinħatar mill-kap tal-korp ġudizzjarju kompetenti. Il-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti formali jeħtieġ li jagħmlu test bil-miktub u jippreżentaw lilhom infushom għal intervista strutturata. It-test bil-miktub jikkonsisti fil-valutazzjoni tal-għarfien, tal-kompetenzi u tal-ħiliet tal-kandidati. L-aqwa kandidati li japplikaw għall-karigi ta’ konsulenti ġudizzjarji fl-uffiċċji tal-prosekuzzjoni pubblika jeħtieġ li jagħmlu kontroll tas-sigurtà mwettaq mill-Aġenzija tas-Sigurtà u tal-Intelligence.

Format u kontenut tat-taħriġ inizjali

It-taħriġ professjonali jsir primarjament billi jissaħħu l-ħiliet u l-għarfien prattiku li huma neċessarji għat-twettiq tad-dmirijiet fil-korpi ġudizzjarji. Huwa magħmul minn workshops organizzati mill-Akkademja Ġudizzjarja u mill-ħidma prattika fil-korpi ġudizzjarji u, jekk meħtieġ, f’korpi statali oħrajn. Il-parti teoretika tal-programm tat-taħriġ ġudizzjarju hija l-istess għall-istudenti kollha tal-Iskola tal-Istat irrispettivament mill-kariga tal-kandidati, li jistgħu jkunu mħallfin futuri jew prosekuturi futuri, u irrispettivament mill-qasam tal-liġi li jittrattaw fil-korp ġudizzjarju li jaħdmu fih. Il-Programm ta’ Taħriġ Ġudizzjarju huwa adottat mill-Kunsill ta’ Tmexxija wara l-proposta tal-Kunsill tal-Programm tal-Akkademja Ġudizzjarja. Matul it-taħriġ prattiku tagħhom, l-istudenti jkollhom is-superviżuri tagħhom li jimmonitorjaw ix-xogħol tagħhom u jħejjuhom għal prestazzjoni awtonoma, akkontabbli, indipendenti u mhux preġudikata tad-dmirijiet ġudizzjarji.

Fis-sena akkademika 2021/2022, b’kollox qegħdin jiġu organizzati 23 workshop ta’ ġurnata għall-istudenti tal-Iskola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji li jkopru d-dritt ċivili u kriminali, id-dritt amministrattiv, id-dritt tal-UE, l-etika u l-ħiliet. Bħala regola, il-workshops jiġu organizzati wiċċ imb wiċċ u l-ħarrieġa huma uffiċjali ġudizzjarji (jiġifieri mħallfin u prosekuturi), professuri tal-università jew esperti oħrajn.

Fid-dawl tad-dritt tal-UE, attenzjoni partikolari hija ddedikata għar-rinviju tad-deċiżjonijiet preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni transfruntiera u tiftix tal-ġurisprudenza fil-CURIA. Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), tal-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) u f’attivitajiet internazzjonali oħrajn hija volontarja, kif ukoll it-taħriġ f’lingwa barranija.

Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u tal-proċess ta’ kwalifika

L-Eżami Finali jsir quddiem il-Kummissjoni għall-Eżami Finali fl-Iskola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji (skont l-Ordinanza dwar l-Eżami Finali fl-Iskola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji, Narodne novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Nru 25/2020, 108/2020). Il-Kummissjoni għall-Eżami Finali tikkonsisti f’ħames membri, jiġifieri żewġ imħallfin tal-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja, imħallef tal-qorti superjuri u żewġ Deputati tal-Prosekutur Kap tal-Istat. Il-Kummissjoni hija nnominata mill-Kunsill tat-Tmexxija tal-Akkademja Ġudizzjarja.

L-Eżami Finali jikkonsisti f’parti bil-miktub u f’parti orali li tivvaluta l-għarfien u l-ħiliet prattiċi miksubin meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet ġudizzjarji permezz ta’ eżempji prattiċi u sitwazzjonijiet ta’ problema.

L-Eżami Finali fl-Iskola tal-Istat jista’ jsir anki minn persuni li ma jkunux attendew l-Iskola tal-Istat u li, malli jgħaddu mill-Eżami tal-Avukatura, ikunu kisbu minimu ta’ 4 snin esperjenza ta’ xogħol fil-qasam tal-materji legali. L-Eżami Finali jista’ jsir darbtejn u l-kandidati li jkunu kisbu minimu ta’ 225 punt jitqiesu li għaddew mill-Eżami Finali. L-ogħla numru ta’ punti li jista’ jinkiseb fl-Eżami Finali huwa ta’ 300.

Meta jgħaddu mill-Eżami Finali, il-kandidati għal imħallfin tal-prim’istanza japplikaw għall-pożizzjonijiet vakanti mħabbrin mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat, filwaqt li l-kandidati għal deputati prosekuturi muniċipali japplikaw għall-pożizzjonijiet vakanti mħabbrin mill-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Istat. Il-kandidati jistgħu jiksbu massimu ta’ 15-il punt fl-intervista strutturata quddiem il-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat jew il-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Istat. Il-kandidati bl-ogħla numru totali ta’ punti jirċievu struzzjonijiet mingħand iż-żewġ Kunsilli, rispettivament, għall-ittestjar psikoloġiku u għal kontroll tas-sigurtà mill-Aġenzija tas-Sigurtà u tal-Intelligence.

Imbagħad, il-kandidati għall-karigi ta’ mħallfin tal-prim’istanza jinħatru mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat, filwaqt li l-kandidati għall-karigi ta’ deputati prosekuturi muniċipali jinħatru mill-Kunsill tal-Prosekuzzjoni tal-Istat.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna