Skip to main content

Talbiet żgħar

Flag of Romania
Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

L-Artikoli 1026-1033 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2013, jirregolaw b’mod speċifiku din il-proċedura ta’ talbiet żgħar.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

L-Artikolu 1026 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jistipula illi l-valur tat-talba, mingħajr interessi, spejjeż tal-kawża u dħul anċillari ieħor, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ RON 10 000 dakinhar tal-preżentata l-qorti.

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 220/2022 tal-15 ta’ Lulju 2022 dwar l-adattament ta’ ċerti miżuri li rriżultaw ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja matul l-istat ta’ emerġenza ddikjarat sabiex jiġu evitati u miġġielda l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, it-Titolu X Proċedura għal Talbiet Żgħar tal-Ktieb VI tal-Liġi Nru 134/2010, ippubblikat mill-ġdid, għandu japplika meta l-valur tat-talba, mingħajr imgħax, spejjeż legali u dħul anċillari ieħor, ma jaqbiżx RON 50 000 fid-data tar-rinviju lill-qorti. F’konformità mal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 220/2022, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sena mit-22 ta’ Lulju 2022 (id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi).

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid, il-proċedura għal talbiet żgħar hija opzjoni. Ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-proċedura għal talbiet żgħar u l-proċedura ordinarja tal-qorti. Jekk ir-rikorrent ikun deher quddiem il-qorti biex jippreżenta t-talba tiegħu, din tiġi solvuta skont il-proċedura ordinarja, sakemm, mhux aktar tard mill-ewwel seduta ta’ smigħ, ma jkunux talab b’mod ċar għall-applikazzjoni tal-proċedura speċjali. Meta’ talba ma tistax tiġi solvuta skont il-proċedura għal talbiet żgħar, il-qorti tista’ tinnotifika lir-rikorrent b’dan u jekk huwa ma jirtirax it-talba tiegħu, din tiġi solvuta skont id-dritt komuni. Il-qorti kompetenti biex issolvi t-talba fil-prim’istanza hija l-qorti distrettwali. Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija stabbilita skont id-dritt komuni.

1.3 Formoli

L-ordni Nru 359/C tad-29 ta’ Jannar 2013 tal-Ministeru tal-Ġustizzja li japprova l-formoli użati fil-proċedura għal talbiet żgħar pprovduti mill-Artikoli 1025-1032 tal-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi formola standard obbligatorja għall-proċedura għal talbiet żgħar. Il-formoli standard huma: il-formola ta’ applikazzjoni, il-formola li temenda u/jew tikkoreġi l-formola ta’ applikazzjoni, u l-formola għar-risposta.

1.4 Assistenza

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 861/2007, kif emendat, l-assistenza prattika fil-mili tal-formola ta’ rikors tiġi pprovduta mill-avukati maħtura għal dan il-għan fuq bażi ta’ rotazzjoni, kull 3 xhur, bħala parti mis-servizz ta’ assistenza ġudizzjarja minn kull kamra tal-avukati. Il-lista ta’ avukati hekk maħtura u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jidhru fuq is-sit web tal-Unjoni Nazzjonali tal-Kmamar tal-Avukati Rumeni u ta’ kull kamra, u tiġi kkomunikata lil kull qorti għall-wiri fil-bini tagħhom u fil-portal tal-qorti. Għall-assistenza prattika pprovduta, l-avukat huwa intitolat għal onorarju, li huwa stabbilit mill-protokoll konkluż, f’konformità mal-liġi, għad-determinazzjoni tal-onorarji li jridu jitħallsu lill-avukati għall-għoti ta’ servizzi ta’ għajnuna legali u ekstraġudizzjarji. L-avukat ma għandux ikun intitolat li jirċievi mingħand il-persuna assistita kwalunkwe remunerazzjoni jew premju ieħor, fi kwalunkwe forma (l-Artikolu 1 tal-Artikolu I^10 tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ ċerti Regolamenti Komunitarji mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvat bil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata).

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Il-Qorti tista’ wkoll tippermetti provi oħra minbarra s-sottomissjonijiet tal-partijiet. Madankollu, l-evidenza li hija sproporzjonatament għalja biex tinġabar meta mqabbla mal-valur tat-talba jew tal-kontrotalba ppreżentata ma tiġix ammessa.

1.6 Proċedura bil-miktub

L-Artikolu 1029 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jgħid illi r-rikorrent jibda proċedura għal talbiet żgħar meta’ jimla l-formola ta’ applikazzjoni u jissottomettiha jew jibgħata lill-qorti kompetenti bil-posta jew b’mezzi oħra li jassiguraw it-trażmissjoni u r-rikonoxximent tal-irċevuta. Il-kopji tas-sottomissjonijiet illi r-rikorrent beħsiebu juża wkoll jiġu sottomessi jew mibgħuta mal-formola ta’ applikazzjoni. Jekk l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrent mhix ċara jew xierqa biżżejjed, jew jekk il-formola ta’ applikazzjoni ma ġietx mimlija kif suppost, il-qorti toffri lir-rikorrent il-possibiltà li jimliha jew jikkoreġiha jew li jissottometti informazzjoni jew dokumenti addizzjonali, ħlief f’każijiet fejn it-talba hija manifestament infondata jew inammissibbli. Talba tiġi miċħuda jekk hija manifestament infondata jew inammissibbli. Jekk ir-rikkorent ma jimlix jew ma jikkoreġix il-formola ta’ applikazzjoni fiż-żmien indikat mill-qorti, it-talba tiġi miċħuda.

Il-proċedura għal talbiet żgħar hija proċedura bil-miktub u sseħħ kollha hemm hi fl-awla tal-qorti. Il-qorti tista’ tordna lill-partijiet biex jidhru l-qorti jekk hija tqis illi l-preżenza tagħhom hija meħtieġa jew fuq talba ta’ kull waħda mill-partijiet. Il-qorti tista’ tirrifjuta din it-talba meta tqis illi ma hemmx bżonn ta’ seduti orali minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ. Ir-raġunijiet għar-rifjut jingħataw bil-miktub u ma jistgħux jiġu appellati.

Wara li tkun irċeviet formola ta’ applikazzjoni mimlija kif suppost, il-qorti tibgħat il-formola għar-risposta lill-intimat, flimkien ma’ kopja tal-formola ta’ applikazzjoni u kopji tas-sottomissjonijiet tar-rikorrent. L-intimat irid jissottometti l-formola għar-risposta mimlija kif suppost fi żmien 30 ġurnata min-notifika tad-dokumenti, kif ukoll kopji tad-dokumenti li beħsiebu juża. L-intimat jista’ jwieġeb b’kull mezz xieraq ieħor, mingħajr ma juża l-formola għar-risposta. Il-qorti immedjatament tinnotifika lir-rikorrent bil-kopji tar-risposta tal-intimat, bil-kontrotalba, jekk tapplika, u bis-sottomissjonijiet tal-intimat. Jekk l-intimat ippreżenta kontrotalba, ir-rikorrent irid jissottometti l-formola għar-risposta mimlija kif suppost jew iwieġeb b’kull mezz ieħor fi żmien 30 ġurnata mid-data tan-notifika. Kontrotalba, li ma tistax tiġi kkunsidrata f’din il-proċedura, tiġi separata mill-bqija tad-dokumenti u tiġi trattata skont il-proċedura ordinarja. Il-qorti tista’ titlob lill-partijiet biex jipprovdu aktar informazzjoni matul iż-żmien iffissat għal dan il-għan, li ma jistax jaqbeż 30 ġurnata mid-data tal-wasla tar-risposta tal-intimat jew fejn applikabbli, tar-rikorrent. Jekk il-qorti tkun iffissat perjodu ta’ żmien għall-partijiet biex jidhru quddiem il-qorti, huma jridu jiġu nnotifikati b’ċitazzjoni. Meta l-qorti tkun iffissat perjodu ta’ żmien għat-tlestija ta’ pass proċedurali, hija tinnotifika lill-parti interessata bil-konsegwenzi jekk ma tosservax dak il-perjodu.

Il-qorti tagħti s-sentenza tagħha fi żmien 30 ġurnata minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa jew, fejn applikabbli, mis-seduta ta’ smigħ. Jekk ma tirċevix l-ebda risposta mill-parti interessata fil-perjodu ta’ żmien indikat, hija tagħti s-sentenza fuq it-talba prinċipali jew fuq il-kontrotalba b’rabta mal-atti mehmuża fl-atti tal-kawża. Is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-prim'istanza ssir eżekuttiva mid-data tal-għoti tagħha u tiġi nnotifikata lill-partijiet.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Sentenza dwar talbiet żgħar ma fihiex kontenut differenti minn oħrajn.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

L-Artikolu 1032 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jgħid illi l-parti t-telliefa hija responsabbli mill-ispejjeż tal-kawża fuq talba tal-parti l-oħra. Madankollu, il-qorti ma tordnax il-ħlas ta’ spejjeż mhux meħtieġa lill-parti r-rebbieħa jew spejjeż li huma sproporzjonati meta’ mqabbla mal-valur tat-talba.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

L-Artikolu 1033 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jipprovdi illi s-sentenza tal-qorti hija soġġetta għal appell quddiem it-tribunal fi żmien 30 ġurnata min-notifika tagħha biss. Jekk ikun hemm raġunijiet, il-qorti tal-appell tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni jekk titħallas garanzija ta’ 10 % tal-valur kontestat. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tiġi nnotifikata lill-partijiet u hija finali.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna