Skip to main content

Informazzjoni għall-awtoritajiet li joħorġu ĊES

Flag of Finland
Il-Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 It-tipi ta’ reġistri li jeżistu fl-Istat Membru, li jinkludu informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

Fil-Finlandja, l-informazzjoni li hija rilevanti għas-suċċessjoni tinsab f’tal-anqas ir-reġistri li ġejjin:

  • Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni
  • Ir-Reġistru tal-Affarijiet Kuntrattwali taż-Żwieġ
  • Ir-reġistru tat-titoli u tal-ipoteki, li huwa parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet
  • Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali
  • Ir-Reġistru Kummerċjali

2 Informazzjoni li tinsab f’kull wieħed mir-reġistri tal-Istat Membru, kif elenkat taħt il-punt 1

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni

L-informazzjoni dwar l-istat ċivili tista’ tinstab fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni. Informazzjoni oħra dwar ir-relazzjonijiet tal-familja, eż. it-tfal, hija rreġistrata wkoll fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni hija mantnuta mill-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Id-dettalji ta’ kuntatt tagħha huma:

L-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni
posta elettronika: vtj-todistus@dvv.fi, tel.: +358 2955 36230
Sit web: Ċertifikat tal-istat ċivili | L-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni (dvv.fi)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni fiha data personali aġġornata taċ-ċittadini Finlandiżi u taċ-ċittadini barranin li jirresjedu b’mod permanenti jew temporanju fil-Finlandja. Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali separat. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni ma hijiex reġistru pubbliku; l-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni tiddivulga informazzjoni jekk hemm interess leġittimu fl-informazzjoni. Kull min għandu interess leġittimu jista’ jitlob informazzjoni. Ir-restrizzjonijiet huma stabbiliti fil-liġi nazzjonali (661/2009).

L-informazzjoni trid tkun neċessarja għall-fini li għalih tiġi ddivulgata. L-informazzjoni tista’ tiġi ddivulgata wkoll mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni lil awtorità barranija li jkollha interess leġittimu. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni tista’ titlob prova ta’ prokura mingħand werriet ta’ persuna għall-finijiet ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni.

Meta tintalab informazzjoni dwar il-popolazzjoni, trid tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja:

  • l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità rikjedenti
  • l-isem u d-data tat-twelid tal-persuna li lilha tikkonċerna t-talba
  • l-iskop tal-informazzjoni
  • l-ambitu tal-informazzjoni, (stat ċivili, konjuġi, tfal, ġenituri, eċċ.)
  • il-pajjiż li fih se tintuża l-informazzjoni
  • lil min se tiġi ppreżentata l-informazzjoni (awtorità jew individwu)
  • il-lingwa taċ-ċertifikat
  • l-indirizz postali jekk iċ-ċertifikat ikun se jintbagħat bil-posta
  • jekk iċ-ċertifikat jeħtieġ li jkollu postilla jew formola standard tal-UE, din trid tissemma fit-talba.

F’ċerti ċirkustanzi, tista’ tintalab prokura mingħand l-awtorità rikjedenti. Ma hijiex meħtieġa evidenza dokumentarja speċifika li t-talba hija bbażata fuq l-Artikolu 66(5) tar-Regolament dwar is-Suċċessjoni. It-talbiet għal informazzjoni jistgħu jintbagħtu bil-posta elettronika fuq l-indirizz li ġej: vtj-todistus@dvv.fi. It-talbiet jistgħu jsiru bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew bl-Ingliż. L-informazzjoni dwar il-popolazzjoni tiġi ddivulgata fil-forma ta’ silta/ċertifikat oriġinali. Hemm tliet tipi ta’ silta/ċertifikat oriġinali:

  1. Ċertifikat maħsub għall-użu barra l-pajjiż jinkludi firma bl-idejn u t-timbru tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Id-dokument jista’ jkun fih apostilla jew formola standard tal-UE. Ċertifikati ta’ dan it-tip dejjem jintbagħtu bil-posta.
  2. Iċ-ċertifikat jew is-silta tista’ tiġi ffirmata b’mod elettroniku wkoll. Iċ-ċertifikati ffirmati b’mod elettroniku jintbagħtu bil-posta elettronika.
  3. Ma jkun hemm l-ebda firma jew timbru tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni fuq ċertifikat elettroniku. L-akkuratezza taċ-ċertifikat tista’ tiġi vverifikata mal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni billi jintuża l-identifikatur li jinstab fuq iċ-ċertifikat. Dan it-tip ta’ ċertifikat jista’ jintalab biss mill-persuna kkonċernata jew mit-tutur tagħha, u jista’ jinkiseb f’ambjent ta’ awtoservizz.

Is-siltiet/iċ-ċertifikati jinħarġu bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew bl-Ingliż. Is-siltiet/iċ-ċertifikati jistgħu jinkisbu wkoll bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol, bil-Franċiż jew bit-Taljan.

Hemm tariffa sabiex jinkiseb ċertifikat mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni. Il-prezzijiet taċ-ċertifikati jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit web tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Tintbagħat fattura lill-persuna jew lill-korp li jitlob il-ħruġ taċ-ċertifikat.

Skont il-liġi, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Popolazzjoni hija reġistru li joħloq ċertezza legali.

Informazzjoni dwar ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ (ir-Reġistru tal-Affarijiet Kuntrattwali taż-Żwieġ)

L-informazzjoni dwar ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ hija rreġistrata f’reġistru mantnut mill-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Sabiex jidħol fis-seħħ, ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jrid jiġi rreġistrat mal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni (ara l-Artikoli 41–44 tal-Att dwar iż-Żwieġ [avioliittolaki] (234/1929)). Ir-reġistru fih informazzjoni dwar il-ftehimiet possibbli dwar il-proprjetà matrimonjali, u wkoll informazzjoni dwar il-liġi applikabbli għar-reġimi dwar il-proprjetà matrimonjali jew dwar il-kanċellazzjoni unilaterali tal-jeddijiet tal-miżżewġin. Ir-reġistru fih ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali bejn konjuġi u bejn sħab reġistrati. Ir-reġistru juri l-ismijiet u d-domiċilju abitwali tal-partijiet, id-dati tat-twelid tagħhom, u informazzjoni dwar jekk ikunx ġie rreġistrat, pereżempju, ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jew ftehim simili. Għal aktar informazzjoni: Ftehim ta’ qabel iż-żwieġ |L-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni | L-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni (dvv.fi)

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni huma:

L-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni

PL 1003

00531 Helsinki

Ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jkun validu f’konformità mal-liġi biss jekk ikun irreġistrat fir-reġistru miżmum mill-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali. L-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni preċedenti kienu l-uffiċċji tar-reġistru lokali u l-qrati distrettwali. Madankollu, ir-rekords eqdem kollha jistgħu jinkisbu mir-reġistru nazzjonali uniku.

L-eżistenza ta’ ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali hija informazzjoni pubblika li tiġi ddivulgata lil kull min jagħmel talba. L-informazzjoni tista’ tintalab mingħand l-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Meta tintalab l-informazzjoni, iridu jiġu pprovduti l-ismijiet taż-żewġ konjuġi. L-informazzjoni tista’ tintalab mir-reġistru bit-telefown, bil-posta elettronika jew b’ittra.

Jekk ikun meħtieġ ċertifikat li juri prova li ftehim ikun ġie rreġistrat, jista’ jintbagħat permezz tal-posta jew permezz tal-posta elettronika. It-talbiet jistgħu jsiru bil-Finlandiż, bl-Iżvediż jew bl-Ingliż. Iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jinħarġu b’firma diġitali jew inkella elettronika. Jekk ċertifikat ikun se jintbagħat barra l-pajjiż, jiġi ffirmat bl-idejn u ttimbrat bit-timbru bil-linka tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Iċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni jinħarġu bil-Finlandiż jew bl-Iżvediż, u kopji ta’ ftehimiet dwar il-proprjetà matrimonjali jkunu bil-lingwa li fiha jkun tfassal il-ftehim (il-Finlandiż jew l-Iżvediż).

Hemm tariffa biex tinkiseb kopja ta’ ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali; il-lista tal-prezzijiet hija disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija għas-Servizzi Diġitali u tad-Data dwar il-Popolazzjoni. Tinħareġ fattura sabiex jintbagħat ċertifikat.

Ir-Reġistru tal-Affarijiet Kuntrattwali taż-Żwieġ huwa reġistru li joħloq ċertezza legali; ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali ma jkunx validu qabel ma jiġi rreġistrat.

Ir-reġistri miżmumin mill-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet tal-Finlandja

Ir-reġistru tat-titoli u tal-ipoteki huwa reġistru ta’ bażi pubblika li jinkludi informazzjoni dwar il-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli (titoli), ta’ ipoteki fuq proprjetà immobbli u ta’ drittijiet speċifiċi (eż. lokazzjonijiet u ftehimiet dwar il-kondiviżjoni ta’ titoli). Ir-reġistru tat-titoli u tal-ipoteki miżmum mill-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet huwa reġistru nazzjonali li fih tiġi rreġistrata l-proprjetà immobbli kollha fil-Finlandja. Ma hemm l-ebda reġistru reġjonali.

Ir-reġistru tat-titoli u tal-ipoteki huwa reġistru pubbliku, u hekk ukoll is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet li huwa parti minnha. Skont il-liġi, l-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet irid jagħmilha possibbli għal kulħadd sabiex jaqra l-informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet mingħajr ħlas u jieħu noti dwar l-informazzjoni. Malli jsir il-pagament, l-informazzjoni tiġi ddivulgata fil-forma ta’ siltiet, ta’ ċertifikati jew ta’ verżjonijiet stampati oħrajn jew permezz ta’ interfaċċa teknika. Il-lista tal-prezzijiet u l-istruzzjonijiet jistgħu jinkisbu minn hawnhekk.

Informazzjoni dwar is-sid ta’ proprjetà immobbli tkun stabbilita fiċ-ċertifikat tat-titolu jekk l-informazzjoni tkun imdaħħla fir-reġistru tat-titoli u tal-ipoteki. L-informazzjoni dwar is-sjieda tista’ tinkiseb ukoll mis-servizzi għall-klijenti fl-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet. Ma tiġix iddivulgata informazzjoni għall-finijiet ta’ xiri jew ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Il-kriterji tat-tiftix fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet huma l-identifikaturi individwali tal-unitajiet tal-proprjetà, jiġifieri l-identifikaturi tal-proprjetà immobbli, l-identifikaturi tal-irqajja’ u l-identifikaturi tal-faċilitajiet. Il-kriterji tat-tiftix jistgħu jinkludu wkoll l-isem jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna fiżika jew tal-entità ġuridika (il-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali jew in-numru tal-kumpanija) meta awtorità tkun teħtieġ informazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet sabiex taqdi funzjoni statutorja jew meta persuna fiżika jew entità ġuridika tkun tixtieq tivverifika informazzjoni li tikkonċernaha fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Artijiet. Aktar informazzjoni hawnhekk.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali hija reġistru elettroniku li ġie introdott fl-2019 u li fih qed tinġabar b’mod gradwali informazzjoni dwar is-sjieda, l-irhna u r-restrizzjonijiet tal-kumpaniji tal-akkomodazzjoni, bħall-appartamenti u l-ispazji tal-parkeġġ tagħhom. Għadu ma fihx il-proprjetà residenzjali u kummerċjali kollha, iżda din se tiġi ttrasferita fis-sistema matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni sa tmiem l-2033. Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk.

Fil-biċċa l-kbira tagħha, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali hija pubblika, iżda ma hemmx aċċess mingħajr restrizzjoni għall-informazzjoni. Il-lista pubblika ta’ ishma ta’ kumpanija tal-akkomodazzjoni, mingħajr il-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni personali jew id-dettalji ta’ kuntatt tal-azzjonisti, jista’ jaraha kulħadd. L-informazzjoni dwar is-sjieda u l-irhna tal-azzjonisti ma hijiex disponibbli għal kulħadd. Verżjoni stampata tal-informazzjoni dwar appartamenti li jkun fiha data personali tiġi ddivulgata biss lill-azzjonist jew lil persuna awtorizzata minnu. Tiġi ddivulgata lil oħrajn biss jekk ikun hemm interess leġittimu.

Meta awtorità tkun teħtieġ informazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali sabiex taqdi funzjoni statutorja jew meta persuna fiżika jew entità ġuridika tkun tixtieq tivverifika l-informazzjoni li tikkonċernaha fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali, il-kriterji tat-tiftix jistgħu jkunu l-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali, jew l-isem u d-data tat-twelid ta’ persuna fiżika, jew l-isem jew in-numru tal-kumpanija ta’ entità ġuridika. Il-kriterji tat-tiftix fis-servizzi ta’ informazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali huma l-identifikatur tal-grupp tal-ishma jew l-indirizz preċiż tal-appartament, fil-każ ta’ verżjoni stampata ta’ informazzjoni dwar appartament individwali, u l-isem (jew in-numru tal-kumpanija) tal-kumpanija tal-akkomodazzjoni fil-każ ta’ lista ta’ ishma.

Aktar informazzjoni dwar il-verżjonijiet stampati mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Proprjetà Residenzjali u Kummerċjali, l-informazzjoni li fiha u l-kundizzjonijiet għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni hija disponibbli hawnhekk.

Sabiex jiġi rreġistrat tibdil fis-sjieda ta’ proprjetà reġistrata, ikunu meħtieġa l-att oriġinali ta’ diviżjoni u/jew l-att ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju jew testment validu, flimkien mal-att tal-inventarju tal-patrimonju u mal-annessi tiegħu. Aktar informazzjoni dwar id-dokumenti neċessarji hija disponibbli hawnhekk fir-rigward tal-proprjetà immobbli u hawnhekk fir-rigward tal-appartamenti tas-sidien.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet huma:

posta elettronika: customerservice@nls.fi

Numru tat-telefown: +358 29 530 1110

Dettalji ta’ kuntatt ulterjuri jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet.

Ir-Reġistru tal-Kummerċ

L-Uffiċċju Finlandiż tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni jżomm ir-Reġistru tal-Kummerċ, li fih huma rreġistrati kumpaniji b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet in akkomandita, soċjetajiet f'isem kollettiv u kooperattivi li joperaw fil-Finlandja. Informazzjoni dwar kumpaniji tiddaħħal fir-Reġistru tal-Kummerċ fuq il-bażi ta’ notifiki, ta’ applikazzjonijiet u ta’ komunikazzjonijiet riċevuti mill-Uffiċċju Finlandiż tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni. Il-kontenut tar-reġistru huwa stabbilit bil-liġi. L-entrati fir-reġistru li jikkonċernaw tipi differenti ta’ kumpaniji huma ddeterminati fuq il-bażi tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ [kaupparekisterilaki] u tal-Atti li jirregolaw it-tipi differenti ta’ kumpaniji u ta’ negozji b’mod ġenerali.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni.

Id-dettalji tal-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni huma:

tel.: +358 29 509 5030

posta elettronika: registry@prh.fi

Ir-Reġistru tal-Kummerċ huwa reġistru għal użu pubbliku. Kulħadd huwa intitolat jikseb informazzjoni dwar l-entrati fir-reġistru. Dan japplika wkoll għal notifiki magħmulin lir-Reġistru tal-Kummerċ, flimkien mal-annessi tagħhom.

L-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni jipprovdi informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ lill-klijenti kuntrattwali tiegħu jew fil-forma ta’ ordni ta’ dokument. Informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ma hijiex pubblika bl-istess mod bħall-informazzjoni l-oħra rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ dwar kumpanija. Madankollu, informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tan-notifiki ta’ sidien benefiċjarji hija pubblika.

L-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni tipprovdi informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji lil dawk li jkollhom interess leġittimu skont l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus [rahanpesulaki]. Fil-prattika, dawn jinkludu:

  • awtoritajiet b’funzjoni superviżorja skont l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus
  • kumpaniji li jwettqu d-diliġenza dovuta tal-klijenti skont l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus (bħal banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, aġenti immobbiljari u awdituri)
  • rappreżentanti tal-media
  • entitajiet oħrajn b’interess leġittimu fl-informazzjoni skont l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus.

Interess leġittimu skont l-Att dwar il-Ħasil tal-Flus ifisser li l-informazzjoni tkun maħsuba sabiex tintuża għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jew sabiex tikkontribwixxi għall-kxif ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Silta mir-Reġistru tal-Kummerċ ta’ kumpanija u l-istatuti ta’ assoċjazzjoni, il-ftehim ta’ sħubija jew l-istatuti tagħha jkunu bil-Finlandiż jew bl-Iżvediż, skont il-lingwa li biha l-kumpanija inkwistjoni tkun irreġistrat l-informazzjoni tagħha. Silta mill-informazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ tkun disponibbli bl-Ingliż, bil-Finlandiż jew bl-Iżvediż għat-tipi ta’ kumpaniji li ġejjin: kumpaniji b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet f'isem kollettiv, soċjetajiet in akkomandita, kummerċjanti waħdiena u fergħat ta’ negozjanti barranin.

Aktar informazzjoni dwar l-ordni ta’ siltiet mir-Reġistru tal-Kummerċ tista’ tinkiseb hawnhekk.

Il-lista tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ informazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ tista’ tinkiseb hawnhekk.

Hemm xi informazzjoni disponibbli mingħajr ħlas u għal informazzjoni oħra trid titħallas tariffa. Jekk ikun hemm tariffa x’titħallas, tista’ titħallas b’mod elettroniku jew mar-riċevuta ta’ fattura.

Informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ notifiki ta’ bidliet tista’ tinkiseb hawnhekk, u informazzjoni dwar l-effetti tar-reġistrazzjoni tista’ tinqara hawnhekk.

3 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji

Fil-Finlandja, ma hemm l-ebda lista/reġistru ta’ kontijiet bankarji li tinżamm minn awtorità pubblika. Id-dettalji tal-kontijiet bankarji jridu jintalbu mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali.

4 Id-disponibbiltà ta’ reġistru tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Fil-Finlandja, ir-reġistru dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jinżamm mill-Uffiċċju Finlandiż tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni. Id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu huma:

L-Uffiċċju tal-Privattivi u tar-Reġistrazzjoni
Sörnäisten rantatie 13 C, Helsinki
Indirizz postali: 00091 PRH

Servizz ta’ konsulenza bit-telefown għall-klijenti (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9:00 sat-15:00): + 358 29 509 5050

Għal aktar informazzjoni: https://www.prh.fi/fi/index.html

5 Reġistri oħra b’informazzjoni rilevanti għas-suċċessjonijiet

Ir-Reġistru tat-Trasport

L-Aġenzija Finlandiża tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni Traficom iżżomm reġistru elettroniku tat-trasport li fih informazzjoni dwar il-mezzi tat-trasport, jiġifieri vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti u opri tal-baħar, vetturi ferrovjarji u tagħmir relatat, liċenzji tal-operaturi, operazzjonijiet soġġetti għal notifika u liċenzji personali relatati mat-trasport. Fil-prinċipju, ir-Reġistru tat-Trasport huwa pubbliku u l-informazzjoni li tinsab fih tista’ tiġi ddivulgata jekk din tkun meħtieġa minn awtoritajiet pubbliċi, minn kumpaniji u minn individwi.

Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ Traficom huma:

L-Aġenzija tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni Traficom

PL 320

00059 TRAFICOM

Swiċċbord: 029 534 5000

Posta elettronika: tietojenluovutus@traficom.fi

Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mir-Reġistru tat-Trasport lil awtoritajiet pubbliċi (inklużi awtoritajiet barranin) hija regolata bl-Artikolu 230 tal-Att dwar is-Servizzi tat-Trasport [laki liikenteen palveluista]. Skont it-tieni sub-Artikolu, l-Aġenzija tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni tista’ tiddivulga informazzjoni mir-reġistru lil awtoritajiet barranin jew għall-fini ta’ funzjonijiet uffiċjali jekk din id-divulgazzjoni tkun ibbażata fuq il-liġi, fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew fuq obbligu skont ftehim internazzjonali vinkolanti fuq il-Finlandja. Jekk tiġi trażmessa data personali barra miż-ŻEE, japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu V tar-Regolament Ġenerali tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data. Kwalunkwe awtorità oħra li tkun kisbet informazzjoni mir-Reġistru tat-Trasport tista’ tiddivulga l-informazzjoni b’mod ulterjuri jekk jiġu ssodisfati l-istess rekwiżiti.

Id-divulgazzjoni tal-informazzjoni ma hijiex marbuta ma’ kriterji tat-tiftix partikolari. Meta jitwettaq il-proċess ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni, huwa essenzjali li min jitlobha jkollu biżżejjed informazzjoni sabiex jidentifika l-mezz tat-trasport jew il-persuna.

Aktar dettalji dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mir-Reġistru tat-Trasport.

6 Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar testmenti sigrieti u testmenti mhux soġġetti għar-reġistrazzjoni

Ma hemm l-ebda reġistru ta’ testmenti fil-Finlandja. Testatur jista’ jżomm it-testment fil-pussess tiegħu stess jew jafdah f’idejn persuna oħra, jew, pereżempju, lil ditta legali tal-għażla tiegħu. Meta testatur imut, huwa l-obbligu tal-persuna jew tal-entità li żżomm it-testment li tinnotifika lill-werrieta legali bit-testment.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna