Deskrizzjoni ġenerali
Il-ġudikatura Awstrijaka hija inkarigata mit-taħriġ inizjali tal-imħallfin ordinarji u tal-prosekuturi pubbliċi. L-ispjegazzjoni li ġejja tirreferi biss għal dawn il-gruppi ta’ professjonisti legali.
Il-fażi tat-taħriġ inizjali għall-imħallfin u għall-prosekuturi pubbliċi fl-Awstrija hija obbligatorja u organizzata kif ukoll imwettqa mill-Presidenti tal-erba’ Qrati Reġjonali Superjuri (Vjenna, Graz, Linz, u Innsbruck). Għall-kuntrarju ta’ xi pajjiżi oħrajn, fl-Awstrija ma hemm l-ebda Skola jew Akkademja Ġudizzjarja, iżda, minflok, jittieħed approċċ ta’ taħriġ deċentralizzat.
L-imħallfin u l-prosekuturi apprendisti jagħmlu l-istess taħriġ inizjali ta’ 4 snin; ma hemm l-ebda speċjalizzazzjoni matul din il-fażi.
L-elementi bażiċi tat-taħriġ inizjali huma ddefiniti mill-Att dwar il-Liġi tas-Servizz tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi u mir-Regolament dwar it-Taħriġ għall-Imħallfin Apprendisti.
Id-disinn u l-kontenut speċifiċi tat-taħriġ inizjali huma ddeterminati mill-Presidenti tal-Qrati Reġjonali Superjuri.
Sal-1 ta’ Lulju 2021, kien hemm 180 imħallef u prosekutur pubbliku apprendist.
Aċċess għat-taħriġ inizjali
Wara li jiggradwaw mill-kors tal-liġi, kull gradwat ikun intitolat jagħmel “prattika fil-qrati” fuq 7 xhur, li hija rekwiżit legali għall-ipprattikar ta’ professjoni legali “klassika” (jiġifieri mħallef, prosekutur pubbliku, avukat u nutar). Meta japplikaw għall-prattika fil-qrati, l-applikanti jkunu meħtieġa jiddikjaraw jekk hux qed ifittxu li jidħlu fis-servizz preparatorju ġudizzjarju (jiġifieri jsiru mħallef jew prosekutur pubbliku). Dikjarazzjoni retroattiva hija possibbli f’ċerti ċirkustanzi.
Il-proċedura tal-għażla għall-ammissjoni fis-servizz preparatorju ġudizzjarju titmexxa mill-Qorti Reġjonali Superjuri kompetenti, fuq il-bażi tal-post ta’ residenza tal-applikant.
Il-prattika fil-qrati tikkonsisti f’assenzjazzjonijiet twal xahrejn sa 3 xhur fi qrati ordinarji differenti li jittrattaw materji tad-dritt ċivili u kriminali.
Wara l-ewwel assenzjazzjoni, kull applikant jeħtieġlu jagħmel test quddiem il-President tal-Qorti Reġjonali kompetenti, li jkopri s-suġġetti tal-assenzjazzjoni ta’ qabel. Jekk l-applikant jgħaddi mit-test, ikun intitolat jieħu sehem fis-sessjoni li jmiss tal-proċedura tal-għażla.
It-tieni sessjoni tikkonsisti f’żewġ eżamijiet bil-miktub fuq id-dritt ċivili u kriminali, li fihom l-applikanti jridu jabbozzaw deċiżjoni tal-qorti fuq il-bażi ta’ proċess tal-qorti propju. Dawn l-eżamijiet idumu ħames sigħat kull wieħed. L-abbozzi tad-deċiżjonijiet jiġu evalwati minn imħallfin jew minn prosekuturi pubbliċi involuti fit-taħriġ inizjali.
Dawk l-applikanti li jgħaddu mit-tieni sessjoni, imorru għat-tielet sessjoni li tikkonsisti f’erba’ eżamijiet orali (id-dritt ċivili, il-proċedura ċivili, id-dritt kriminali, il-proċedura kriminali) li wkoll isiru quddiem imħallfin involuti fit-taħriġ inizjali.
L-applikanti kollha li jgħaddu mis-sessjonijiet tal-għażla preċedenti jiġu mistidnin għal intervista quddiem il-President tal-Qorti Reġjonali Superjuri kompetenti, kif ukoll quddiem rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Anzjan u tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Awstrijaki.
Imbagħad, il-President tal-Qorti Reġjonali Superjuri jinnomina lill-applikanti magħżulin lill-Ministeru Federali għall-Ġustizzja, fuq il-bażi tar-riżultati tas-sessjonijiet tal-għażla kif ukoll tal-valutazzjonijiet standardizzati bil-miktub abbozzati mill-imħallfin inkarigati mit-taħriġ matul l-assenzjazzjonijiet fil-qrati.
Fl-aħħar nett, il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja jistieden lill-applikanti nominati għal intervista finali.
Imbagħad, il-Ministru Federali għall-Ġustizzja jaħtar lill-applikanti magħżulin bħala mħallfin u prosekuturi apprendisti.
L-eżamijiet u l-intervisti kollha msemmijin hawn fuq jistgħu jsiru darba biss; il-proċedura tal-għażla kollha ddum bejn wieħed u ieħor 14-il xahar.
Meta jkun neċessarju, avukati mħarrġin għalkollox jiġu mistidnin japplikaw għal pożizzjoni miftuħa ta’ mħallef apprendist. Iridu jagħmlu fażi adattata ta’ taħriġ inizjali u eżami supplimentari.
Format u kontenut tat-taħriġ inizjali
Il-fażi inizjali ta’ taħriġ li tieħu 4 snin issegwi approċċ imsejjes fuq ix-xogħol. Dan ifisser li l-imħallfin u l-prosekuturi apprendisti jiġu assenjati f’qorti jew f’uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fi kwalunkwe waqt matul it-taħriġ inizjali tagħhom.
Il-kompitu ewlieni tagħhom huwa li jassistu lill-imħallef jew lill-prosekutur pubbliku rispettiv billi jabbozzaw deċiżjonijiet ġudizzjarji, imexxu seduti, jirrappreżentaw l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku matul il-proċessi, eċċ., kollha taħt is-superviżjoni tal-imħallef jew tal-prosekutur ħarrieġ rispettiv.
Dawn l-assenzjazzjonijiet jdumu bejn xahrejn sa 4 xhur kull wieħed u jkopru l-qrati tal-istanzi kollha (jiġifieri l-Qrati Distrettwali, il-Qrati Reġjonali, il-Qrati Reġjonali Superjuri, eċċ.), l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku iżda wkoll id-ditti legali.
Minbarra dawn l-assenzjazzjonijiet fil-qrati, l-imħallfin u l-prosekuturi apprendisti kollha jagħmlu assenzjazzjoni ta’ ġimagħtejn f’organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-vittmi kif ukoll assenzjazzjoni ta’ 3 ġimgħat f’faċilità korrettiva.
Barra minn hekk, l-imħallfin u l-prosekuturi apprendisti kollha jsegwu klassijiet teoretiċi li jkopru d-dritt ċivili, id-dritt kriminali, id-dritt tal-familja, id-dritt tal-UE, id-dritt amministrattiv u kostituzzjonali, il-ħiliet ġudizzjarji u diġitali, eċċ.
Barra minn hekk, kull imħallef u prosekutur apprendist jrid ilesti kurrikuli fuq id-Drittijiet tal-Bniedem u Fundamentali kif ukoll fuq l-Istorja tal-Ġustizzja tal-Awstrija.
Il-klassijiet teoretiċi jikkonsistu fi preżentazzjonijiet, fi gruppi ta’ ħidma, f’workshops, eċċ. F’materji legali, fil-parti l-kbira l-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi qed jintużaw bħala ħarrieġa. Għat-taħriġ fil-ħiliet personali, il-ġudikatura Awstrijaka primarjament tibbaża fuq esperti mill-fergħa rispettiva.
Minbarra l-programm nazzjonali ta’ taħriġ, l-imħallfin u l-prosekuturi apprendisti huma mistidnin u mħeġġin jieħdu sehem fl-attivitajiet internazzjonali ta’ taħriġ, bħal dawk previsti mill-EJTN u mill-ERA.
Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u tal-proċess ta’ kwalifika
L-eżami finali jseħħ fl-aħħar 4 xhur tal-fażi tat-taħriġ inizjali (l-Artikolu 20 tal-RStDG, ara l-Link fit-taqsima tad-Deskrizzjoni ġenerali). Jikkonsisti f’żewġ eżamijiet bil-miktub (id-dritt ċivili u kriminali), li fihom l-apprendist jrid jabbozza deċiżjoni waħda bbażata fuq proċessi tal-qorti propji matul perjodu ta’ għaxar sigħat. Barra minn hekk, l-eżami finali jikkonsisti f’eżami orali quddiem kummissjoni li tinvolvi erba’ mħallfin/prosekuturi pubbliċi (wieħed minnhom ikun il-President tal-Qorti Reġjonali Superjuri kompetenti) u avukat. L-eżami orali jkopri d-dritt kriminali, id-dritt proċedurali kriminali, id-dritt ċivili, id-dritt proċedurali ċivili, id-dritt kummerċjali, id-dritt kostituzzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-kunċetti bażiċi tad-dritt amministrattiv, it-tmexxija tas-seduti, id-dritt dwar is-servizz u d-dritt Ewropew. L-eżami orali ma jsirx fil-pubbliku u jdum tal-anqas sagħtejn. L-eżami jista’ jiġi rripetut darba.
Wara t-tlestija b’suċċess tal-eżami finali u tal-4 snin ta’ taħriġ inizjali, l-imħallef apprendist jkun eliġibbli sabiex jinħatar imħallef jew prosekutur pubbliku. Għal dan l-għan, l-apprendist jrid japplika għal pożizzjoni vakanti. L-applikanti kollha jiġu kklassifikati minn kumitat wieħed jew minn tnejn (skont il-pożizzjoni li jkunu applikaw għaliha) li jikkonsistu f’imħallfin eletti mill-pari, fuq il-bażi tal-idoneità tagħhom għall-pożizzjonijiet rispettivi. Il-kumitat jissottometti lista qasira bi klassifikazzjoni tat-tliet applikanti għal kull pożizzjoni miftuħa lill-Ministru Federali għall-Ġustizzja, li jaħtar l-imħallef jew il-prosekutur pubbliku skont il-lista qasira.