A. Għandi d-dritt nappella d-deċiżjoni tal-qorti?
Ir-rimedji ordinarji li ġejjin huma disponibbli jekk ma taqbilx mad-deċiżjonijiet tal-qorti: appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi (Berufung), appell fuq punti ta’ liġi (Revision) u lment (Beschwerde). Fil-każ ta’ digriet kriminali (Strafbefehl) għandek id-dritt li tippreżenta oġġezzjoni (Einspruch). Imbagħad isir proċess. Oġġezzjoni tista’, madankollu, tiġi ppreżentata biss kontra l-livell ta’ unità ta’ kuljum użata biex tikkalkula l-multa. Bil-kunsens tal-akkużat, l-avukat tad-difiża u l-prosekutur pubbliku, il-qorti mbagħad tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni permezz ta’ ordni tal-qorti mingħajr proċess.
Appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi jista’ jitressaq kontra sentenzi ta’ Qorti Lokali (Amtsgericht). Dan jirriżulta f’ritrattazzjoni komprensiva quddiem id-diviżjoni kriminali xierqa tal-Qorti Reġjonali (Landgericht). Appell fuq punti ta’ liġi jista’ jitressaq kontra sentenzi ta’ Qorti Lokali u Qorti Reġjonali, kif ukoll kontra sentenzi fil-prim’ istanza ta’ Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht). Matul dan it-tip ta’ appell is-sentenza tiġi mistħarrġa purament għal żbalji ta’ liġi u ma ssirx ritrattazzjoni komprensiva.
Ilment ma jiġix ippreżentat kontra sentenzi (Urteile), iżda kontra ordnijiet tal-qorti u deċiżjonijiet proċedurali (Beschlüsse u Verfügungen).
L-appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi, l-appelli fuq punti ta’ liġi u l-ilmenti huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ ammissibbiltà addizzjonali, b’mod partikolari rekwiżiti u dati ta’ skadenza formali. Immedjatament wara li s-sentenza tkun ngħatat, int jew l-avukat tiegħek jista’ jiddetta dikjarazzjoni lir-reġistru tal-qorti li tindika li qed tippreżenta appell. Tista’ wkoll tippreżenta appell sa ġimgħa wara li tkun ngħatat is-sentenza. L-appell jista’ jiġi ppreżentat bil-miktub jew billi tiġi ddettata dikjarazzjoni lir-reġistru tal-qorti. Xorta huwa possibbli li tippreżenta appell anke jekk ftehim innegozjat (Verständigung) ikun ippreċeda s-sentenza.
Tista’ tappella kontra l-kundanna stess jew kontra s-severità tas-sentenza biss.
Jekk tippreżenta appell fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi, jiddependi minnek jekk tissustanzjahx jew le.
Appell fuq punti ta’ liġi irid jiġi ssostanzjat mhux aktar tard minn xahar wara li tkun waslet il-ġustifikazzjoni bil-miktub tas-sentenza, billi tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ffirmata minn avukat jew billi tiġi ddettata dikjarazzjoni lir-reġistru tal-qorti.
B. X’għażliet oħra ta’ rikors għandi?
Bħala rimedju straordinarju kontra sentenza finali huwa possibbli li titlob ritrattazzjoni tal-kawża. Madankollu, dan huwa permess biss jekk ikun hemm raġunijiet għal ritrattazzjoni, bħall-produzzjoni ta’ provi ġodda li juru l-innoċenza tiegħek.
Fil-prinċipju, is-sentenzi jistgħu jiġu mistħarrġa wkoll fil-kuntest ta’ lment kostituzzjonali (Verfassungsbeschwerde) biex jiġi aċċertat jekk jiksrux id-drittijiet fundamentali. L-ilmenti kostituzzjonali, madankollu, huma possibbli biss wara li rimedji oħra, b’mod partikolari appelli fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi u appelli fuq punti ta’ liġi, ikunu ġew eżawriti.
