Skip to main content

Talbiet żgħar

Flag of Estonia
L-Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Ir-regoli proċedurali nazzjonali għall-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw il-kawżi ċivili huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik).

Skont l-Artikolu 403 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tista’, bil-kunsens tal-partijiet, tagħti deċiżjoni mingħajr seduta.

Skont l-Artikolu 404 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tista’ tordna li kawża li tinvolvi azzjoni b’valur monetarju tiġi ttrattata permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk il-valur tal-kawża ma jaqbiżx ammont li jikkorrispondi għal €4,500 għat-talba prinċipali u għal €8,000 flimkien mat-talbiet anċillari.

Skont l-Artikolu 405 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti teżerċita diskrezzjoni ġusta u tista’ tittratta azzjoni permezz tal-proċedura simplifikata, filwaqt li tosserva biss il-prinċipji proċedurali ġenerali stabbiliti fil-Kodiċi, jekk l-azzjoni inkwistjoni jkollha valur monetarju u l-valur tal-kawża ma jaqbiżx ammont li jikkorrispondi għal €3,500 għat-talba prinċipali u għal €7,000 flimkien mat-talbiet anċillari.

Jekk il-pretendent jitlob dan, azzjoni għall-ħlas ta’ flus li tirriżulta minn kambjala jew ċekk jew azzjoni għall-eżekuzzjoni obbligatorja li tirriżulta minn ipoteka, ipoteka ta’ vapur jew rahan irreġistrat tiġi ttrattata bl-użu tal-proċedura dokumentarja, dment li l-elementi kollha li jissostanzjaw it-talba jkunu jistgħu jiġu ppruvati permezz ta’ dokumenti u li d-dokumenti meħtieġa jkunu mehmuża mal-azzjoni jew il-pretendent jippreżentahom fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-qorti.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

1.2 Jekk il-partijiet jaqblu, il-qorti tista’ tordna li kawża ċivili tiġi ttrattata permezz ta’ proċedura bil-miktub, irrispettivament mit-tip u l-valur tal-kawża.

Il-qorti tista’ tordna li tintuża proċedura bil-miktub mingħajr il-qbil tal-partijiet jekk il-kawża tinvolvi azzjoni b’valur monetarju u l-valur tal-kawża ma jaqbiżx ammont li jikkorrispondi għal €4,500 għat-talba prinċipali u għal €8,000 flimkien mat-talbiet anċillari.

Il-proċedura simplifikata tista’ tiġi applikata jekk l-azzjoni jkollha valur monetarju u l-valur tal-azzjoni ma jaqbiżx ammont ekwivalenti għal €3,500 għat-talba prinċipali u għal €7,000 flimkien mat-talbiet anċillari.

Meta azzjoni għall-ħlas ta’ flus li tirriżulta minn kambjala jew ċekk jew azzjoni għall-eżekuzzjoni obbligatorja li tirriżulta minn ipoteka, ipoteka fuq vapur jew rahan irreġistrat tiġi ttrattata bl-użu tal-proċedura dokumentarja, ma jiġi stabbilit l-ebda valur ta’ limitu.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Ir-rikorsi skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti elettronikament jew permezz ta’ fornitur ta’ servizzi postali. Ir-rikorsi jistgħu jiġu sottomessi elettronikament permezz tas-sistema ta’ informazzjoni maħluqa għal dak l-għan (is-Sistema Pubblika e-File (Avalik E-toimik), https://www.e-toimik.ee/) jew billi tintbagħat email lill-indirizz tal-posta elettronika indikat. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati Estonjani huma disponibbli fuq is-sit web tal-Qrati. Ir-rikorsi jridu jkunu ffirmati mill-mittent. Ir-rikorsi sottomessi elettronikament għandu jkollhom il-firma diġitali tal-mittent jew ikunu ġew trażmessi b’mod sigur simili li jippermetti li l-mittent jiġi identifikat. Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati wkoll elettronikament bil-faks jew f’forma oħra li kapaċi tipproduċi rekord bil-miktub, dment li l-kopja oriġinali tad-dokument bil-miktub tiġi ppreżentata lill-qorti mingħajr dewmien. Meta tiġi segwita l-proċedura simplifikata, il-qorti tista’ tevita d-dispożizzjonijiet legali dwar ir-rekwiżiti għall-forma li fiha għandhom jiġu ppreżentati r-rikorsi.

Meta tordna l-użu tal-proċedura bil-miktub bil-kunsens tal-partijiet skont l-Artikolu 403 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tistabbilixxi malajr kemm jista’ jkun il-perjodu ta’ żmien li matulu jistgħu jiġu ppreżentati r-rikorsi u d-dokumenti, tistabbilixxi d-data biex is-sentenza ssir pubblika, u tinforma lill-partijiet b’dan. Il-partijiet jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-proċedura bil-miktub biss jekk is-sitwazzjoni proċedurali tinbidel b’mod sinifikanti. Jekk parti tonqos milli tinforma lill-qorti jekk taqbilx mal-proċedura bil-miktub, jiġi preżunt li tixtieq li l-kawża tiġi eżaminata f’seduta.

Skont l-Artikolu 404 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, meta tordna l-użu tal-proċedura bil-miktub f’kawża li tinvolvi azzjoni b’valur monetarju, il-qorti tistabbilixxi l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-rikorsi u tad-dokumenti, tistabbilixxi d-data biex is-sentenza ssir pubblika, u tinforma lill-partijiet b’dan. Il-qorti tista’ tbiddel l-iskadenza meta dan ikun iġġustifikat minn bidla fis-sitwazzjoni proċedurali. Il-qorti tħassar l-użu tal-proċedura bil-miktub jekk tqis li huwa essenzjali li parti tidher personalment biex tispjega l-fatti li jiffurmaw il-bażi għall-azzjoni. Jekk parti titlob dan, tinstema’ irrispettivament minn jekk tkunx ġiet ordnata proċedura bil-miktub.

Skont l-Artikolu 405(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’ tittratta azzjoni billi tuża l-proċedura simplifikata mingħajr il-ħtieġa ta’ ordni speċifika għal dan l-għan. Meta teżerċita diskrezzjoni ġusta u tittratta azzjoni bl-użu tal-proċedura simplifikata, il-qorti tosserva biss il-prinċipji proċedurali ġenerali. Fil-proċedura simplifikata, il-qorti tiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali essenzjali tal-partijiet fil-proċedimenti jiġu rrispettati u tisma’ wkoll parti fuq it-talba tagħha. Ma huwiex meħtieġ li tissejjaħ seduta għal dan. Madankollu, il-partijiet fil-proċedimenti jridu jiġu infurmati dwar id-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-qorti. Is-simplifikazzjoni tal-proċedimenti hija għażla għall-qorti, iżda mhux obbligu.

Meta tittratta azzjoni bl-użu tal-proċedura simplifikata, il-qorti tista’, fost affarijiet oħra:

  • iżżomm rekords tal-atti proċedurali biss sa fejn il-qorti tqis li dawn ikunu meħtieġa, u teskludi d-dritt li jitressqu oġġezzjonijiet għal tali rekords;
  • tistabbilixxi skadenzi li jkunu differenti minn dawk stabbiliti mil-liġi;
  • tirrikonoxxi wkoll persuni mhux imsemmija fil-liġi bħala rappreżentanti kuntrattwali ta’ parti fil-proċedimenti;
  • tevita d-dispożizzjonijiet legali dwar ir-rekwiżiti għall-forma li fiha tiġi ppreżentata u miġbura l-evidenza, u tirrikonoxxi wkoll bħala evidenza mezzi ta’ prova li ma ngħatawx taħt ġurament, inklużi dikjarazzjonijiet mill-partijiet fil-proċedimenti;
  • tevita d-dispożizzjonijiet legali dwar ir-rekwiżiti għan-notifika ta’ atti proċedurali u l-forma li fiha l-atti għandhom jiġu ppreżentati mill-partijiet fil-proċedimenti, ħlief meta jiġi nnotifikat avviż ta’ azzjoni lill-konvenut;
  • taqta’ l-proċedimenti preliminari bil-miktub jew is-seduta;
  • tiġbor evidenza fuq inizjattiva tagħha stess;
  • tagħti sentenza fil-kawża mingħajr parti deskrittiva jew motivazzjoni;
  • tiddikjara deċiżjoni meħuda fil-kawża bħala infurzabbli mingħajr dewmien anki f’każijiet oħra għajr dawk previsti mil-liġi jew mingħajr il-garanzija preskritta mil-liġi.

