Deskrizzjoni ġenerali
Skont l-Att Nru 548/2003 dwar l-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka, l-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka torganizza taħriġ inizjali fir-rebbiegħa u l-ħarifa tul is-sena. L-għan ta’ dan it-tip ta’ taħriġ huwa li l-kandidati ġudizzjarji jiġu mgħarrfa bl-iżvilupp fit-teorija u l-prattika tas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-prattika l-qorti f’kuntest Ewropew aktar wiesa’. It-taħriġ ikopri wkoll il-ħiliet u l-abitudnijiet lavorattivi meħtieġa biex wieħed isir imħallef jew prosekutur.
Aċċess għat-taħriġ inizjali
It-taħriġ inizjali huwa għall-imħallfin-kandidati, prosekuturi-kandidati, uffiċjali għolja tal-qrati u assistenti tal-imħallfin tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka. Skont l-Att Nru 548/2003 dwar l-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka § 3, it-taħriġ inizjali huwa obbligatorju u għal din ir-raġuni mhuwiex f’għamla ta’ kompetizzjoni u huwa miftuħ għall-applikanti kollha. L-informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tinsab fuq is-sit web tagħna fejn nagħtu informazzjoni dwar il-kontenut, il-lectures u d-data.
Il-format u l-kontenut tat-taħriġ inizjali
It-taħriġ jinqasam f’2 partijiet (4 ijiem ta’ taħriġ). L-ewwel parti tkopri l-liġi tal-istatut tal-imħallfin, l-akkontabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin u l-etika tal-imħallfin, ir-Regola tat-Tmexxija u l-applikazzjoni tagħhom, it-tħaddim tar-reġistri u tas-sistema ta’ informazzjoni u l-ġurisprudenza tal-qrati lokali u barranin.
It-tieni parti tkopri l-prova (taħriġ) ta’ sentenza mhux penali u ta’ sentenza penali, is-sehem tal-pubbliku u l-preżenza tal-media fl-awla tal-qorti, prattika tal-ħiliet fl-awla, l-apprendiment ta’ ħiliet prattiċi, l-apprendiment tal-aspetti proċedurali u abitudnijiet meħtieġa għall-eżerċitar tal-kariga ta’ mħallef, analiżi prattika tal-kawżi, l-abbiltà ta’ raġunament adegwat tas-sentenzi u segwiment tal-proċedura mingħajr dewmien indebitu.
Terminazzjoni tal-proċess ta’ taħriġ u kwalifika inizjali
L-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka tippjana u torganizza żewġ sessjonijiet ta’ Eżamijiet Ġudizzjarji professjonali fir-rebbiegħa u fil-ħarifa ta’ kull sena għall-imħallfin-kandidati, prosekuturi-kandidati, uffiċjali għolja tal-qrati u assistenti tal-imħallfin tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka li jsiru bil-miktub u bil-fomm. L-eżami ġudizzjarju professjonali bil-fomm isir mill-Bordijiet tal-Eżamijiet, li jiġu nnominati mill-Bord tal-Akkademja Ġudizzjarja tar-Repubblika Slovakka. Il-membri tal-Bordijiet tal-Eżamijiet kif ukoll il-membri sostituti tal-Bordijiet tal-Eżamijiet jiġu eletti għal mandat ta’ tliet snin.