C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk inkun ikkundannat?
i. Fedina penali
Il-kundanni finali jiddaħħlu fir-Reġistru Kriminali Ċentrali Federali (Bundeszentralregister). Dan ir-reġistru jinżamm mill-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz) abbażi tal-Att dwar ir-Reġistru Kriminali Ċentrali Federali (Bundeszentralregistergesetz). Il-kunsens tiegħek ma huwiex meħtieġ biex issir l-entrata. L-entrata ta’ kundanna titħassar/titneħħa wara perjodu legalment speċifikat jekk ma tkun żdiedet l-ebda kundanna ġdida. Il-perjodu inkwistjoni jiġi ddeterminat min-natura tar-reat kriminali u s-severità tas-sentenza imposta kontrik. Għadd limitat ħafna biss ta’ qrati u awtoritajiet huma mogħtija aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-kontenut sħiħ tar-Reġistru Kriminali Ċentrali Federali għal skopijiet speċifiċi.
Ċerti kundanni, bħal multi li jammontaw għal aktar minn 90 unità ta’ kuljum jew sentenzi ta’ kustodja ta’ aktar minn 3 xhur, jiddaħħlu fiċ-ċertifikat tal-kondotta tal-persuna (Führungszeugnis). Dan iċ-ċertifikat huwa dokument li jservi bħala prova ta’ jekk għandekx kundanni preċedenti jew le. Dan jinħareġ fuq talba mill-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja u tista’ ssir applikazzjoni għalih online. Jekk, minbarra li jkollok ċittadinanza Ġermaniża, inti nazzjonal ukoll ta’ Stat Membru tal-UE ieħor jew tar-Renju Unit, iċ-ċertifikat tal-kondotta jkun fih ukoll entrati relatati miegħek mill-fedini penali fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jekk, u għal kemm żmien, kundanna tiġi inkluża fiċ-ċertifikat tal-kondotta tiegħek jiddependi fuq in-natura tar-reat kriminali u s-severità tas-sentenza.
Minbarra r-Reġistru Kriminali Ċentrali Federali hemm ukoll ir-Reġistru tar-Reati taż-Żgħażagħ (Erziehungsregister). Dan fih dettalji ta’ ċerti ordnijiet u deċiżjonijiet relatati mal-minorenni u l-adolexxenti, bħal ordnijiet għal miżuri korrettivi jew dixxiplinari. Dawn l-entrati jistgħu jiġu kkomunikati biss lil għadd limitat ħafna ta’ qrati u awtoritajiet għal skopijiet speċifiċi.
ii. Eżekuzzjoni tas-sentenza, trasferiment tal-priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi
Ladarba s-sentenza tkun saret finali, il-prosekutur pubbliku jibda jeżegwixxi s-sentenza.
Jekk il-qorti Ġermaniża tkun tat sentenza li timponi sentenza ta’ kustodja, apparti l-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Ġermanja huwa possibbli wkoll li s-sentenza ta’ kustodja tiġi skontata fi Stat Membru ieħor. Jekk diġà tkun qiegħed barra mill-pajjiż meta tiġi kkundannat, il-prosekutur pubbliku, bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, jiddeċiedi, wara li jisimgħek, jekk jittrasferix l-eżekuzzjoni lill-Istat Membru l-ieħor (l-Artikolu 85(2) tal-Att dwar l-Assistenza Reċiproka Internazzjonali f’Materji Kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen – IRG)). Jekk tkun għadek il-Ġermanja meta tiġi kkundannat, prerekwiżit għal trasferiment bħal dan huwa li int taqbel li l-eżekuzzjoni tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor jew li Qorti Reġjonali Superjuri tkun ħadet deċiżjoni għal dan il-għan (l-Artikolu 85(2) IRG).
Jekk tkun ix-xewqa tiegħek, bħala persuna kkundannata, li tiskonta s-sentenza tiegħek fi Stat Membru ieħor, tista’ tippreżenta rikors lill-prosekutur pubbliku kompetenti. Id-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq jekk huwiex aktar probabbli li l-persuna kkundannata tkun integrata mill-ġdid b’suċċess fis-soċjetà fil-Ġermanja jew fil-pajjiż barrani.