Meta l-valur ta’ kawża ċivili jkun fil-limitu tal-proċedura simplifikata, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura simplifikata, inkluż fil-każ ta’ appell minn deċiżjoni meħuda fil-proċedura simplifikata. Dan huwa wkoll il-każ meta tiġi aġġudikata kawża ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1) sa fejn dan ma jkunx irregolat minn dak ir-Regolament. Fuq il-bażi tar-Regolament, il-kawża tista’ tiġi deċiża mill-qorti tal-kontea (maakohus) bil-ġuriżdizzjoni rilevanti.

Il-proċedura dokumentarja tiġi applikata fuq talba tal-pretendent, dment li l-elementi kollha li jissostanzjaw it-talba jkunu jistgħu jiġu ppruvati bl-użu ta’ dokumenti u li d-dokumenti meħtieġa jkunu mehmuża mal-azzjoni jew il-pretendent jippreżentahom fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-qorti.

Il-mezzi ta’ notifika elettronika li jistgħu jintużaw biex jintbagħtu dokumenti lill-qrati Estonjani huma s-sistema ta’ informazzjoni elettronika (https://www.e-toimik.ee/) u n-notifika ta’ dokumenti bil-posta elettronika jew bil-faks. Meta dokument jintbagħat lill-qorti bil-faks, il-kopja oriġinali tad-dokument bil-miktub trid tiġi ppreżentata lill-qorti mingħajr dewmien ladarba jkun intbagħat il-faks. Meta jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni tal-qorti, il-kopja oriġinali tal-appell trid tiġi ppreżentata fi żmien għaxart ijiem.

Il-qorti tista’ tqis li dokument ta’ petizzjoni jew dokument proċedurali ieħor mibgħut bil-posta elettronika minn parti fil-proċedimenti jkun biżżejjed anki jekk ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-firma diġitali, dment li l-qorti ma jkollha l-ebda dubju dwar l-identità tal-mittent jew dwar intbagħatx id-dokument, b’mod partikolari meta d-dokumenti li jkollhom firma diġitali jkunu diġà ntbagħtu lill-qorti mill-istess indirizz tal-posta elettronika fl-istess kawża mill-istess parti jew meta l-qorti tkun qablet li l-petizzjonijiet jew dokumenti oħra jistgħu jiġu ppreżentati lilha wkoll b’dan il-mod.

Huwa possibbli wkoll li jingħata l-kunsens minn qabel elettronikament permezz tas-sistema ta’ informazzjoni elettronika (https://www.e-toimik.ee/), bil-posta elettronika jew bil-faks. L-aċċettazzjoni ta’ notifika b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament Ewropew dwar Talbiet Żgħar tista’ tiġi ppreżentata wkoll lill-qorti mal-applikazzjoni għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Id-dokumenti proċedurali ġeneralment iridu jiġu nnotifikati lill-avukati, lin-nutara, lill-uffiċjali ġudizzjarji, lit-trustees f’falliment u lill-aġenziji tal-gvern statali jew lokali elettronikament, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni deżinjata. In-notifika ta’ dokumenti bl-użu ta’ metodi oħra hija permessa biss jekk ikun hemm motivazzjoni leġittima.

Appell minn sentenza tal-qorti mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jista’ jiġi ppreżentat lill-qorti distrettwali (ringkonnakohus) li għandha ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-qorti tal-kontea li tat is-sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. L-appell irid jiġi ppreżentat bil-miktub u jrid jinkludi:

  1. l-isem tal-qorti li ħarġet is-sentenza kkontestata, id-data tas-sentenza u n-numru tal-kawża ċivili;
  2. talba espressa mill-appellant, li tindika kemm il-punt sa fejn l-appellant qed jikkontesta s-sentenza tal-qorti tal-prim’istanza kif ukoll id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali li qed jitlob l-appellant;
  3. ir-raġunijiet għall-appell;
  4. iż-żmien li fih ġiet innotifikata s-sentenza appellata.

Ir-raġunijiet għall-appell iridu jinkludu:

  1. id-dispożizzjoni legali miksura mill-qorti tal-prim’istanza fis-sentenza tagħha jew fil-formulazzjoni tas-sentenza tagħha, jew il-fatti li l-qorti tal-prim’istanza stabbiliet b’mod żbaljat jew inadegwat;
  2. il-kawża tal-ksur tad-dispożizzjoni legali jew tal-istabbiliment inkorrett jew inadegwat tal-fatti;
  3. referenza għall-provi li l-appellant jixtieq juża biex jipprova kull dikjarazzjoni ta’ fatt.

Il-provi dokumentarji li ma ġewx ippreżentati fil-qorti tal-prim’istanza u li l-appellant jitlob lill-qorti taċċettahom għandhom jiġu inklużi mal-appell.

Meta jingħataw fatti u provi ġodda bħala l-bażi għal appell, ir-raġuni li l-fatti u l-provi l-ġodda ma ġewx ippreżentati fil-qorti tal-prim’istanza trid tiġi indikata fl-appell.

Jekk l-appellant jixtieq li l-qorti tisma’ xhud jew tilqa’ dikjarazzjoni taħt ġurament minn parti fil-proċedimenti jew tirranġa għal perizja jew spezzjoni, dan irid jiġi indikat fl-appell u għandhom jingħataw ir-raġunijiet. F’dan il-każ, l-ismijiet, l-indirizzi u d-dettalji ta’ kuntatt tax-xhieda jew tal-esperti jridu jiġu indikati fl-appell, jekk ikunu magħrufa.

Jekk l-appellant jixtieq li l-kawża tiġi eżaminata f’seduta fil-qorti, irid jindika dan fl-appell. Jekk dan ma jsirx, jiġi preżunt li jaqbel li l-kawża tiġi solvuta permezz ta’ proċedura bil-miktub. Il-qorti tinnotifika l-petizzjoni tal-appell lill-kontroparti u tistabbilixxi skadenza għaliha biex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha.

Rikors għal rieżami ta’ sentenza tal-qorti skont ir-Regolament dwar il-Proċedura għal Talbiet Żgħar jiġi deċiż mill-qorti permezz ta’ deċiżjoni. Fejn meħtieġ, ir-rikors jiġi ttrattat f’seduta. Jekk ir-rikors jiġi aċċettat, il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkompli kif kienet qabel ma ngħatat id-deċiżjoni. Jistgħu jiġu ppreżentati quddiem qorti distrettwali appelli minn sentenzi tal-qorti li jiċħdu rikorsi għal rieżami ta’ sentenzi tal-qorti. L-appelli kontra deċiżjonijiet ta’ appell maħruġa minn qorti distrettwali jistgħu jiġu ppreżentati lill-Qorti Suprema (Riigikohus) biss jekk il-qorti distrettwali tkun ċaħdet l-appell.

L-ammont tat-tariffa tal-istat jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-valur tal-kawża ċivili, li mbagħad jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont mitlub. Meta jiġi kkalkulat il-valur ta’ kawża ċivili, l-ammont tat-talba prinċipali jiżdied mal-ammont tat-talbiet anċillari. Fil-każ ta’ rikors skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għall-irkupru ta’ imgħax fuq arretrati li ma jkunx sar dovut, irid jiżdied ukoll ammont li jikkorrispondi għal sena ta’ imgħax fuq l-arretrati mal-ammont. L-ammont tat-tariffa tal-istat jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont finali riċevut (il-valur tal-kawża ċivili) u f’konformità mat-tabella ppreżentata fl-Anness 1 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Istat (riigilõivuseadus), kif imsemmi fl-Artikolu 59(1).

Trid titħallas tariffa tal-istat fuq nofs il-valur tal-azzjoni għal rikors għal rieżami ta’ sentenza tal-qorti fi proċedimenti li jseħħu abbażi tar-Regolament dwar il-Proċedura għal Talbiet Żgħar. Din it-tariffa tal-istat għandha tkun mhux inqas minn €100 u mhux aktar minn €2,100.

L-istess ammont tat-tariffa tal-istat irid jitħallas għall-preżentazzjoni ta’ appell kif jitħallas għall-preżentazzjoni inizjali tar-rikors skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti tal-kontea, filwaqt li jitqies l-ambitu tal-appell. Meta jitressaq appell jew appell fil-kassazzjoni minn sentenza magħmula bl-użu tal-proċedura dokumentarja jew minn sentenza interim jew sentenza parzjali maħruġa b’riżervi, jiġi preżunt li l-valur tal-kawża huwa 1/4 tal-valur tal-kawża fil-prim’istanza.

Meta jitressaq appell fil-kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema, trid titħallas tariffa tal-istat ta’ 1 % tal-valur tal-kawża ċivili, filwaqt li jitqies l-ambitu tal-appell. L-ammont tat-tariffa tal-istat huwa ddeterminat abbażi tal-Artikolu 59 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Istat. It-tariffa tal-istat ma tkunx inqas minn €100 u mhux aktar minn €4,760.

Trid titħallas tariffa tal-istat ta’ €70 għat-tressiq ta’ appell quddiem qorti distrettwali jew il-Qorti Suprema.

It-tariffa tal-istat tista’ titħallas permezz ta’ trasferiment bankarju fi kwalunkwe wieħed mill-kontijiet bankarji tal-Ministeru tal-Finanzi: SEB Pank – numru tal-kont bankarju EE571010220229377229 (SWIFT: EEUHEE2X); Swedbank – numru tal-kont bankarju EE062200221059223099 (SWIFT: HABAEE2X); Luminor Bank – numru tal-kont bankarju EE221700017003510302 (SWIFT: RIKOEE22); LHV Pank – numru tal-kont bankarju EE567700771003819792 (BIC/SWIFT: LHVBEE22).

Jekk sentenza tal-qorti mogħtija skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ma tiġix eżegwita b’mod volontarju, l-infurzar jaqa’ taħt il-kompetenza tal-uffiċjali ġudizzjarji.

Il-qrati li jiddeċiedu dwar ir-rikorsi fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ara l-punt 1.2) għandhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 23.

1.3 Formoli

Ma hemm l-ebda formola standard applikabbli fuq livell nazzjonali għal proċeduri simplifikati.

1.4 Assistenza

L-għajnuna legali tingħata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Att dwar l-Għajnuna Legali ffinanzjata mill-Istat (riigi õigusabi seadus) u fil-Kapitolu 18, is-Subkapitolu 6 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-għoti ta’ għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ rikors mill-persuna kkonċernata.

Rikors biex parti fi proċedimenti ġudizzjarji f’kawża ċivili tirċievi għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun qed tittratta l-kawża jew li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tittrattaha.

Persuna fiżika tista’ tirċievi għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fiż-żmien li tkun teħtieġ l-għajnuna legali tfisser li ma tkunx tista’ tħallas għal servizzi legali kompetenti jew jekk tkun tista’ tħallas għas-servizzi legali parzjalment biss jew bin-nifs jew jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta’ sussistenza wara li tħallas għas-servizzi legali.

L-għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat tingħata lil persuna fiżika li, meta tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għall-għajnuna legali, tkun domiċiljata fir-Repubblika tal-Estonja jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew tkun ċittadin tar-Repubblika tal-Estonja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Id-domiċilju huwa ddeterminat abbażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1). Persuni fiżiċi oħra jingħataw l-għajnuna legali biss jekk ikunu intitolati għal dan skont obbligu internazzjonali vinkolanti fuq l-Estonja.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Għall-kuntrarju tal-proċedura standard fir-rigward ta’ kawża, qorti tista’, f’każ li jkun qed jiġi ttrattat bl-użu tal-proċedura simplifikata skont l-Artikolu 405 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tiġbor ix-xhieda fuq inizjattiva tagħha stess. Il-qorti tista’ tevita d-dispożizzjonijiet legali dwar ir-rekwiżiti għall-forma li fiha jiġu ppreżentati u kkumpilati l-provi, u tirrikonoxxi wkoll bħala evidenza mezzi ta’ prova li ma ngħatawx taħt ġurament, inklużi dikjarazzjonijiet mill-partijiet fil-proċedimenti.

Fil-proċedura dokumentarja, huma biss id-dokumenti ppreżentati mill-partijiet u d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet taħt ġurament li huma aċċettati bħala provi. L-evidenza tista’ tiġi pprovduta biss fir-rigward ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ flus li tirriżulta minn kambjala jew ċekk, azzjoni għall-eżekuzzjoni obbligatorja li tirriżulta minn ipoteka jew ipoteka fuq vapur, u jekk dokument huwiex ġenwin jew iffalsifikat. L-ebda evidenza oħra ma hija aċċettata, u l-oġġezzjonijiet ma jitqisux. L-ebda talba jew kontrotalba oħra ma tista’ tiġi ppreżentata fil-proċedura dokumentarja. Sabiex tingħata prova ta’ talba anċillari li tirriżulta minn kambjala jew ċekk, huwa biżżejjed li t-talba tiġi ssostanzjata.

Ir-regoli biex tinġabar l-evidenza huma stipulati fil-Kapitolu 25 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor, iż-żewġ partijiet f’kawża jridu jippruvaw il-fatti li fuqhom huma bbażati t-talbiet u l-oġġezzjonijiet tagħhom. Sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor, il-partijiet jistgħu jaqblu dwar allokazzjoni tal-oneru tal-prova differenti minn dik prevista mil-liġi, u jaqblu dwar in-natura tal-provi biex jiġu ppruvati ċerti fatti. L-evidenza tingħata mill-partijiet fil-proċedimenti. Il-qorti tista’ tistieden lill-partijiet jippreżentaw evidenza addizzjonali. Jekk parti fil-proċedimenti li tixtieq tagħti l-evidenza ma tkunx tista’ tagħtiha hija stess, hija tista’ titlob lill-qorti tiġbor l-evidenza. Meta tagħti l-evidenza jew titlob tinġabar l-evidenza, il-parti fil-proċedimenti għandha tispjega liema mill-fatti ta’ rilevanza għall-każ tixtieq tipprova billi tippreżenta l-evidenza jew billi titlob li tinġabar l-evidenza. Kwalunkwe talba biex tinġabar l-evidenza trid tinkludi wkoll informazzjoni li tippermetti li tinġabar. Fil-proċedimenti preliminari, il-qorti tistabbilixxi skadenza għall-partijiet biexjagħtu l-evidenza jew jitolbu li tinġabar l-evidenza. Jekk talba minn parti fil-proċedimenti biex tinġabar l-evidenza tiġi miċħuda minħabba li l-parti tkun naqset milli tħallas bil-quddiem l-ispejjeż relatati mal-ġbir tal-evidenza minkejja li l-qorti tkun talbet il-ħlas, il-parti ma tkunx intitolata li titlob li kwalunkwe evidenza bħal din tinġabar sussegwentement jekk l-aċċettazzjoni ta’ dik it-talba twassal biex il-kawża tiġi posposta.

Jekk il-provi jridu jittieħdu minn barra l-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti li tkun qed tmexxi l-proċedimenti f’kawża, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tista’ tiddeċiedi li ssir talba speċjali għal att proċedurali lill-qorti li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha tista’ tinġabar l-evidenza. It-talba speċjali titwettaq f’konformità mal-proċedura fis-seħħ għat-twettiq tal-att proċedurali mitlub. Il-partijiet fil-proċedimenti jiġu infurmati bil-ħin u l-post li fihom għandu jitwettaq l-att proċedurali, iżda l-assenza ta’ parti ma żżommx milli ssir it-talba speċjali. Ir-rekord tal-att proċedurali u l-evidenza miġbura meta ssir it-talba speċjali jintbagħtu mingħajr dewmien lill-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża. Meta l-ġbir tal-evidenza minn qorti li tmexxi l-proċedimenti f’kawża abbażi ta’ talba speċjali twassal għal tilwima, u fejn it-tkomplija tal-ġbir tal-evidenza tiddependi fuq is-soluzzjoni ta’ dik it-tilwima iżda l-qorti li tittratta l-kwistjoni abbażi tat-talba speċjali ma tkunx tista’ ssolviha, it-tilwima tiġi solvuta mill-qorti li tkun qed tittratta l-kawża prinċipali. Meta l-qorti li twettaq it-talba speċjali tqis li jkun xieraq, fl-interess tal-aġġudikazzjoni tal-kawża, li l-proċess tal-ġbir tal-evidenza jingħata lil qorti oħra, hija tindirizza talba għal dan l-għan lill-qorti u tinforma lill-partijiet fil-proċedimenti.

L-evidenza li tinġabar f’pajjiż barrani f’konformità mal-liġijiet ta’ dak il-pajjiż tista’ tintuża fi proċedimenti ċivili fl-Estonja, sakemm l-att proċedurali mwettaq għall-kumpilazzjoni tal-provi ma jmurx kontra l-prinċipji tal-proċedura ċivili Estonjana. Skont ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, il-bord ta’ qorti Estonjana li jkun talab li tinġabar l-evidenza f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament jew imħallef li jaġixxi abbażi ta’ ordni minn tali qorti jista’ jkun preżenti u jipparteċipa fil-ġbir tal-evidenza mill-qorti barranija. Il-partijiet fil-proċedimenti, ir-rappreżentanti u l-esperti tagħhom jistgħu jipparteċipaw fil-ġbir tal-evidenza sal-istess punt li jistgħu jipparteċipaw fil-ġbir tal-evidenza fl-Estonja. Meta l-Artikolu 19(3) tar-Regolament jippermetti l-ġbir dirett tal-evidenza minn qorti Estonjana fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-bord tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża, imħallef li jaġixxi abbażi ta’ ordni jew espert maħtur mill-qorti jista’ jipparteċipa fil-ġbir tal-evidenza.

Meta l-evidenza tkun trid tinġabar minn barra l-Unjoni Ewropea, il-qorti titlob il-ġbir tal-evidenza permezz tal-awtorità kompetenti f’konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali. Il-Qorti tista’ wkoll tiġbor l-evidenza f’pajjiż barrani billi taġixxi permezz tal-ambaxxatur jew uffiċjal konsulari awtorizzat li jirrappreżenta lir-Repubblika tal-Estonja f’dak il-pajjiż, dment li dan ma jkunx ipprojbit skont il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż.

Parti li tkun tat l-evidenza jew talbet li tinġabar l-evidenza tista’ taqta’ jew tirtira l-evidenza biss bil-kunsens tal-parti opposta, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

1.6 Proċedura bil-miktub

Fil-proċedura simplifikata, kawża tista’ tiġi ttrattata bi proċedura bil-miktub. Il-qorti tiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali essenzjali tal-partijiet fil-proċedimenti jiġu rrispettati u tisma’ wkoll parti fuq talba tal-parti. Ma huwiex meħtieġ li tissejjaħ seduta għal dan. Il-qorti tista’ taqta’ l-proċedimenti preliminari bil-miktub jew is-seduta.

Fil-proċedura dokumentarja, kawża tista’ tiġi ttrattata bi proċedura bil-miktub jekk il-partijiet jaqblu.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Sentenza tikkonsisti f’introduzzjoni, dispożittiv, parti deskrittiva u motivazzjoni. Fil-proċedura simplifikata, qorti tista’ tagħti sentenza mingħajr il-parti deskrittiva jew motivazzjoni. Fil-każijiet li fihom qorti tkun qed tittratta azzjoni bl-użu tal-proċedura simplifikata, hija tista’ tillimita ruħha fil-parti deskrittiva tas-sentenza għal li tiddikjara biss ir-raġunijiet legali u l-provi li fuqhom tkun ibbażat il-konklużjonijiet tagħha.

Qorti tal-kontea li tagħti sentenza f’kawża fejn intużat il-proċedura simplifikata tista’ tinnota li tagħti permess għall-appell. B’mod ġenerali, il-qorti tagħti permess għall-appell jekk tqis li deċiżjoni minn qorti tal-appell hija meħtieġa sabiex tinkiseb l-opinjoni ta’ qorti distrettwali dwar punt tal-liġi. Ma hemmx bżonn li jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ permess għall-appell.

Fil-proċedura dokumentarja, azzjoni tiġi miċħuda jekk il-pretendent ikun naqas milli jagħti prova tat-talba bl-użu ta’ provi permessi fil-proċedura dokumentarja. F’dan il-każ, l-azzjoni tista’ tiġi ppreżentata mill-ġdid bl-użu tal-proċedura standard. Jekk il-qorti tilqa’ l-azzjoni fil-proċedura dokumentarja minkejja l-oġġezzjonijiet tal-konvenut, hija tagħti sentenza li fiha tirriżerva wkoll id-dritt tal-konvenut li jiddefendi d-drittijiet tiegħu fil-futur. Għall-finijiet ta’ appell u eżekuzzjoni obbligatorja, sentenza mogħtija b’riżervi titqies bħala sentenza finali. Meta oġġezzjoni li setgħet tiġi ppreżentata permezz tal-proċedura dokumentarja tiġi riżolta permezz ta’ sentenza mogħtija b’riżervi, il-konvenut jista’ sussegwentement jerġa’ jippreżenta dik l-oġġezzjoni biss jekk is-sentenza mogħtija b’riżervi tiġi annullata jew emendata.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Prinċipji ġenerali:

  • L-ispejjeż ta’ azzjoni jitħallsu mill-parti li titlef.
  • Il-parti li titlef tirrimborża lill-parti l-oħra għal, fost affarijiet oħra, kwalunkwe spiża ekstraġudizzjarja meħtieġa mġarrba bħala riżultat tal-proċedimenti ġudizzjarji. Il-partijiet jiġu rimborżati għal kwalunkwe spiża ekstraġudizzjarja li għaliha xhud jiġi rimborżat, inkluż kumpens għal kwalunkwe telf ta’ qligħ jew introjtu permanenti ieħor, fuq l-istess bażi u bl-istess mod li x-xhieda jiġu rimborżati.
  • L-ispejjeż proċedurali tar-rappreżentant legali ta’ parti jiġu rimborżati f’konformità mal-istess regoli li japplikaw għall-ispejjeż proċedurali tal-parti.
  • Il-qorti tista’ tordna lill-partijiet iħallsu l-ispejjeż kollha jew parzjalment huma stess, jekk l-ordni li l-ispejjeż tal-parti opposta jitħallsu mill-parti li titlef tkun inġusta għall-aħħar jew irraġonevoli.
  • Jekk azzjoni tiġi ssodisfata parzjalment, il-partijiet iħallsu l-ispejjeż proċedurali b’mod ugwali, sakemm il-qorti ma tqassamx l-ispejjeż proċedurali b’mod ekwivalenti għal kemm tkun issodisfata l-azzjoni jew tordna lill-partijiet iħallsu l-ispejjeż proċedurali kollha jew parzjalment huma stess.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Fid-dispożittiv ta’ sentenza mogħtija fil-proċedura simplifikata, il-qorti tindika r-regoli u l-iskadenza għall-appell. Appell jista’ jiġi ppreżentat taħt il-proċedura standard minn sentenza mogħtija fil-proċedura simplifikata. Il-qorti distrettwali tista’ tisma’ appell billi tuża l-proċedura simplifikata irrispettivament minn jekk il-qorti tal-kontea tkunx ippermettiet dan, u jista’ jiġi ppreżentat appell irrispettivament minn jekk il-qorti tal-kontea tkunx ippermettiet dan. Il-qorti distrettwali ma tistax tħalli appell mhux ipproċessat biss minħabba li tuża l-proċedura simplifikata.

Appell jista’ jiġi ppreżentat taħt il-proċedura standard minn sentenza mogħtija fil-proċedura dokumentarja.

Parti u parti terza b’talba indipendenti jistgħu jappellaw minn sentenza ta’ qorti tal-prim’istanza. Parti terza mingħajr talba indipendenti tista’ tressaq appell skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 214(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Ma jistax jiġi ppreżentat appell jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jippreżentaw appell f’petizzjoni ppreżentata lill-qorti.

Appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn 5 xhur minn meta s-sentenza tal-qorti tal-prim’ istanza ssir pubblika.

Jekk tingħata sentenza supplimentari f’kawża matul il-perjodu tal-appell, il-perjodu għall-appell jibda jiddekorri mid-data li fiha tingħata s-sentenza supplimentari, inkluż fir-rigward tas-sentenza inizjali. F’każijiet meta l-parti li titħalla barra tiżdied ma’ sentenza mingħajr parti deskrittiva jew motivazzjoni, il-perjodu għal appell jibda jiddekorri mill-ġdid minn dakinhar li tingħata s-sentenza sħiħa.

Jekk il-partijiet jilħqu ftehim għal dan l-għan u jinfurmaw lill-qorti, il-perjodu għall-appell jista’ jitnaqqas, jew jista’ jiżdied sa 5 xhur minn meta s-sentenza ssir pubblika.

Parti fil-proċedimenti tal-appell tista’ tippreżenta appell fil-kassazzjoni minn sentenza ta’ qorti distrettwali quddiem il-Qorti Suprema jekk il-qorti distrettwali tkun kisret materjalment dispożizzjoni tal-liġi proċedurali jew tkun applikat b’mod skorrett dispożizzjoni tal-liġi sostantiva. Parti terza mingħajr talba indipendenti tista’ tressaq appell fil-kassazzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 214(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Ma jistax jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jippreżentaw appell f’petizzjoni ppreżentata lill-qorti.

Appell fil-kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn 5 xhur minn meta s-sentenza tal-qorti distrettwali ssir pubblika.

Related links

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna